‘Mar għal tliet lezzjonijet tal-kitarra u bellaħhom’

Liam Muscat, il-kitarrist ġenju li laħaq ambaxxatur ta’ music hub fir-Renju Unit

Liam mhux biss għandu talenti fuq il-kitarra imma talent mużikali kbir
Liam mhux biss għandu talenti fuq il-kitarra imma talent mużikali kbir

Liam Muscat huwa żagħżugħ Malti ta’ 16-il sena li jgħix fi Blackburn, fir-Renju Unit. Bħal ħafna żgħażagħ daqsu, Liam għandu ħafna passatempi, jlaħħaq mal-ħruġ u l-iskola u jħobb jesperimenta ftit bil-kitarra. Iżda malli ra progress kbir fit-talent mużikali tiegħu, iddeċieda li jieħu l-affarijiet bi ftit iktar serjetà. 

Il-progress impressjonanti li għamel fit-teknika tal-kitarra saħansitra wassluh biex jintgħażel bħala Ambaxxatur għal Music Hub popolari fir-Renju Unit. 

Liam beda jitgħallem il-kitarra b’kumbinazzjoni meta kien għadu jattendi l-iskola Shadsworth Blakewater College, dik li llum hija magħrufa bħala l-Blackburn Central High School. Dak iż-żmien, huwa kien għadu fid-disa’ sena skolastika, li għalina hi l-Form 3. Għal bidu, huwa beda jattendi lezzjonijiet ta’ 20 minuta fil-ġimgħa. Iżda l-għalliema tiegħu mill-ewwel indunaw li dan iż-żagħżugħ għandu talent kbir. 

“Wara t-tielet lezzjoni, Liam ġie d-dar u qalli li l-għalliem tal-kitarra tbellaħ bit-talent li kellu u li ħeġġu biex ikompli jitħarreġ iktar fil-kitarra,” qalet ommu, Amanda. 

Għall-bidu, ommu m’għamlitlux wisq kuraġġ biex isegwi din il-ħolma. “Għax ngħiduha kif inhi, ma tantx timmaġina li wieħed jista’ jsib karriera jew irabbi familja billi jdoqq il-kitarra!’’ spjegatilna Amanda. 

Iżda mill-ġdid reġgħu ċemplulha mill-iskola biex jikkonvinċuha tieħu lil binha għal lezzjonijiet privati. Ħasbitha ftit u ddeċidiet li tibgħat lil binha jirfina l-kapaċità tiegħu fuq is-sitt kordi.

Wara biss tliet snin minn meta beda jistudja l-kitarra, Liam wasal fl-aħħar stadji tat-tmien u l-ogħla grad fit-teknika tal-kitarra. Dan wara li kien diġa’ kaxkar bosta ċertifikati b’distinction. 

Ta’ min jinnota li normalment, biex wieħed iġib dawn iċ-ċertifikati, hemm bżonn minn tal-inqas sena għal kull grad. Dak ifisser, li normalment biex tikseb dawn iċ-ċertifikati trid minn tal-inqas tmien snin. Madanakollu, Liam, irnexxilu jwassal sat-tmien gradi f’perjodu rekord ta’ tliet snin. 

Eventwalment, id-Direttur tal-Music Hub li kien jattendi hu, stiednu biex ikun l-Ambaxxatur ta’ din l-iskola prestiġjuża. 

Liam Muscat waqt it-taħriġ tiegħu fuq kitarra elettrika
Liam Muscat waqt it-taħriġ tiegħu fuq kitarra elettrika

Liam, anke b’sinjal ta’ apprezzament, aċċetta.

Blackburn with Darwen (BwD) hija prodott ta’ ftehim bejn Blackburn u Darwen Music Services flimkien ma’ organizzazzjonijiet oħrajn. L-għan  finali huwa li jipproduċu opportunitajiet għall-produzzjoni mużikali ta’ livell għoli ħafna. Fost l-imsieħba li hemm involuti f’dan il-proġett hemm il-BBC, More Music Morecambe u Manchester Camerata. 

Il-familja ta’ Liam emigrat lejn Blackburn, fir-Renju Unit sitt snin ilu. Ommu hija Maltija, hu twieled Malta u l-missier huwa ta’ nazzjonalità Ingliża. 

Liam jaf idoqq varjetà sħiħa ta’ kitarra, fosthom dik akustika, elettrika, bass guitar u l-ukelele li hi dik il-kitarra ċkejkna b’erba’ kordi li tintuża ħafna fl-Amerika Latina. 

Wara t-tielet lezzjoni, Liam ġie d-dar u qalli li t-teacher tal-kitarra tbellaħ bit-talent li kellu u ħeġġu biex jkompli jitħarreġ iktar fil-kitarra’

F’intervista telefonika mal-ILLUM, Amanda, omm Liam qalet li ż-żagħugħ saħansitra kellu ċ-ċans idoqq solo waqt attività fis-sala King George fi Blackburn. Għal din l-attività kienet attendiet ir-Reġina Eliżabetta II. Sintendi, b’ton ta’ omm kuntenta b’dak li kiseb binha fi ftit żmien, qaltilna li tinsab kburija mmens.

Ta’ 16-il sena, Liam diġà jgħallem f’żewġ skejjel primarji u skont kif spjegalna, kull ma’ jixtieq hu li jkollu l-opportunità li jaqsam l-entużjażmu u l-imħabba għall-kitarra ma’ tfal oħrajn.

Id-direttur tal-Music Hub fejn jattendi, għadu kemm innominah għall-premju prestiġjuż, is-Silver Arts Award. Liam se jkun l-ewwel żagħżugħ student fil-Music Hub li jiġi nnominat għal dan l-award. 

Liam Muscat jattendi l-Blackburn College u bħalissa qed iħejji ruħu biex iġib id-distinction fit-tmien grad fl-aħħar eżamijiet li fadallu. Qed jittama li jkollu karriera fil-mużika u t-tagħlim tagħha. Bir-rata ta’ kif inhu għaddej bħalissa, bla dubju li dan iż-żagħżugħ Malti, bejn korda u oħra tabilħaqq għandu jipprometti. 

Silver Arts Award

Is-Silver Arts Award huwa premju li jgħin biex iħeġġeġ l-involviment taż-żgħażagħ fl-arti u l-kreattività. Il-premju jippermetti l-parteċipazzjoni ta’ dawk li għandhom sal-25 sena u huwa mmexxi mill-Kulleġġ tat-Trinity, il-Kunsill tal-Arti fir-Renju Unit u għaxar organizzazzjonijiet oħra. Is-Silver Arts Award tnieda fl-2005 u llum huwa rikonoxxut fiċ-ċentri kulturali, kulleġġi u skejjel fl-Ewropa kollha.

More in Divertiment