Irmied u ġebel

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Michaela Pia Camilleri taqra l-ktieb Bur Mgħeż – imsemmi għal sit antik fl-Imqabba fejn kien isir id-dfin. Lejn l-aħħar tal-ktieb tirrealizza li hu ferm aktar minn hekk, għax Bur Mgħeż jirrifletti fuq il-franka Maltija, dik li bniet l-identità tagħna imma li fl-istess ħin qed tordom l-istorja tagħna

 

Il-ġebla mhix ġdida għalija. In-naħa ta’ missieri għexu bil-ġebel u mietu bih ukoll. Ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni, li issa qed tkompliha oħti, imma mhux jien. Għad għandi ritratti tiegħi minn site visits li kont immur ma’ missieri meta kelli forsi seba’ snin: jien fuq gaffa, qisni nemlu qed jipprova jsuq ajruplan, u ieħor inżomm in-narċis f’idejja, liebsa par żarbun ċkejken tal-ballerini, imdawra bil-ġebel goff u t-trabijiet. Travi, xbieki, xorok, u kolonni jissemmew kuljum madwar il-mejda waqt l-ikla ta’ filgħaxija.  

Meta ftaħt Bur Mgħeż, il-ktieb ġdid ta’ Omar N’Shea, ippubblikat fil-21 ta’ Ġunju tal-2026 minn Aphroconfuso, ma kellix idea x’kont qed nistenna. Isem stramb, qisu mitoloġiku. Kont evitajt li naqra siltiet minnu fil-ġurnal online, għax nippreferi naqra l-ktieb fis-sħiħ. Ma nafx kontx naqbdu minn fuq l-ixkaffa, li kieku ma kontx naf il-pinna ta’ N’Shea minn qabel — pinna perfezzjonista u reqqa, li ma tippubblika xejn sakemm mhix ċerta mill-kwalità traxxendenti ta’ kitbietha.  

Fl-ewwel paġni tiegħu, il-ktieb jiftaħ b’sottotitlu dirett, Camusesk — “Ftit qabel dfint ’l ommi mort infittex qabar” — u b’mixja fuq l-Għolja tal-Ħorr, fejn jinsab iċ-ċimiterju tal-Addolorata llum il-ġurnata. Ħsibt li se jkun ktieb fuq omm il-kittieb, u l-istennija kiefra għall-mewta tagħha. Iżda mhux eżatt.  

Minflok, jiddokumenta u jikkronoloġizza l-istorja vasta tal-istudji arkeoloġiċi li saru fuq dawn il-gżejjer mis-seklu dsatax ’il quddiem, partikolarment b’rabta ma’ Bur Mgħeż — sit ta’ dfin Neolitiku ġewwa l-Imqabba li kien sema’ bih l-awtur, u li traċċa tiegħu m’għadekx issib. Din id-dokumentazzjoni ta’ dan is-sit, l-awtur jagħmilha biex jipproċessa l-mewta mistennija t’ommu, biex jidfen il-memorja tagħha fit-trab tal-franka. Fi kliemu: “il-bniedem ifittex il-bram, id-dgħaben u l-għerien biex jidfen lil niesu, u jien immur infittex il-qabar t’ommi.” 

Il-ġebla tal-franka Maltija tieħu prominenza mill-ewwel paġni, fejn jiddeskrivi l-ġeografija tad-dfin hawn Malta — fejn il-franka mhux biss tindifen fiha, iżda tiddekora qabrek, permezz ta’ obeliski, statwi, fjammi u anġli fuq l-Għolja tal-Ħorr, u permezz tal-ġeografija tad-dgħaben u l-għerien, fis-siti tad-dfin Neolitiċi. 

Is-sit ta’ Bur Mgħeż kienu kitbu fuqu diversi studjużi prominenti bħal Temi Zammit u Napuljun Tagliaferro. Iżda mbagħad reġa’ għeb fil-baħħ, ħlief għal xi dokumenti fl-Arikivji f’Santu Spirtu, ir-Rabat, u fil-memorja kollettiva ta’ xi Mqabbin li bilkemm jafu huma stess fejn jinsab. Għal xi raġuni, l-awtur, b’mod forsi ftit ossessiv, jipprova jiskopri iżjed fuq dan il-post mistur. Dan l-interess dejjaq fuq post partikolari bħal dan issorprendieni — ma kontx ċerta għala l-awtur għażel li jistudja b’mod tant reqq dan il-post tant speċifiku, f’ambitu mhux akkademiku. Iżda komplejt naqra.  

Fi speċi ta’ arkeoloġija dokumentarja, iqalleb mijiet ta’ paġni ta’ dokumenti antiki biex jipprova jibni stampa tal-passaġġ taż-żmien fuq dan is-sit, u fuq kollox, biex forsi jsibu. F’kitbietu, N’Shea jidħol f’dettall kbir fil-proċess tad-dokumentazzjoni. Jibda billi jqalleb dokumenti fl-Arkivji, li jikxfu kif dan is-sit arkeoloġiku, li fl-istess ħin huwa riżorsa naturali tal-franka, inqabad bejn il-burokrazija kolonjali u l-poter tal-familji tat-tajjeb, kif ukoll bejn il-proprjetà tal-Knisja u ż-żoni ambigwi magħluqin mill-militar. Id-dokumentazzjoni orali importanti wkoll għal N’Shea. Jitkellem ma’ ħafna nies tal-inħawi biex jara x’jafu fuqu — jipprova jgħaqqad stampa ta’ dan is-sit, permezz ta’ frammenti mill-memorja tagħhom u ta’ x’semgħu mill-antenati tagħhom. Il-vjaġġ tat-tiftix tiegħu isir anke permezz ta’ djalogu fil-kummenti taħt ritratt fuq Facebook, li jwasslu għal nies li kienu ħadmu fuq is-sit meta kienu mal-RAF. 

