[It-tieni parti] Assedji kbar fiċ-ċinema

Fit-tieni parti ta' din is-sensiela l-ġdida tal-analiżi tal-films, Carmel Bonnici jkompli jħares lejn il-films li ttrattaw assedji famużi mill-istorja, b'ħarsa wkoll lil hinn mill-kontinent Ewropew...

L-Assedju ta’ Sirakuża – Ir-Rumani attakkaw il-belt ta’ Sirakuża fi Sqallija, li kienet taħt ħakma Griega fis-snin 213-212 QK. Din il-belt kienet iffortifikata tajjeb, kellhom lil Arkimede, xjentist u matematiku brillanti li b’mirja kbar permezz tax-xemx ħaraq ħafna bastimenti Rumani, però fl-aħħar, il-qawwa Rumana rebħet u saru l-padruni ta’ Sqallija kollha f’dan iż-żmien tat-Tieni Gwerra Punika. Arkimede nqatel minn suldat Ruman kontra l-ordni speċifika tal-prokonslu Marcellus. The Siege Of Syracuse (1960, L-Assedio de Siracusa) tratta din il-gwerra u fih ħadmu Rossano Brazzi, Tina Louise u Sylva Koscina. 

L-Assedju ta’ Masada – L-istoriku Favius Josephus isostni li l-assedju ta’ Masada, għolja maqtugħa minn kullimkien, mir-Rumani seħħ fis-snin 73-74 WK. Dan kien wieħed mill-avvenimenti finali tal-Ewwel Gwerra bejn il-Lhud u r-Rumani. Fuq din l-għolja kważi impenetrabbli sabu refuġju bosta Lhud imfittxija mir-Rumani u jingħad ukoll li s-Sultan David sab kenn hemm fuq meta r-Re Sawl ried joqtlu. 960 żeloti ribelli Lhud ukoll użaw dan il-post biex jiskansaw mill-qilla tar-Rumani. L-unika trejqa biex wieħed jitla’ hemm fuq kienet tant dejqa li tnejn minn nies ħdejn xulxin ma setgħux jgħaddu. Ir-Rumani li kellhom magħhom madwar 15,000 priġunier Lhudi, inkluż nisa u tfal, assedjaw u dawru din l-għolja u bnew rampa wiesgħa biex jitilgħu għalihom b’torri għoli tal-injam biex ikisser kull fortifikazzjoni.  

Ironikament, ir-ribelli m’għamlu l-ebda attentat biex jikkumbattuhom. Meta r-Rumani laħqu l-mira tagħhom, sabu lid-960 ribell mejta billi għamlu suwiċidju; jista’ jkun li xi wħud iġġieldu mar-Rumani u qatluhom billi ma ridux jieħdu lura priġunieri. Xi ftit nisa u tfal salvaw billi nħbew fl-għerien però r-Rumani sabuhom u ħaduhom ilsiera f’pajjiżhom. Waqt li l-mexxej ribell Lhudi Flavius Josephus, jikteb li dan l-assedju dam madwar tliet snin, xi skulari jsostnu li ma damx aktar minn sitt xhur u forsi anki ftit ġimgħat. Meta nqabad Josephus għamilha ta’ storiku anki mar-Rumani. 

Dan l-avveniment storiku ġie muri għat-TV fl-1981 bl-isem ta’ Masada. Minn din il-mini-serje ħareġ film bl-isem ta’ The Antagonists bl-attur Peter O’Toole jinterpreta lill-Ġeneral Cornelius Flavius Silva, Peter Strauss ikun Eleazar ben Yair il-mexxej tar-ribelli, Barbara Carrera bħala Sheva u Anthony Quayle Rubrius Gallus. Dwar Masada ħarġu diversi dokumentarji. Fil-film meta lill-Ġeneral Silva ferħulu tal-vittorja hu qal hekk: “Xi rbaħna u x’vittorja hi? Irbaħna blata f’nofs ta’ deżert fil-kosta ta’ baħar ivvelenat!” (Il-Baħar il-Mejjet). 

