Il-kitba u l-poeżija miċ-ċokon

Il-ħolqien letterarju, bħal suġġetti artistiċi oħra, sfortunatament ma jingħatax ħin biżżejjed fis-sillabu. Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal din il-ġimgħa, Miriam Galea tħares lejn xi kotba ta’ Trevor Żahra li jakkumpanjaw lit-tfal fil-kitba u l-poeżija

L-edukazzjoni artistika u kulturali spiss ma tingħatax ħin biżżejjed fis-sillabu tal-iskejjel, tant li ħafna tfal jispiċċaw ikollhom jitħarrġu f’attivitajiet kreattivi wara l-ħin tal-iskola, minflok f’waqtha. Dan minkejja li, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed nifhmu li hi l-kreattività u l-immaġinazzjoni li l-iktar li tagħżilna mill-magni li qed isiru dejjem aktar effiċjenti f’xogħlijiet tekniċi u loġiċi. Il-kreattività ġġegħelna nħaddmu rasna lil hinn mil-limiti u r-rutina ta’ kuljum, u nfanndu l-ħsieb u niżviluppaw ideat indipendenti u individwali, friski u miftuħa. L-imħabba tal-letteratura u l-kitba, fost l-oħrajn, hija xi ħaġa prezzjuża li jeħtieġ li nindukraw. Il-ħolqien ta’ stejjer huma fost l-ewwel attivitajiet li jagħmlu fil-logħob tagħhom it-tfal. Trevor Żahra ppubblika żewġ kotba li jippreżentaw il-kitba tal-proża u l-poeżija lit-tfal. 

Ktieb li jintroduċi lit-tfal għall-poeżija b’mod ferrieħi hu Ejja Nsajru Poeżija (Merlin Publishers, 2022) ta’ Trevor Żahra. Il-poeżija sfortunatament spiss tiġi mgħallma tard wisq l-iskola u b’mod wisq preskrittiv u formali li jbiegħed u jaljena t-tfal flok jinvolvihom. Il-poeżija għandha tkun, wara kollox, logħob bil-kliem u, l-istess bħall-mużika, m’għandniex ngħallmuha b’mod reġimentat iżda billi nħallu t-tfal jiskopruha billi jilagħbu u jsegwu l-istint tagħhom. F’dan il-ktieb, Trevor Żahra, bit-ton ċajtier u divertenti tiegħu, imexxi lit-tfal tul poeżiji divertenti li jħaddmu tekniċi u rimi poetiċi differenti, elementi letterarji fosthom l-onomatopea, l-anafora u l-alliterazzjoni, kif ukoll espressjonijiet Maltin u vokabularju kkulurit u edukattiv, bħal espressjonijiet marbuta mal-qaddisin, tixbihat ma’ annimali, il-laqmijiet tan-numri, il-konsonanti dgħajfin u l-ismijiet tal-fjuri. Billi jarawhom imħaddma fil-prattika, it-tfal jagħrfuhom iktar. Żahra jerħilha jilgħab kif tant jaf hu bil-lingwa b’mod aġli u divertenti li jxebbah l-imqarbizza tat-tfal u b’hekk jinvolvihom fil-logħba u jaqsam magħhom l-imħabba għall-ħolqien letterarju.  

Fil-poeżija ‘Xogħlijiet’ jilgħab bi kliem li jixxiebhu fil-ħoss billi joħloq sentenzi arbitrarji u kultant assurdi bihom, li jħeġġu lit-tfal jilagħbu bil-kliem: “Il-pilota bil-pil miksi, / L-arluġġar ġar kwiet u sew, / Il-bennej nej jibqa’ dejjem, / Il-furnar man-nar tassew.” F’‘Ras u Rass’, jelenka kliem li jixxiebhu ħlief għall-konsonanti doppja fl-aħħar biex b’hekk it-tfal jitgħallmu d-differenza: “Ma’ RAS ħuh Toni RASS faxxa kbira, / Il-ĠAR tagħna lejn Bormla ĠARR, / DAQ is-soppa u DAQQ il-pjanu”. F’‘Jekk’, iqabbel kif jistgħu jinħolqu l-kliem: “Jekk minn XATT nagħmel XTAJTA, / Minn PATT nagħmel PTAJTA?” F’‘Aktar Ismijiet’ joħloq kliem bl-istess konsonanti tal-ismijiet: “ĊENSU tilef kull ĊANS li kellu, / SIDOR fuq SIDRU għamel tatù”, filwaqt li fi ‘Bla sens u bis-sens’, joħloq rima bi kliem imqiegħed fil-versi skont l-alfabett. Is-sens enerġetiku ta’ logħob ta’ Żahra jistieden lit-tfal jużaw l-immaġinazzjoni bla limiti u jurihom il-ħafna possibbiltajiet tal-lingwa u tal-poeżija li kapaċi teħlisna mir-razzjonalità u tħarrabna fl-immaġinazzjoni. L-umoriżmu mqareb tiegħu jaqbad l-ispirtu tat-tfal u, bil-gabirjoli lingwistiċi u semantiċi li jħaddem, iħeġġiġhom ikunu dinamiċi fil-ħsieb u fil-kelma. 

