
Ngħidu d-dritt dwar il-letteratura legali
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Ħaley Xuereb tirrifletti dwar il-lingwa Maltija, l-avukati, u l-pubblikazzjonijiet legali bil-Malti. Xuereb titlaq minn kumment li kien ingħad 80 sena ilu minn persuna anonima f’ġurnal li minn dak iż-żmien għadu jiġi ppubblikat sal-lum. Bil-ġurnal Id-Dritt f’idejha, Xuereb tħares ’il quddiem

“The system is a cramp to the minds of law students.”
Fl-ewwel ħarġa ta’ The Law Journal lura fl-1944, awtur anonimu kiteb din il-frażi f’isem l-Għaqda Studenti tal-Liġi (GħSL). Illum, tmenin sena wara, minkejja li The Law Journal sar Id-Dritt, il-frażi ma tilfet xejn mill-piż tagħha. Għadha tixgħel l-istess sentiment ta’ frustrazzjoni li jbaqbaq fil-kurituri tal-fakultà: sistema edukattiva li suppost tagħfas fuq l-akbar ġid tal-liġi — il-ħsieb kritiku.
L-argument ċentrali f’dak l-editorjal ta’ tmenin sena ilu — lil hinn minn sillabi u ECTS — kien proprju l-lingwa li biha jiġi mgħallem il-kors. Bħala studenti, nitgħallmu l-liġi Maltija bl-Ingliż, nagħmlu l-eżami tal-warrant bil-Malti, u naqraw awturi Taljani u Franċiżi li bilkemm huma aċċessibbli, aħseb u ara kemm se nsibu naqrawhom bil-Malti. X’ma jsirux komparatisti legali naturali l-avukati Maltin, kif jisħaq tajjeb Mifsud Bonnici fil-ktieb tiegħu dwar il-liġi komparattiva! U forsi hawn, fil-kors, isseħħ dik li Heidegger isejjaħ “the distance of language” — l-għazla lingwistika li mhux biss tbiegħdek mill-kontenut, imma anke mill-proċess tat-tagħlim.
U hawnhekk tidħol lakuna oħra: ftit huma l-pubblikazzjonijiet legali bil-Malti. L-istudenti jħaddnu n-noti ta’ Mamo għall-Kriminal u ta’ Caruana Galizia għaċ-Ċivil. Dan l-aħħar, bdew joħorġu kotba aktar estensivi, bħal ngħidu aħna A Commentary on the Constitution of Malta, li lis-sistema xwejħina tal-liġi Maltija qed jagħtuha imbuttatura biex bħal tifel żgħir li għadu kif beda jimxi, tissoda fuq ir-riġlejn tagħha (hawnhekk irrid ngħid awtoktona). F’din ir-realtà, f’pajjiż b’ġurnal legali wieħed, Id-Dritt jokkupa post uniku. Filwaqt li globalment hemm mergħat sħaħ ta’ letteratura legali, fil-ġnejna Maltija, l-GħSL taħdem biex tnibbet il-letteratura b’mod metikoluż, sena wara sena, b’din il-pubblikazzjoni annwali. Bħala studenta tal-liġi, awtomatikament nifforma parti mill-GħSL. Din is-sena ma kelli ebda sehem fil-pubblikazzjoni ta’ Id-Dritt, imma ħdimt fl-GħSL bħala uffiċjal tal-politika soċjali, fejn ktibt statements dwar suġġetti kontemporanji. Peress li ma kontx parti mit-tim editorjali, ħassejt ma stajtx nirrifjuta milli nirriċensa Id-Dritt b’mod oġġettiv. Wara kollox, din il-pjattaforma nużaha biex nirrifletti fuq kotba li jolqtu l-esperjenza universitarja — u Id-Dritt bla dubju jagħmel parti minnha.
L-ewwel impressjoni li tani l-ktieb hija dik ta’ varjetà intellettwali: mhux biss fir-repertorju tas-suġġetti imma wkoll fil-profondità tat-taħdit. Hemm artikli li jogħdsu fil-fond storiku u dottrinali ta’ teoriji partikolari — bħal-lakuni fil-liġi pubblika Maltija. Ma jaqbżux fl-astratt, imma jsejħu biex niftħu diskussjoni dwar fejn għandna mmorru meta s-sors ikun sieket — mera/katalista ta’ li ġara, u li se jiġri.
