‘Poġġejt għax għajjejt’ ta’ Antoine Paul Camilleri
“Naħseb li naf kif noqgħod bilqiegħda biex inħares lejn il-ħajja.” – Pierre de Coulevain (Kittieb Franċiż, 1853-1927)
L-esebizzjoni ta’ Antoine Paul Camilleri tesplora dik is-sensazzjoni sabiħa, kważi meditattiva, li wieħed sempliċement joqgħod bilqiegħda u jħalli kollox jgħaddi. Dak il-mument meta l-unika ħaġa li tixtieq hija post fejn toqgħod, u ladarba tistrieħ, kull għadma f’ġismek tibda teħles mit-tensjoni.
L-idea għal din l-esebizzjoni nibtet waqt żjara fl-istudio mill-kuratriċi Melanie Erixon. Waqt li kienet qed taħseb flimkien mal-artist dwar din il-wirja individwali, hija nnotat in-numru kbir ta’ skulturi ta’ figuri bilqiegħda: xi wħud fuq siġġijiet, oħrajn mimduda, oħrajn qed jirrilassaw f’banju, u xi wħud qed imissu bi ħlewwa qattus. Ix-xogħlijiet ippreżentati fl-esebizzjoni jinkludu ċeramika, bronż u tpinġijiet, u kollha jaqbdu dawn il-mumenti intimi ta’ waqfa u mistrieħ.
L-esebizzjoni tiċċelebra l-arti li “ma tagħmel xejn”, u tgħallimna nirreżistu l-impuls kostanti li nkunu produttivi f’kull mument tal-ġurnata. Tistedinna noqogħdu bilqiegħda mingħajr il-mowbajls tagħna, bħalma huma dawn il-figuri skolpiti, u sempliċement ninnutaw lin-nies u l-affarijiet ta’ madwarna, u nħallu lilna nfusna naħsbu.
Fl-aħħar mill-aħħar, permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet, Camilleri jħeġġiġna nnaqqsu r-ritmu, nirrilassaw u ngawdu, għal ftit minuti, il-ferħ ta’ il dolce far niente.
Dwar l-artist
Camilleri twieled f’Awwissu tal-1959 u huwa wieħed minn ħamest aħwa. Ta’ età żgħira beda jitħarreġ ma’ missieru, il-mibki Antoine Camilleri, wieħed mill-aktar artisti moderni influwenti f’Malta. Fil-livell postsekondarju studja taħt l-artist Esprit Barthet u attenda klassijiet tal-fuħħar maċ-ċeramist magħruf u ammirat Gabriel Caruana.
Huwa pparteċipa f’diversi esebizzjonijiet kollettivi u organizza wkoll numru ta’ wirjiet individwali. Ix-xogħol tiegħu jkopri firxa wiesgħa ta’ mezzi artistiċi, fosthom tpinġijiet bil-pinna u l-linka, pitturi bl-akriliku, inċiżjonijiet, akwarelli, fużjoni tal-ħġieġ magħquda ma’ skultura tal-metall, u ċeramika. Issa li rtira, jista’ jiddedika ruħu bis-sħiħ għall-pittura u l-iskultura mill-istudio tiegħu f’Pembroke.