Forsi l-inklużjoni ta’ xi poeżiji b’rima ħielsa u aktar liriċi kienu jgħinu lill-qarrejja jiffamiljarizzaw ruħhom anki ma’ forom poetiċi differenti lil hinn minn dawk tradizzjonali.  

Il-ktieb hu wkoll interattiv billi jinkludi wkoll xi logħob u tifsiriet ta’ kliem. Fih ukoll sensiela ta’ poeżiji li tista’ wkoll tismagħhom u tarahom animati f’filmati permezz ta’ QR Code. 

Għall-ħolqien ta’ storja, imbagħad, għandna l-ktieb Trid Niktbu Storja Flimkien? (Merlin Publishers, 2024) li fih Żahra jmexxi lit-tfal biex joħolqu storja. In-narratur, bit-ton ċajtier u kariżmatiku tipiku, jaġixxi ta’ għalliem li, permezz ta’ spunti, ideat u eżempji, juri lit-tfal il-passi u l-elementi biex jibnu storja. Il-ktieb jistieden lit-tfal jiktbu erba’ stejjer fuq erba’ suġġetti differenti. In-narratur jagħti suġġett, jgħin lit-tfal jaraw minn liema perspettiva se tinkiteb l-istorja, x’xejra ħa jkollha l-istorja (ċajtiera, misterjuża, serja?), u mbagħad jgħinhom jibnu l-karattru ewlieni permezz ta’ spunti. Fl-ewwel storja dwar qattus, jagħti dawn l-għażliet fost l-oħrajn: “taħseb u titkellem bħall-bnedmin”, “imqarba u fuq ruħha”, “kwieta u bil-għaqal”, tiġġerra barra mingħajr dar jew sid”. Dawn jibdew iqanqlu diġà l-immaġinazzjoni tat-tfal. Imbagħad jagħti xi spunti għal x’jista’ jseħħ fl-istorja — il-qattusa tinsteraq, tkisser xi ħaġa, tagħmel xi ħbieb hi u tiġġerra barra? Ifakkarna wkoll li nistgħu nużaw il-fantasija — qattusa ttir jew issir inviżibbli. Jagħti wkoll spunti għal kif tibda l-istorja, filwaqt li dejjem iħeġġeġ li saħansitra aħjar jekk noħorġu b’idea aħna stess. Hu ktieb fejn Żahra jgħaddi l-ħila li toħloq storja li tiġbed lill-qarrej b’bosta elementi. Għall kull storja, hemm spazju fejn it-tfal jiktbu l-istorja tagħhom fil-ktieb, għalhekk hu ideali biex it-tfal jiġu introdotti għall-kitba b’mod iggwidat iżda divertenti. 

Finalment, sensiela ħelwa li Żahra addatta għall-Malti hi Iva, Nasal! (Merlin Publishers, 2019). Hi magħmula minn ħames kotba li jitkellmu dwar sfidi kurrenti u kwistjonijiet ta’ mġiba li jħabbtu wiċċhom magħhom it-tfal u siewja li jiġu indirizzati — il-biżà mid-dlam (Mostri Tersqux ’l Hawn), il-manjieri tajba (Saħħa Bonġu Ċaw), il-gideb (Veru jew Falz), ir-relazzjonijiet mal-oħrajn (Ċimm Pumm Paqq) u l-użu żejjed tal-mowbajls (Mitfi). Huma tradotti b’rima, b’illustrazzjonijiet sbieħ u joffru kontenut divertenti filwaqt li edukattiv. Żahra rnexxielu jittraduċi b’mod li jżomm ir-rima u jevita t-traduzzjoni litterali filwaqt li jżomm il-Malti naturali u mexxej. 

Minkejja li Trevor Żahra ilu attiv fil-kitba ħajtu kollha, li tulha ħoloq karattri li għadhom stampati fit-tfulija tagħna, baqa’ attiv u għadu produttiv u dinamiku sal-lum, u wieħed jitpaxxa bil-ħila fil-kitba u bl-immaġinazzjoni fertili tiegħu. Minbarra l-imħabba u r-reqqa lingwistika ċara tiegħu, għandu l-ħila u l-kariżma li joħloq dik it-taħlita ta’ mqarbizza u konnessjoni emozzjonali meħtieġa biex toħloq konnessjoni mal-qarrejja tfal.

More in Arti