Naqraw siltiet twal dwar il-proċessi legali u t-titli legali relatati mas-sit u l-barriera, li ħassejt li t-test taqqluh ftit għal qarrej li mhux familjar mad-dinja legali, minkejja li nifhem li d-dokumentazzjoni hija proċess importanti u karatteristika prominenti tal-kitba ta’ N’Shea. Dan jikxef in-natura tal-kitba tal-awtur, li jikteb xogħol li diffiċli tikkategorizzah: xi tip ta’ memoir li jmiss diversi fergħat, inkluż l-antropoloġija, il-filosofija, l-etika tal-arkeoloġija, u l-kolonjaliżmu, fost l-oħrajn. 

Il-franka hija karattru prinċipali f’dan it-test. L-awtur jesplora l-istorja tagħna permezz tagħha. Il-franka tista’ tgħid li ħalqet l-istorja, u fl-istess waqt qatlitha. Kienet essenzjali biex jinbnew monumenti megalitiċi, l-ipoġew u dawn l-oqbra Neolitiċi, fost ħafna affarijiet, u kienet ukoll ħolqa importanti ħafna fil-katina ekonomika u soċjali tas-seklu 20, meta konna nesportawha Korfu u Lixandra. Iżda fl-istess waqt, għal skopijiet ekonomiċi u tista’ tgħid soċjali, irdamna l-istess storja biha. Is-sit ta’ Bur Mgħeż sar barriera, u iktar tard żona militari, u ntilef kważi kollox mis-sit arkeoloġiku. L-awtur jistaqsi mistoqsijiet filosofiċi, dwar jekk għandniex inpoġġu l-arkeoloġija u l-wirt kulturali fuq kollox u kulħadd, anke l-komunità, speċjalment meta wieħed iqis li l-arkeoloġija kienet metodu ta’ tisħiħ tas-saħħa imperjalista tal-Ingliżi. Isaqsi mistoqsija importanti immens fil-kuntest postkolonjali: mhux il-komunità għandha tiddeċiedi x’tagħmel b’artha, minflok l-Imperu, li jagħlaq sit arkeoloġiku għal deċennji sħaħ u ma jagħtix aċċess lin-nies tal-post, bl-iskuża tal-istudju? Ikolli nsaqsi però, l-interessi tal-komunità huma vera ta’ interess għas-soċjetà, jekk huma biss interessi ekonomiċi? U xi ngħidu għall-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri? Li tordom qabar taħt darek bil-konkos għall-konvenjenza personali tiegħek huwa fl-interess tal-komunità? 

Jistaqsi wkoll dwar l-etika li naqilgħu l-mejtin minn ġo qabarhom — xi ħaġa li l-arkeologi u l-istudjużi jqisuha bħala ħaġa ovvja. Dawn il-ħsibijiet żviluppahom permezz ta’ djalogu ma’ nies mill-inħawi, li għandhom konnessjoni mal-ħidma tal-ġebla fil-barrieri. Minkejja li mhux dejjem qbilt ma’ li ntqal, ħadt gost li fi speċi ta’ djalogu Sokratiku, l-awtur qed jaqleb l-istrutturi ta’ ħsieb akkademiku tradizzjonali, u joħloq spazju għall-iżvilupp ta’ ħsieb li jmur oltre l-akkademiku, ibbażat fir-realtajiet tal-komunità kkonċernata — pass postkolonjali fih innifsu.  

Minkejja li mad-daqqa t’għajn is-suġġett tal-ktieb jinħass niche, inħoss li dan il-ktieb huwa parti essenzjali mir-repertorju letterarju Malti, partikolarment fid-diskussjoni tal-identità postkolonjali tagħna. Il-ġebla tal-franka, li narawha kullimkien madwarna, fis-swar, fiċ-ċimiterji, u fid-djar tagħna, ħlief għall-blokok li qed jitilgħu llum il-ġurnata, hija parti kruċjali tal-identità Maltija — kienet parti vitali mill-ekonomija tagħna, mill-ġeografija viżwali tagħna, u anke l-istorja kolonjali tagħna. Mhux biss nitwieldu u ngħixu fiha, iżda nindifnu fiha, għall-eternità. Dal-ktieb jikkuntestwalizza kif il-ġebla bniet l-istorja tagħna, u kif ħa tifforma l-ġejjieni tagħna. Jikkuntestwalizza kif il-ġeografija tagħna sawritna fil-poplu li aħna, kemm bħala kolonja, u kemm bħala ġens indipendenti. Jinqeda bil-franka madwarna u taħt saqajna biex jinvestiga l-identità postkolonjali tagħna. Dan huwa l-ktieb li l-Malti ma jafx li kellu bżonn.  

 

 

More in Arti