Tliet films oħra Ewropej

Xena minn A fish called Keith, film mir-Renju Unit
Xena minn A fish called Keith, film mir-Renju Unit

Nhar il-Ġimgħa li ġej se jkun l-aħħar programm li fih se jkollna films parteċipanti fil-festival ta’ din is-sena. Il-ġimgħa ta’ wara l-festival se jkollu edizzjoni speċjali ta’ films li saru f’Malta din is-sena u l-industrija tas-servizzi u mbagħad fl-aħħar ġimgħa tal-iskeda tixxandar iċ-ċerimonja tal-għoti tal-unuri.

Din il-ġimgħa se nsegwu l-aħħar tliet films: A fish called Keith mir-Renju Unit, Tin and Tina minn Spanja u Isaac mill-Italja.

A fish called Keith jittratta familja li xtraw ħuta tal-ilma ħelu lil binthom imma kuljum isibu li din il-ħuta qed tmut. Biex ma jarawx it-tifla ddispjaċuta, imorru u jixtrulha ħuta oħra imma l-istorja terġa’ tirripeti ruħha. Fl-aħħar il-film jagħlaq b’sorpriża hekk kif il-ġenituri jiskopru x’ikun qed jiġri. Direzzjoni ta’ Steven Dorrington.

Tin and Tina hi storja intensa ta’ żewġ itfal aħwa. Dirett minn Rubin Stein, dan hu film miġbud mingħajr kulur, u ma fihx muntaġġ għax l-azzjoni tiġri quddiem il-kamera mingħajr waqfien, stil reminixxenti tal-ewwel films li qatt saru.

L-aħħar film hu Isaac dirett minn Federico Tocchella. Jittratta dwar tifel li jirreċta l-istorja tas-sagrifiċċju ta’ Iżakk u missieru Abram kif nafuha mill-Bibbja, waqt li qed jilgħab bir-ramel fi ġnien pubbliku. Il-film għandu reċtar mill-aqwa tat-tifel, effetti speċjali u stop motion animation mill-aqwa.

Nistednukom tiddiskutu l-films mal-ġurija residenti fl-istudjo u tipparteċipaw permezz tal-messaġġi jew il-votazzjoni online fuq is-sit elettroniku www.maltashortfilmfest.com. 

Il-Malta Short Film Festival jixxandar il-Ġimgħa fuq TVM fl-10.10pm, b’ripetizzjoni t-Tnejn fid-9.15pm fuq TVM2.

Il-festival hu produzzjoni ta’ Joyce Grech u Tony Parnis għal Malta Film Foundation, muntaġġ ta’ Gian Luca Mercieca u direzzjoni ta’ Ruben Cassar. Il-festival qed jittella’ bil-għajnuna ta’ ħafna kollaboraturi fosthom il-Malta Arts Fund, Radisson Blu Resort, Studio Seven, TVM u Local Initiative Cultural Fund.

More in Divertiment