[It-tieni parti] Ray Harryhausen: Is-saħħar taċ-ċinema

Fit-tieni parti ta' dis-sensiela, Carmel Bonnici jħares lejn ix-xogħlijiet ta' Raymond Frederick Harryhausen, figura prominenti fid-dinja taċ-ċinema li kien ħalaq forma unika ta' effetti speċjali fil-films bl-użu tal-marjunetti u l-istop-motion animation, bħal kif jispjegalna Bonnici...

Raymond Frederick Harryhausen
Raymond Frederick Harryhausen

AQRA L-EWWEL PARTI HAWN

Iż-żewġ films ta’ wara tiegħu mal-Columbia Pictures, The 3 Worlds Of Gulliver (1960) (mill-ktieb klassiku tat-tfal Gulliver’s Travels) u Mysterious Island (1961) kellhom tifħir, kemm mil-lat artistiku, u anki tekniku u reġgħu għamlu profitt. Dan il-ġenju stess ammetta li Mysterious Island (minn fuq ix-xogħol letterarju ta’ Jules Verne) u li fih naraw granċ enormi, kien l-akbar xogħol ta’ sodisfazzjom kbir għalih sal-aħħar ta’ ħajtu. 

Fl-1963, ukoll ma’ Columbia Pictures u ma’ sieħbu Schneer, wasal il-kapulavur tiegħu Jason And The Argonauts koproduzzjoni Brittanika / Amerikana. Din il-produzzjoni kienet mimlija sekwenzi animati fantastiċi, fosthom ġlieda elaborata bejn tliet umani u seba’ skeletri li damu xhur biex ilestuha. Warajh għamel First Men In The Moon (1964) bil-proċess aktar raffinat SuperDynaMation, bħal ta’ qablu, u bis-CinemaScope minn novella ta’ H. G. Wells. Sfortunatament u sorpriżament, dawn iż-żewġ xogħlijiet ma tantx marru tajjeb fil-box-office meta ħarġu għall-ewwel darba. 

Din il-ħaġa u l-fatt li sar xi tibdil fit-tmexxija ta’ Columbia Pictures irriżulta li l-kuntratt li kellu magħhom ma ġiex imġedded. Ta’ min jgħid ukoll, bħalma dejjem jiġri, li l-gosti taċ-ċineisti kull tant żmien jinbidlu u l-imħabba li Harryhausen kellu għall-istejjer tal-fantaxjenza tal-passat ma kienx għadu “in voga”. Issa, hu sar aġent liberu jaħdem ma’ min irid. 

Il-kumpanija Ingliża Hammer Films li kienet tispeċjalizza f’films tal-biża’ u twerwir, bħal Dracula u Frankenstein, krietu biex “jagħti ħajja” lid-dinosawri f’One Million Years B. C. (1966). Dan il-film kellu suċċess fid-dħul tal-flus ukoll permezz tas-sbejħa Raquel Welch liebsa bikini tal-ġild tal-annimali fi żmien il-preistorja. The Valley Of Gwangi (1969) kellu wkoll id-dinosawri u żiemel tassew ċkejken u Harryhausen reġa’ inkariga ruħu biex jurihom jiċċaqilqu, din id-darba mal-kumpanija Warner Bros. u anki ma’ Charles H. Schneer. 

Wara xi ftit snin bla xogħol, hu u Schneer tkellmu ma’ Columbia Pictures dwar il-possibbiltà li jerġgħu jirxuxtaw il-karattru tal-baħri Sinbad. Dan irriżulta f’The Golden Voyage Of Sinbad li ħareġ fl-Amerika fi żmien il-Milied tas-sena 1973 u li baqa’ msemmi għall-ġlieda bix-xwabel kontra s-sitt idejn ta’ Kali, l-alla mara Induista. Fl-1977 inħadem Sinbad And The Eye Of The Tiger li ma kinitx xi produzzjoni gwappa. Xorta dawn iż-żewġ xogħlijiet marru tajjeb fid-dħul tal-flus. 

Hu u ħabibu Schneer fl-aħħar kellhom il-libertà kollha mill-kumpanija M.G.M. biex jipproduċu film ta’ baġit ogħla b’atturi rinomati u effetti speċjali varji u elaborati. Dan hu Clash Of The Titans (1981) fejn Harryhausen kien innominat għall-unur Saturn għall-effetti viżwali. Fih introduċa mostru tal-baħar speċi ta’ qarnita enormi li kapaċi tgħarraq vapur kbir u kokka mekkanika verament ħelwa jisimha Bubo. Dan ukoll daħħal profitt sostanzjali imma kien wasal iż-żmien fejn din it-teknika ġiet issuperata bil-kompjuter u l-isforzi ta’ dan l-artist spiċċaw fix-xejn. Din il-ħaġa sfurzat lilu u lil Schneer, li kien joqgħod maġenbu f’Londra, biex jirtiraw minn dan ix-xogħol. 

Fis-snin sebgħin Harryhausen ikkonċentra l-isforzi tiegħu biex jawtorizza xi kotba u jissorvelja r-restawr tal-ħruġ mill-ġdid tal-films tiegħu fuq VHS u wara fuq DVD. Kotba oħrajn inkitbu mill-awtur ħabib tiegħu, Tony Dalton. Hu deher ukoll f’xi partiċelli fi ftit films. Fl-1986 ifforma l-Fundazzjoni Ray and Diana Harryhausen biex jippreservaw il-kollezzjoni tiegħu u jippromovu l-arti tal-animazzjoni stop-motion u l-kontribuzzjonijiet tiegħu lejn dan il-ġeneru. 

Ray Harryhausen iżżewweġ lil Diana Livingstone Bruce f’Ottubru tal-1962 u kellhom tifla jisimha Vanessa. Martu mietet ħames xhur warajh. 

Personalitajiet illustri taċ-ċinema bħal Steven Spielberg, James Cameron, Peter Jackson, George Lucas, John Landis u Nick Park isostnu li ħadu ispirazzjoni qawwija mix-xogħlijiet tiegħu. Terry Gilliam kellu biss tifħir għal dan l-artist tekniku formidabbli. Fl-ewwel sena tagħhom fejn bdew jonoraw kontributuri mhux letterarji, The Science Fiction Hall of Fame fl-2005 aċċettaw lilu f’din il-pożizzjoni għolja. Fl-2003 onorawh bi Stilla fil-Hollywood Walk of Fame. Unuri oħra għalih waslu mill-Festival ta’ Film Fantastiċi ta’ Amsterdam, unur BAFTA mill-British Film Institute u ieħor mis-Soċjetà ta’ Effetti Viżwali. 

Ray Harryhausen tant kien metikoluż u intensiv f’xogħlu li qatt ma kien ikun kuntent mill-ewwel. Dejjem ifittex kif jirfina, iżid u jivvinta li l-kreaturi tiegħu qatt ma jkollhom ras waħda jekk hemm bżonn ta’ aktar, meta kellu bżonn ta’ żeffiena mara-serp poġġielha erba’ jdejn, jekk hemm il-ħtieġa ta’ skeletru jxejjer ix-xabla mhux aħjar ipoġġi seba’ f’salt u l-alla mara bix-ximitarra mhux iżjed komda bi tmienja kontra żewġ avversarji. Medusa b’xagħarha mimli sriep kull wieħed jixxengel lejn direzzjoni diversa! 

L-eroj varji tiegħu, b’ħafna kreaturi u esseri oħra tassew ġibdu l-immaġinazzjoni tal-udjenzi ma’ kullimkien! 

More in Arti