![[L-ewwel parti] Assedji kbar fiċ-ċinema](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/assedji_trojja.png)
[L-ewwel parti] Assedji kbar fiċ-ċinema
Fl-ewwel parti ta' din is-sensiela l-ġdida tal-analiżi tal-films, Carmel Bonnici jħares lejn il-films li ttrattaw assedji famużi mill-istorja

Fl-istorja umana, matul il-milja taż-żmien saru diversi assedji famużi li baqgħu jissemmew. Propjament, assedju huwa imblokk militari ta’ xi belt, fortizza jew xi lok ieħor fejn dawk maqbudin u msakkrin ġewwa ma jkunux jistgħu joħorġu jew jaħarbu sakemm ikollhom iċedu għax jispiċċalhom l-ikel jew il-munizzjon u anki r-rieda jew il-ħeġġa li jkomplu jirreżistu minħabba diversi aspetti oħra bħall-għeja jew mard jew xi fortifikazzjonijiet li kienu jtuhom kenn jiġġarrfu.
Fi żmien ta’ qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija (1914–1918), qabel l-invenzjoni tal-ajruplan u ta’ xi bombi aktar qerrieda, l-assedji qosra jew twal kienu ħafna aktar komuni. Kultant, xi opportunità bejn iż-żewġ naħat opposti għal xi tentattivi għal negozjati jista’ jirriżulta f’diplomazija u anki ftehim ta’ waqfien mill-ġlied.
Ċerti assedji importanti tal-istorja u anki oħrajn fittizji malajr sabu ruħhom fuq il-liżar ċinematografiku. Qabel nibda nsemmi wħud minnhom, kulħadd jaf li pajjiżna għadda minn wieħed minn dawn l-imblokki fis-sena 1565, meta l-Imperu Ottoman (it-Torok) riedu jaħtfu taħt idejhom parti mill-Ewropa. Ġieli xi assedju ntrebaħ permezz ta’ ġenwinità, bil-makkakerija u l-intelliġenza tal-attakkanti, għalkemm dawn mhumiex dejjem fatti ta’ min jorbot fuqhom. Eżempju ta’ dan insibu kif il-belt ta’ Trojja wara assedju twil ta’ 10 snin intrebħet permezz ta’ żiemel kbir tal-injam li ġo fih kien hemm moħbija l-gwerriera Griegi u fil-Bibbja, fil-Ktieb ta’ Ġożwe, il-Battalja ta’ Ġeriko ntrebħet meta s-swar li jiċċirkundaw il-belt iġġarrfu misterjożament. Wieħed m’għandux jieħu dawn l-istejjer bħala xi Vanġelu.
Assedji mill-istorja
Il-Battalja ta’ Termopoli – Din ġrat fis-sena 480 QK bejn l-invażuri tal-Imperu Persjan taħt il-kmand tar-Re Xerxes 1 u l-qalbiena suldati minn diversi stati Griegi, immexxija minn Sparta taħt Leonidas. Wara li kienu sofrew telfa fil-Battalja ta’ Maratona fis-sena 490 QK, Xerxes 1 għaqqad armata potenti u vasta biex jirbaħ lill-Griegi kollha. Taħt il-wisq kuraġġuż Leonidas, 300 suldat marru jimblukkaw mogħdija dejqa minn fejn bilfors riedu jgħaddu l-Persjani f’Termopoli. Bi qlubija ta’ barra minn hawn, il-Griegi żammew it-trejqa magħluqa sakemm ġew ittraduti minn wieħed tal-lokal jismu Elfjaltes li wera passaġġ sigriet minn fejn għaddew il-Persjani li fl-aħħar qatlu lil dawn it-300 qalbiena.
Dan ir-rakkont deher f’diversi films fiċ-ċinema fosthom l-aħjar, The 300 Spartans (1962) bl-atturi Richard Egan (Leonidas), Ralph Richardson (Temistocles ta’ Atene), Diane Baker (Elias) u Kieron Moore (it-traditur Elfjaltes). 300 huwa l-isem ta’ ktieb komik ta’ Frank Miller u Lynn Varley dwar din l-istorja. Fl-2006 ħareġ film verament innovattiv fis-sekwenzi tal-ġlied bix-xwabel fejn wieħed jara d-demm itir boċoċ boċoc bħalma jidhru fil-komiks. Meta jara t-telfa ġejja, wara tradiment, Leonidas jgħid lill-kuraġġużi sħabu: “Tonight we dine in Hell!”, frażi wisq popolari mill-komik. L-atturi kienu Gerald Butler (Leonidas), Lena Heady (ir-Reġina Gorgo), Rodrigo Santoro (Re Xerxes 1) u Michael Fassbender (suldat leali). Xogħlijiet oħrajn simili huma: 300: The Rise Of An Empire (2014), il-dokumentarju The Last Stand of the 300 u l-kummiedja sfrenata Meet the Spartans (2008).
L-Assedju ta’ Trojja – Din il-gwerra pjutost leġġendarja, tal-mitoloġija Griega, hi msemmija f’ħafna xogħlijiet letterarji Griegi, speċjalment f’The Iliad, poema twila (poeżija ta’ ċerta kalibru) ta’ Omeru, poeta Grieg antik, il-kreatur ta’ żewġ poemi fundamentali, The Iliad u The Odyssey. Dan kien jgħix aktarx fis-Seklu 8 jew 9 QK f’Ionia (issa belt fit-Turkija). Paris, Prinċep ta’ Trojja, waqt żjara fil-Greċja, jinkaram wara Helena, il-mara ta’ Menelaws u taħrab miegħu lejn din il-belt ta’ qrib id-Dardanelli, baħar dejjaq bejn il-Greċja u t-Turkija. Illum aktarx Trojja hija Canakkale (fit-Turkija) biswit id-Dardanelli. Il-Griegi bi ħġarhom assedjaw lil Trojja, gwerra li damet 10 snin u fl-aħħar intrebħet bl-intelliġenza u l-makakkerija tal-Griegi. Il-films li ħarġu dwar dan l-avveniment storiku huma bosta, l-aħjar fosthom Helen Of Troy (1956), La Regina dell’Ammazzoni (1960), Achilles (1962, La Furia di Achille), The Trojan Horse (1961, La Guerra di Troia), La Caduta di Troia (1911, film mutu), The Trojan Women (1971), Troy (2004, maħdum hawn Malta), kif ukoll il-kurjuż The Face That Launched A Thousand Ship (1954, L’Amante di Paride). Fil-produzzjoni tal-2004 dehru dawn l-atturi, Brad Pitt, Achilles; Eric Bana, Hector, il-gwerrier qawwi ta’ Trojja; Diane Kruger, Helena; Orlando Bloom, Paris; Sean Bean, Odysseus jew Ulisse li sfida l-allat Griegi u dam ma wasal f’artu 10 snin oħra, il-protagonist ta’ The Odyssey) u Peter O’Toole bħala Priam l-aħħar Re ta’ Trojja.