Dystopian Garden ta’ Justin Amrhein – Viżjoni msaħħra tal-futur, ġewwa Spazju Kreattiv

Esebizzjoni affaxxinanti ta’ 50 biċċa ta’ arti li qatt ma dehru qabel u li kapaċi jwassluna għal immaġinazzjoni ta’ futur fejn in-natura u l-inġinerija jassimilaw ruħhom

Prepara ruħek sabiex tiġi msaħħar mill-esebizzjoni ta’ Justin Amrhein, esebizzjoni li tistimula l-ħsieb. ‘Dystopian Garden’ se tiftaħ ġewwa Spazju Kreattiv, Il-Kavallier ta’ San Ġakbu fis-16 ta’ Mejju u se tkun miftuħa sat-22 ta’ Ġunju 2025. Esebizzjoni affaxxinanti ta’ 50 biċċa ta’ arti li qatt ma dehru qabel u li kapaċi jwassluna għal immaġinazzjoni ta’ futur fejn in-natura u l-inġinerija jassimilaw ruħhom.  

Din l-esperjenza artistika għandha s-sapport tal-Kunsill Malti għall-Arti u parti mill-programm ta’ Spazju Kreattiv 2024/2025. Esperjenza li tesplora l-bilanċ delikat bejn in-natura u l-involviment uman, li tisfurzana sabiex naffrontaw il-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u t-telfien fil-bijodiversità. 

Meta żar il-binja tal-Kavallier ta’ San Ġakbu fl-2023, Amrhein ġie ispirat mill-ispazju li joffri l-Atriju u l-kobor tas-saqaf tal-ħġieġ. Huwa l-post perfett għall-proġett li ilu jinħema snin — serra lussuża ġo ġnien botaniku — fejn jista’ ‘ikabbar’ il-Mekkaniċi Botaniċi (Mechanical Botanicals), iċajpar il-konfini bejn il-flora naturali u t-teknoloġija.  

Malli tirfes fl-ewwel sular, għajnejk żgur se jmorru fuq ‘Slow Growth Palm Tree’ li taspira ammirazzjoni, bit-tul ta’ seba’ metri. Pittura b’użu ta’ materjal varju li tokkupa l-ispazju ġewwa l-Atriju, isservi biex tfakkar b’mod reali l-konsegwenzi qawwijin li l-azzjonijiet tal-umanità qegħdin iħallu fuq l-ambjent.  

Maġenbha nsibu siġra ħajja trasformata fi skultura. Il-forma organika tagħha hija testament tal-fraġilità reżiljenti li toffri n-natura. Madwar iz-zokk, tinsab takkumpanjaha skultura impressjonanti — 3D Blueprint — u Root System li tkompli tħeġġeġ lil min qiegħed josserva sabiex jaħseb fuq ir-relazzjoni kumplessa bejn tkabbir organiku u dak bil-kapaċità tal-artist.  

Tul il-ħitan tal-forma ċilindrika li joffri l-ispazju tal-Atriju, wieħed għandu jsib 30 speċi distinti ta’ ‘Mechanical Orchids’. Collages maħdumin permezz ta’ materja varja, b’kollaborazzjoni ma’ 28 artist. Kif ukoll erba’ prints, bid-dawl warajhom, mal-istess ħitan jagħtu sens kapriċċuż lil din is-serje.  

Din l-esebizzjoni għandha taħkmek bis-saħħa, int u tesplora l-konnessjonijiet tax-xogħol esebit, li jurina l-vjaġġ affaxxinanti tal-proċess kreattiv ta’ Amrhein. L-iskulturi 3d-printed, esebiti mat-taraġ interjuri u l-banners li jakkumpanjawhom kollha jsebbħu l-Atriju u jipprovdu traċċi mill-kunċett tal-artist.  

Tal-aħħar imma mhux l-inqas, ogħdos fil-fond fil-proċess artistiku ta’ Amrhein permezz ta’ tliet videos li kapaċi jqanqlu ħafna ħsibijiet: “The Seed”, “Mechanical Orchid Digital Parts Catalog”, u “Photosynthesis is Canceled. Build This Instead” ġewwa l-Kamra tal-Meditazzjoni, il-post ideali biex tieħu pawża twila, ladarba “Dystopian Garden” ta’ Amrhein tisfidana biex nikkunsidraw ir-relazzjoni tagħna man-natura u tispirana sabiex nieħdu azzjoni biex nipproteġu l-pjaneta tagħna.  

Min hu l-artist? 

Bis-saħħa tal-lingwa u l-estetika bbażati fuq il-makkinarju, l-opri ta’ Justin Amrhein huma ġeneralment ibbażati fuq l-ambjentaliżmu, fejn jiġbdu l-attenzjoni fuq il-kriżi tal-klima li, kulma jmur, qed issir iktar prekarja. Filwaqt li xogħlu għandu l-għeruq fit-tpinġija u t-tpittir, ix-xogħol ta’ Amrhein għandu ħafna forom, fejn jaddatta skont l-iktar medium xieraq biex il-kunċett jiġi rrealizzat, fosthom l-iskultura, il-collage, u l-video. 

More in Arti