Jekk mhux se nrawmu kultura ta’ kritika letterarja, m’għandniex futur

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Daniel Cossai jitkellem dwar in-natura tal-kritika letterarja f’Malta, u f’din l-aħħar reċensjoni tiegħu magħna, huwa pjuttost skjett dwar dak li jħassbu. 

Il-kritika letterarja f’Malta tinsab f’qagħda mwiegħra.

Ix-xena letterarja donnha għaddejja minn żmien tajjeb ta’ kreattività. F’dawn l-aħħar snin rajna pubblikaturi żgħar ifaqqsu li qed jagħmlu xogħol eċċezzjonali. Rajna wċuħ ġodda jfeġġu bil-kbir, mhux l-inqas lil Noah Fabri li bl-ewwel ktieb tiegħu rebħet mill-ewwel il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Din is-sena biss ġew ippubblikati għadd ta’ kotba ta’ kwalità – Fis-sema hekkda fl-art ta’ David Aloisio, Eħlisna mid-deni ta’ Karl Schembri, Es Sidr ta’ Omar N’Shea, Qarn ta’ Romeo Roxman Gatt, L-Avveniment ta’ Claudine Borg, li hu traduzzjoni ta’ xogħol Annie Ernaux, u aktar. Rajna l-ġeneru tal-esej personali jitwieled, iqum fuq saqajh u jitlaq jiġri, bil-kitbiet ta’ Kurt Borg ewlenin fosthom. Rajna żieda fil-kotba tradotti ppubblikati u f’pubblikazzjonijiet oħra f’ġeneri li ma narawx spiss bil-Malti. Imma jibqa’ jippersisti paradoss ewlieni: waqt illi qed jiġu ppubblikati daqstant vuċijiet differenti, il-kritika letterarja għadha fil-biċċa l-kbira ineżistenti, u saħansitra kontroversjali fil-komunità żgħira letterarja tagħna.

 

Hawnhekk mhux qed nitkellem fuq il-kritika letterarja purament akkademika li tanalizza ktieb jew awtur minn perspettivi teoretiċi varji jew fid-dawl ta’ aspetti storiċi, soċjopolitiċi jew bijografiċi, bħalma tawna tant il-mibkijin Oliver Friggieri u Charles Briffa. Qed nitkellem fuq il-kritika li tevalwa, mhux tanalizza; dik immirata lejn il-komunità usa’ ta’ qarrejja, li tagħżlilhom it-tajjeb mill-ħażin u tindikalhom liema kotba għandhom xi ħaġa tajba x’joffrulna u għaliex. Din it-tip ta’ kritika llum nsibuha l-iżjed f’din il-paġna letterarja u f’ġurnali oħra, spiss ftit wara t-tnedija ta’ ktieb, spiss ukoll b’ton daqsxejn eloġiku u kważi ta’ reklamar. Hemm xi eżempji tajbin ukoll miktubin mingħand Olivia Borg ippubblikati f’Leħen il-Malti, darba fis-sena, wisq ftit frekwenti. Forsi l-aħjar eżempji nsibuhom, ġieli, fl-introduzzjoni ta’ ktieb, imma dawn huma aktar gwida għal min diġà xtara l-ktieb milli evalwazzjoni għal qarrejja prospettivi. Fil-każijiet kollha għandna l-istess problema: huma wisq immedjati, maħsubin biex ikunu efemerali għax fil-biċċa l-kbira huma maħsubin jew biex iżidu l-bejgħ jew għat-test għall-qari li jsegwi immedjatament wara l-evalwazzjoni bejn l-istess qoxra. Huma inaċċessibbli u impermanenti wisq biex bil-mod il-mod jifformaw korp robust ta’ kritika letterarja u jrawmu kultura miftuħa għaliha.

 

Is-sitwazzjoni agħar minn hekk. Il-volum u l-aċċessibbiltà huma parti mill-problema imma mhumiex il-problema sħiħa. Għadha tippersisti idea żbaljata ta’ x’inhi reċensjoni. Filwaqt li kulħadd għandu l-istil tiegħu – ngħid għalija, pereżempju, nippreferi niffoka fuq aspett wieħed jew tnejn li nħoss li għandhom jiġu enfasizzati mal-qarrejja bħala mogħdijiet possibbli ta’ x’tista’ tieħu mit-test milli nipprova nkun komprensiv – b’mod ġenerali reċensjoni għandha twieġeb żewġ mistoqsijiet: x’jagħmel dan it-test, u għaliex għandu jimpurtana? Ħafna drabi, forsi għax hekk darrewna l-iskola, ir-reċensjonijiet qatt ma jgħaddu għat-tieni mistoqsija ħlief forsi b’mod superfiċjali; jgħidulna biss x’jagħmel it-test, u jsiru qishom sommarji. Kultant ukoll iwieġbu mistoqsija oħra minflok: għoġobni? Din differenti ħafna minn "għaliex għandu jimpurtana"; waħda hija suġġettiva, l-oħra tfittex raġunijiet oġġettivi fit-test ta’ x’qed tagħmel speċjali biċċa xogħol li jiddistingwiha u, iva, wisq probabbli minħabba f’hekk il-ktieb jogħġobna. Imma mhux bilfors ikun hemm korrispondenza bejn iż-żewġ tweġibiet. Nistgħu napprezzaw li ktieb qed jagħmel xi ħaġa tajba ħafna mingħajr ma jogħġobna personalment u, min-naħa l-oħra, jaf jogħġobna ktieb li oġġettivament, ma joffri xejn sinifikanti. U kultant, inevitabbilment, it-tweġiba għat-tieni mistoqsija tkun bil-maqlub: x’inhuma r-raġunijiet għaliex ktieb mhu jagħmel xejn ġdid u m’għandniex għalfejn jimpurtana wisq minnu.

