Saffi ġodda tal-imgħoddi ta’ Malta żvelati fis-sit magħruf bħala Tal-Bidnija

L-evidenza arkeoloġika qed toffri tagħrif ġdid dwar l-iżvilupp storiku taż-żona fit-tul

(Ritratt: Heritage Malta)
(Ritratt: Heritage Malta)

Arkeologi li qed jaħdmu fis-sit f’Tal-Bidnija rrapportaw l-iskoperta ta’ dak li hu maħsub li huwa sit ta’ dfin ta’ wara żmien ir-Rumani, li jinkludi mill-inqas żewġ fdalijiet umani. Dawn is-sejbiet jidher li jikkonfermaw dak li huwa magħruf minn sorsi mill-aħħar fażi tal-Medjuevu — prinċipalment li l-inħawi baqgħu jintużaw sew wara l-perjodu tal-antikità klassika.  

L-evidenza arkeoloġika qed toffri tagħrif ġdid dwar l-iżvilupp storiku taż-żona fit-tul. L-iskavi qed isiru fiż-żona fuq Burmarrad magħrufa bħala Tal-Bidnija, fejn hemm bosta fdalijiet arkeoloġiċi, u huma parti mill-proġett OLEA — kollaborazzjoni bejn Heritage Malta, l-Università ta’ Malta, u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. 

Imniedi fl-2020, il-proġett jgħaqqad l-għarfien espert u r-riżorsi nazzjonali biex imexxi, iħares, u jistudja b’mod professjonali wieħed mill-aktar siti ta’ wirt rurali promettenti f’Malta. 

Il-post kien inġieb għall-attenzjoni ta’ Sir Temi Zammit lura fl-1912 iżda baqa’ fil-biċċa l-kbira tiegħu mhux esplorat, sakemm reġa’ feġġ waqt il-Malta Survey Project (2008–2012). Radar li jippenetra l-art u analiżi tal-artefatti tal-wiċċ urew strutturi midfuna konsistenti ma’ ‘villa rustica’ Rumana jew kumpless ta’ razzett, qrib masġar taż-żebbuġ stmat li għandu mill-inqas aktar minn 500 sena. 

Issa fit-tieni sena ta’ skavar, il-proġett OLEA qed ikompli jservi bħala post ta’ taħriġ għall-istudenti tal-arkeoloġija tal-Università ta’ Malta biex jiksbu esperjenza prattika fuq il-post filwaqt li jikkontribwixxu f’riċerka attiva. 

Waqt żjara riċenti fis-sit, Dott. David Cardona, Senior Manager tat-Taqsima tar-Riċerka Arkeoloġika ta’ Heritage Malta, il-Prof. Nicholas Vella mid-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta, u Kevin Borda, Uffiċjal Kap fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, iggwidaw lill-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit u l-Kap tal-Operat Kenneth Gambin, il-Prof. Inġ. Simon Fabri, Pro-Rettur għar-Riċerka u t-Trasferiment tal-Għarfien, u Dott. Carmel Serracino, il-Kap tad-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija, madwar is-sit u qasmu punti dwar l-aħħar sejbiet u r-riżultati sa issa. L-evidenza misjuba f’dan l-istaġun qed tgħin lir-riċerkaturi jibnu mill-ġdid l-istorja soċjali u agrikola tal-inħawi. Minn binja b’apsidi, il-konservaturi-restawraturi kixfu saffi ta’ ġibs imżejjen b’mod fin, u b’reqqa kbira neħħew kull wieħed minn dawn is-saffi biex jiġi studjat u kkonservat.  

Is-sinifikat tas-sit huwa msaħħaħ ukoll bl-assoċjazzjoni tiegħu mal-kultivazzjoni taż-żebbuġ — kif muri mill-masġar taż-żebbuġ tas-sit u l-preżenza ta’ reċipjent uniku Ruman tal-ġebel, użat biex isaffi ż-żejt taż-żebbuġa. 

L-iskavi se jkomplu s-sena d-dieħla. Sadanittant, ir-riċerka dwar is-sejbiet mill-iskav se tibqa’ għaddejja.  

More in Arti