Il-mużew il-ġdid tal-Konkatidral ta’ San Ġwann dieħel f’fażi ġdida
Il-proġett tal-mużew il-ġdid tal-Konkatidral ta’ San Ġwann daħal f’fażi trasformattiva

Il-proġett tal-mużew il-ġdid tal-Konkatidral ta’ San Ġwann daħal f’fażi trasformattiva. Din l-aħħar sena kienet waħda fejn fiha sar progress sinifikanti f’din l-inizjattiva ambizzjuża. Il-ħidma kollaborattiva u ddedikata tat-tim involut kienet immirata biex tikseb bilanċ delikat iżda essenzjali bejn l-innovazzjoni u l-preservazzjoni ta’ wieħed mill-aktar siti storiċi għeżież f’Malta.
Dan il-proġett mhux biss se jipprovdi dar permanenti għas-sett ta’ arazzi Fjammingi Barokki tal-Konkatidral — magħrufa mad-dinja kollha u l-akbar sett komplut tat-tip tiegħu — iżda se jiġu esebiti wkoll artefatti rari reliġjużi mill-kollezzjoni tal-fidda, ilbies liturġiku, u kotba korali tas-seklu 16. Għall-ewwel darba, il-pubbliku se jkollu l-aċċess għal partijiet storiċi fil-kumpless tal-Konkatidral li ilhom magħluqa snin sħaħ, u b’hekk se joffri esperjenza kulturali u reliġjuża aktar rikka u immersiva.
Pass importanti huwa t-tlestija tal-kostruzzjoni tal-kamra tal-arazzi, li testendi ’il fuq minn aktar minn 45 metru bejn żewġ toroq, kif ukoll il-bini ta’ koppla li fiha se tiġi esebita l-Capella Ardente. Barra minn hekk, inbniet struttura arkitettonika kumplessa: taraġ ċirkulari, mibni bl-użu ta’ elementi tal-konkrit prefabbrikati, li ġew ittrasportati u mmuntati fuq il-post. Se jsir ukoll lift tond u speċjalizzat fiċ-ċentru ta’ dan it-taraġ li se jiggwida lill-viżitaturi bla xkiel tul il-livelli kollha tal-mużew.
Il-faċċati fuq l-erba’ naħat tal-kamra tal-arazzi bħalissa qed jinbnew b’ġebla tal-franka lokali, estratta b’attenzjoni minn siti lokali. Dawn il-faċċati jikkonsistu f’aktar minn 2,370 blokka, kollha ddisinjati u maħduma waħda waħda. Wara proċess rigoruż fil-kontroll tal-kwalità, il-ġebel jiġi ffurmat f’blokok speċifiċi u maħduma bi preċiżjoni tal-ogħla livell bl-użu ta’ tagħmir robotiku teknoloġiku avvanzat. Il-faċċata mhux biss tirrifletti s-sengħa u t-teknoloġija kontemporanja, iżda tintegra wkoll il-mużew b’mod armonjuż mal-ambjent storiku tat-toroq tal-Belt Valletta — Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni huma sinonimi mal-Konkatidral ta’ San Ġwann u jsiru b’mod kontinwu fi ħdan l-organizzazzjoni. Bħala parti mill-proġett ta’ dan il-mużew, ġew restawrati diversi partijiet storiċi u arkitettoniċi importanti, fosthom il-gallarija tal-injam li tħares fuq Triq il-Merkanti, il-faċċati tal-bitħa interna, u l-Caravaggio Wing, li tinsab fil-kantuniera bejn Triq il-Merkanti u Triq San Ġwann. Ix-xogħol ta’ konservazzjoni għadu għaddej ukoll fuq it-taraġ storiku li jwassal għall-Kripta tal-Bartolott, filwaqt li l-Kripta nnifisha ġiet kompletament irrestawrata u se tkun iddedikata għall-wiri tal-kollezzjoni tal-fidda.
Dawn il-kisbiet jenfasizzaw l-impenn kontinwu tal-Fondazzjoni biex twassal l-ogħla standard fil-qasam kulturali. Il-Konkatidral ta’ San Ġwann diġà huwa l-iktar sit kulturali li jżuruh f’Malta u li jattira viżitaturi li jfittxu esperjenzi sinifikanti li jħallu impatt li jdum ferm wara ż-żjara tagħhom. Dan l-impatt se jissaħħaħ b’mod sinifikanti mal-kumplament tal-proġett tal-mużew il-ġdid, li mistenni jsir, mhux biss simbolu tal-wirt storiku, artistiku, u religjuż ta’ Malta, iżda wkoll sors ta’ ispirazzjoni għal ġenerazzjonijiet futuri. Permezz tiegħu, il-pubbliku se jkun imħeġġeġ li jesplora iktar fil-profond l-istorja, l-arti, u l-ispiritwalità, li jiffurmaw il-qalba ta’ din il-ġawhra nazzjonali.