 

F’dawn is-sentejn u ftit li ili nikteb f’din il-paġna letterarja, smajt kemm-il darba minn persuni differenti li "nieħu gost naqra r-reċensjonijiet tiegħek għax ma tiddejjaqx tikkritika". Nammetti li ddaħħaqni xi ftit, l-ewwel nett għax inħoss li għalkemm fejn nara nuqqas, insemmih b’rispett għall-qarrejja li jafdaw li qed nikteb b’onestà, inġenerali r-reċensjonijiet tiegħi kienu pjuttost pożittivi u dejjem kemm jista’ jkun infittex li mqar niftaħ tieqa fuq aspett pożittiv fil-ktieb. Imma ddaħħaqni wkoll għax suppost li kellha tkun ovvja li reċensur, minkejja li kemm jista’ jkun jipprova jagħżel kotba li jaf li se jinteressawh (anki minħabba l-investiment meħtieġ f’termini ta’ ħin ta’ qari qabel tinkiteb reċensjoni; ħadd ma jrid iqatta’ bosta sigħat jaqra ktieb li jdejqu), kultant se joħroġ diżappuntat. Imma l-ammont ta’ drabi li smajtha jindikali li, almenu fil-kultura kurrenti tagħna, mhi ovvja xejn.

 

Biżżejjed niftakru fid-diżastru li nqala’ fix-xena letterarja bħal daż-żmien sentejn, meta feġġ għal ftit żmien il-blogg anonimu The Malta Literary Review. U għad illi, ċarament, il-blogg kellu aġenda li jiffoka fuq dak li l-evalwatur qies li kien problematiku u allura, bilfors, kull artiklu ħa xeħta negattiva għall-aħħar, u għad illi t-ton ma kienx wieħed li naqbel miegħu, il-kritika sussegwenti – li qed jikteb biex jagħmel ħsara, li kien hemm aġenda personali, li l-anonimità jew, saħansitra, l-identità tal-kritiku jinvalidaw il-perspettiva mingħajr kontroverifika ankrata fit-test letterarju – ma nħossx li kienet ġusta. Pjuttost kienet sinjal tal-immaturità persistenti fix-xena letterarja Maltija li għadha mhix lesta għan-nuqqas ta’ qbil u għall-kritika li forsi ttellef il-bejgħ.

 

Jien stess, f’dawn is-sentejn, esperjenzajt reazzjonijiet negattivi għall-aħħar għal uħud mill-kitbiet tiegħi. Il-mudell kien bejn wieħed u ieħor l-istess: appell għas-suċċess passat, għat-tifħir ta’ ħaddieħor, u tentattivi ta’ diskreditar tar-reċensur. Imma għall-evalwazzjoni kritika, l-unika ħaġa li tgħodd hi t-test partikolari nnifsu u għaliex għandu jimpurtana minnu. Jekk ħaddieħor ma jaqbilx mal-fehma tal-kritiku, ma jfissirx li l-kritiku huwa żbaljat (u jien, l-ewwel wieħed, nibqa’ konvint minn dak kollu li ktibt f’dawn il-paġni). Dak hu l-punt għaliex għandna ħtieġa urġenti li nrawmu kultura soda ta’ kritika letterarja ta’ veru. Hija l-komunità kritika li għandha tevalwa, kollettivament, x’inhuma t-testi essenzjali tal-letteratura tagħna u x’inhuma dawk li ma jilħqux l-istandard, mhux xi individwu waħdu. Dan jgħodd mhux biss għall-kritika negattiva tiegħi imma daqstant ieħor għal, pereżempju, l-aħħar reċensjoni tiegħi li dehret f’din il-paġna fejn esprimejt il-konvinzjoni tiegħi li Eħlisna mid-Deni se jittrasforma l-letteratura Maltija. Jien m’iniex l-imħallef. Jien parteċipant fid-djalogu.