L-Assedju ta’ The Alamo – Fl-1836 meta l-Istat ta’ Texas kien għadu indipendenti, il-Ġeneralissimu Antonio Miguel Lopez de Santa Anna, il-President Dittatur tal-Messiku, u l-mexxej tal-armata riedu li Texas tingħaqad mal-Messiku billi kien hemm ħafna nies ta’ pajjiżu jgħixu trankwilli hemm. Sam Houston, fl-attentat iddisprat tiegħu biex jgħaqqad armata għal kontra Santa Anna, iqabbad lill-Kurunell William Barrett Travis biex jiddefendi lil Texas fil-fortizza The Alamo li qabel kienet missjoni reliġjuża fil-belt ta’ San Antonio fis-Sud ta’ dan l-istat. B’hekk jagħti nifs lil Houston jiġbor is-suldati. Jiddefendu l-post kien hemm il-leġġendarju Davy Crockett, espert tal-fruntiera selvaġġa minn Tennessee u anki politikant u Jim Bowie, li ivvinta sikkina li ġġib ismu, żewġ karattri tant famużi fil-Westerns.  

Wara assedju ta’ 13-il ġurnata, b’armata enormi bil-kanuni fetħu spazju fis-swar u qatlu lill-irġiel kollha. Għoxrin ġurnata wara, bil-għajta “Remember the Alamo”, il-Ġeneral Sam Houston rebaħ lill-Messikani fil-battalja ta’ San Jacinto. Wara, Texas sar it-28 stat tal-Istati Uniti. Il-kantant tal-mużika Country, Marty Robbins ikkommemora dan l-assedju bil-kanzunetta sabiħa The Ballad of the Alamo. 

Dan l-assedju ġie mfakkar f’diversi xogħlijiet ċinematografiċi, fosthom The Last Command (1956), The Alamo: 13 Days To Glory (1987) u speċjament fil-produzzjoni spettakulari, monumentali u twila tar-Repubblikan patrijottiku tal-1960, John Wayne. Fl-2004 ħareġ Alamo li kien aktar eżatt f’dak li ġara f’xi sekwenzi mill-film ta’ 44 sena qabel. F’The Alamo (1960) ħadmu John Wayne bħala David Crockett, Richard Widmark ikun Jim Bowie, Laurence Harvey bħala Col. Travis u f’parti sekondarja nsibu lill-kompatrijott tagħna, Joseph Calleja. 

Żewġ Assedji fl-Afrika t’Isfel – Il-films Zulu Dawn (1979) u Zulu (1964) jirrakkontaw żewġ assedji li ġraw ftit sigħat wara xulxin fil-provinċja ta’ Natal, l-Afrika t’Isfel.  

Il-Battalja ta’ Isandlwana – Fl-1879, Lord Chelmsford, il-Kmandant tal-Kolonja Brittanika, jiddikjara gwerra fuq in-nazzjon tal-popolazzjoni Zulu biex jeqridhom. L-arroganti kapijiet Brittaniċi ma jobsrux it-tattiċi effettivi taż-Zulu u jaqgħu fin-nasba tagħhom li jagħmlu ħerba minnhom. Hu kkalkulat li mietu mal-1,300 suldat. Din il-battalja ġiet murija f’Zulu Dawn li fih ħadmu Burt Lancaster, Peter O’Toole bħala Lord Chelmsford u Simon Ward.  

Il-Battalja ta’ Rorke’s Drift – Inkorraġġiti mir-rebħa totali ta’ Isandlwana, il-gwerriera twal u suwed Zulu, daru dawra mal-mejtin Brittaniċi ġabru l-azzarini tagħhom u telqu biex jaħbtu għal stakkament ta’ madwar 150 suldat, b’xi 30 minnhom feruti, fil-post remot ta’ Rorke’s Drift fil-provinċja Zululand ta’ Natal. Dan il-post kien jintuża bħala sptar għall-feruti u biex jissuplixxu lill-oħrajn. Imwissija minn qabel, dan il-kontinġent żgħir tal-Armata Brittanika 24th Regiment of Foot, b’tattiċi brillanti, b’ħeffa liema bħala biex jikkargaw l-ixkubetti u jisparaw mingħajr ma jaħlu ħin irnexxielhom irażżnu armata ta’ 4,000 Zulu, li fl-aħħar ċedew sellmu lir-rebbieħa u telqu lura. Il-film superjuri Zulu tal-1964 jirrakkonta dan l-assedju li seħħ bejn it-22 u 23 ta’ Jannar tal-1879. L-atturi kienu Michael Caine (li sar popolari ferm minn dan il-film), Stanley Baker, Jack Hawkins, Nigel Green u James Booth. Richard Burton fil-bidu tal-film bħala n-narratur isemmi lista ta’ ħdax-il suldat li ħadu l-Victoria Cross, medalja li tingħata għal xi bravura kbira. Il-film Zulu rċieva kritika mill-aqwa għall-partijiet brillanti tal-protagonisti, għas-sekwenzi tal-azzjoni, għas-sets u l-mużika b’battuti sodi ta’ John Barry. 

More in Arti