“Stil ta’ mużika li jmur mal-kultura Maltija”

L-isil Klezmer, li oriġina mill-mużika Lhudija tal-Lvant tal-Ewropa

Birgit u Ralph Albrecht, li waqqfu l-fondazzjoni Klezmorimalta
Birgit u Ralph Albrecht, li waqqfu l-fondazzjoni Klezmorimalta

Fil-jiem sħan tas-sajf l-attivitajiet ma jonqsux. U fil-Belt Valletta, li dan l-aħħar donnha saret il-mekka tal-kultura Maltija, se jiġi organizzat kunċert bi stil ta’ mużika li forsi qatt ma smajna bħalu.

L-istil jismu Klezmer, oriġina mill-mużika tradizzjonali Lhudija tal-Lvant tal-Ewropa. Oriġinarjament dan l-istil kien jindaqq waqt tiġijiet u ċelebrazzjonijiet oħra. Huwa stil li jqanqal emozzjoni ta’ kuntentizza. Hija mużika li titrasmetti ħsus ta’ ferħ u bla ma trid, anke jekk tkun bilqiegħda tibda tiċċaqlaq magħha. 

Il-ġurnal ILLUM ġie f’kuntatt mal-fundaturi tal-fondazzjoni Klezmorimalta, Birgit u Ralph Albrecht, koppja li ġew joqogħdu Malta s-sena li għaddiet. L-idea tal-Fondazzjoni Klezmorimalta hi li tipproteġi l-mużika maħluqa minn strumenti akustiċi u b’vuċijiet naturali mingħajr użu diġitali. 

Iżda x’impatt tista’ tħalli din il-fondazzjoni fuq is-soċjetà Maltija. Birgit u Ralph wieġbu “Għas-soċjetà Maltija, din l-għaqda non-governattiva se tkompli ssaħħaħ it-tradizzjoni antika ta’ arti u mużika.”

Il-mużika Klezmor tuża l-klarinett, il-vjolin, it-trumbetta, il-pjanu, iċ-ċimblu, il-kuntrabaxx, il-kunċertina u t-trumbun. Illum il-ġurnata dan l-istil qed jikseb popolarità mad-dinja minħabba t-taħlit fil-kulturi u stili differenti li qed jinfluwenzaw lil xulxin. Il-fundaturi tal-fondazzjoni Maltija Klezmorimalta qalulna li dan l-istil jinkorpora mużika żingara, Russa, mużika folk mil-Lvant tal-Ewropa u jazz.

“Għalkemm ħafna nies f’Malta forsi ma jafux x’inhu l-Klezmer, aħna naħsbu li se jintlaqa’ tajjeb mill-udjenzi hekk kif il-ħoss ta’ dan l-istil ta’ mużika jmur tajjeb ħafna mal-estetika u l-ħoss tal-kultura Maltija. Aħna nemmnu wkoll li l-Klezmer se jistimula u jsaħħaħ ix-xena mużikali f’dan il-pajjiż” qalu b’pożittiviżmu l-koppja Olandiża. 

Klezmorimalta issa se torganizza avveniment maqsum fuq żewġt iljieli. Klezmorimalta Nights se jkun kunċert mifrux fuq jumejn, fejn il-baned tal-Klezmer Amsterdam fid-29 ta’ Awwissu u Yxalag fit-30 ta’ Awwissu se jdoqqu flimkien mal-kant’awtriċi Démira li se tkun preżenti fil-jumejn li huma. Démira hija kantanta ta’ dan l-istil ukoll u għadha kif ħarġet id-diska Indigo, u l-album mużikali bl-istess isem.

L-artisti li se jipparteċipaw f’dan il-kunċert jemmnu li l-mużika tajba hija mużika li tiġi mill-qalb u tqanqal emozzjonijiet, u dan huwa dak li huwa l-Klezmor. 

Għal din ir-raġuni, aħna m’għandniex dubju li kemm jekk għandek seba’ snin kif ukoll jekk għandek seba’ u sebgħin sena, żgur se jitqanqlulek emozzjonijiet diversi permezz ta’ din il-mużika etnika, tradizzjonali u mingħajr effetti kompjuterizzati.

More in Divertiment