 

Minflok, f’Malta llum, għandna komunità żgħira fejn kulħadd jaf lil kulħadd u allura, l-awturi jistaqsu lil awturi oħra li jafu u li isimhom iġorr ċertu reputazzjoni biex jiktbulhom ftit kliem sbieħ. Ir-reċensjonijiet saru riklami. Kulħadd jitbissem lil kulħadd u l-kritika kostruttiva jew ma ssir qatt jew tinħeba fejn ma jarawhiex il-qarrejja u s-suq. Imma rridu nkunu onesti li impossibbli li kulma jikteb individwu, aħseb u ara kulma jikteb pajjiż, hu tal-ogħla livell. Anki Shakespeare kellu mumenti ħżiena. Dan mhuwiex il-mod kif nikkonvinċu lill-qarrejja li l-letteratura Maltija ta’ min jinvesti flusu u ħinu fiha. Mhux il-mod kif nuru lill-qarrejja xi jmisshom jaqraw għax verament se jagħmilhom iżjed għonja intellettwalment jew kulturalment. Mhuwiex il-mod kif nikkonvinċu lill-pubblikaturi barranin jippubblikaw iżjed letteratura Maltija tradotta. Mhuwiex il-mod kif nikkonfermaw jew nisfidaw l-aġġudikazzjonijiet tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, li mhux l-ewwel darba qajmu kontroversja.

 

Infakkar, pereżempju, f’Castillogate. Kellna individwi li ħassew li ma jilħaqx l-istandard mixtieq, u pubblikatur u għadd ta’ awturi li jinsistu li hu klassiku kontemporanju. Diżgwit mingħajr wisq riżoluzzjoni. Fejn huma l-kritiċi letterarji stabbiliti biex jagħtu l-kontribut tagħhom u biex jaraw it-test issopraviviex iż-żmien, fih innifsu u rrispettivament sarux drammi u films? Jaħseb x’jaħseb wieħed fuq il-biċċa, sitwazzjoni fejn il-partijiet fil-konverżazzjoni huma individwi li jridu jiddefendu l-għażla tagħhom, pubblikaturi li jridu jbigħu l-kotba, jew inkella xi ħadd li qed jikkummenta fuq ħabiba, kollega, eks student jew għalliem, jew fuq il-pubblikatur tiegħu wkoll, ma tistax titqies kultura kritika f’saħħitha. Ma nistgħux nibqgħu f’sitwazzjoni fejn huma l-pubblikaturi u l-marketing, iktar minn kull ħaġa oħra, li jiddeterminaw x’inhuma l-klassiċi kontemporanji. Inevitabbilment dan iwassal biex kotba f’livelli differenti ħafna jiġu mfaħħra b’modi simili bħala l-aqwa ħaġa li qatt inkitbet.

 

X’inhi t-triq ’il quddiem? Irridu naċċettaw, mhux bil-kliem imma b’għemilna, li kultura f’saħħitha tilqa’ l-kritika u l-kontroversja. Irridu nieqfu nqisu l-kritika bħala attakk personali u nieqfu nipprovaw niskreditaw lil min jagħti evalwazzjoni li ma togħġobniex. Irridu nibdew naraw il-kritika letterarja u r-reċensjonijiet mhux bħala mezz biex jiżdied il-bejgħ ta’ ktieb ġdid imma bħala konverżazzjoni kontinwa li tistaqsi u tisfida, li tirrikuntestwalizza l-pubblikazzjonijiet passati, li tistabbilixxi korp rappreżentattiv tal-aqwa letteratura Maltija, u li b’mod ġenerali tgħolli l-istandard.

 

Għandna bżonn iżjed mezzi għal din it-tip ta’ kritika. Trid tiżdied fil-volum u fl-aċċessibbiltà. Għandna bżonn ukoll forom ġodda, u mhux biss bil-kitba (għadni nistenna podcast lettarju sura ta’ nies bil-Malti). Irridu mhux biss reċensjonijiet imma iżjed kitbiet twal u evalwazzjonijiet komparattivi iżjed akkademiċi li jqisu x-xogħol ta’ awtur jew ġeneru sħiħ. Il-kritika trid tilħaq udjenzi varji b’forom varji. Irridu kemm jista’ jkun ilħna differenti; il-kritika m’għandhiex tibqa’ sett żgħir ta’ nies jiktbu dwar xulxin. Forsi wasal iż-żmien ukoll għal iżjed reċensjonijiet – ta’ veru, mhux riklami – bl-Ingliż biex dan il-korp rappreżentattiv jilħaq udjenza barranija li jaf titħajjar tesportah.

 

Il-komunità tal-kitba u dik tal-kritika jeħtieġ li jsiru iżjed interkonnessi, li jiddependu fuq u jsaħħu lil xulxin u mhux jantagonizzaw lil xulxin meta ma jaqblux. Hemm bżonn nirrikonfiguraw il-fehmiet tagħna dwar l-evalwazzjoni letterarja, kemm fost l-evalwaturi nfushom u x’inhi r-responsabbiltà tagħhom, kif ukoll fost l-awturi.

 

Fil-futur li nimmaġina, ma nibqgħux naraw lil min jikkritika bħala xi ħadd b’aġenda u nifhmu li min jikkritika qed jinterpreta, mhux jgħaddi ġudizzju finali u universali. Nibdew naraw il-letteratura bħala djalogu u mhux ħaġa li tintemm mal-pubblikazzjoni, u ma niddejqux nerġgħu nevalwaw kotba u fehmiet passati. Fuq kollox, nifhmu li l-kritika mhix att ta’ mibegħda, iżda ta’ mħabba lejn dak kollu li hu letterarju. Nittama li ma ndumux biex naslu.

More in Arti