Dan il-kuntest hu spiss wieħed ta’ sirena togħdos u tinfed bejn it-tradizzjoni u r-riforma, sirena li tgħum minn artiklu għal ieħor b’mod koerenti. Hemm riflessjonijiet dwar istituzzjonijiet ġuridiċi li drajniehom, imma li fl-istess waqt forsi tilfu l-funzjoni tagħhom fil-mument kontemporanju. L-eżempju ta’ kif il-partnerships ċivili u kummerċjali evolvew juri dan tajjeb: diskors li jgħarbel il-kodifikazzjoni b’għajnejn friski, filwaqt li jipproponi mudelli ġodda li jqisu, mhux biss il-liġi, imma r-realtajiet soċjoekonomiċi li l-liġi suppost twieġeb għalihom. Mhux biss: hawnhekk tidħol ukoll dik is-sensittività li forsi nieqsa minn ħafna diskors legali — li r-riforma mhux biss tkun legali, imma kulturali wkoll.
Il-perspettivi komparattivi u internazzjonali jinfirxu madwar il-ktieb kollu. Artikli li jqabblu l-prattika amministrattiva Maltija mal-istandards Ewropej tad-drittijiet tal-bniedem, jew li jirriflettu fuq l-indipendenza ġudizzjarja fid-dinja postkolonjali, ma jservux biss għall-qari komparattiv imma wkoll dak kritiku. Il-kontributi li jindirizzaw temi kontemporanji jagħtu valur sħiħ lil din il-ħarġa. L-analiżi legali tal-Patt Ewropew dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, pereżempju, tgħaqqad id-dritt u d-drittijiet f’realtà li għadha tirrombla f’kull port u parilja. Dan jingħaqad ma’ riflessjonijiet fuq id-dritt umanitarju f’kunflitti armati, u fuq id-difiża tal-ġenn fil-liġi kriminali — suġġetti li jġibu magħhom mhux biss trattazzjoni legali, imma wkoll riflessjoni li titmattar fost suġġetti diversi, u tħaddan il-psikjatrija, il-politika, u l-prattika forensi.
Dan il-volum jispikka tassew fejn it-teorija tixref lejn ir-realtà empirika. Artiklu dwar sentenzi sospiżi janalizza dejta riċenti mill-qrati biex jifhem l-argumentazzjoni ġudizzjarja, mhux biss bħala arti, iżda bħala prassi. Analiżi fuq il-ksur informatiku jew fuq id-dritt ta’ disclosure jagħtu l-istess ħajja lil-liġi — mhux biss bħala għarfien għall-istudenti, imma bħala gwida għall-prattikanti. Interventi aktar kritiċi jidhru f’kontributi lingwistiċi li juru kif il-kuntatt bejn il-lingwi joħloq tensjonijiet sottili — imma kruċjali — fil-mod kif il-liġi tiġi mgħallma, mifhuma, u prattikata. Din hi ħidma li turi li d-dritt mhuwiex biss kodiċi jew ġurisprudenza, imma wkoll diskors.
Naturalment, il-volum mhux perfett. L-enfasi fuq l-analiżi dottrinali u komparattiva xi kultant tista’ tkun f’detriment ta’ riċerka empirika aktar estensiva jew ta’ inklużjoni ta’ perspettivi ta’ msieħba reali — dawk li jgħixu l-liġi mhux biss bħala suġġett ta’ studju, imma bħala realtà ta’ kuljum. Hemm ukoll riskju li ċerti artikli jibqgħu f’livell tekniku għoli, li jirrestrinġi l-aċċess għar-realtà wiesgħa ta’ studenti u ġuristi li jitħabtu mal-lingwa, mal-kuntest, u mal-lessiku.
Barra minn hekk, għalkemm il-proposti għal riformi huma meqjusa u argumentati tajjeb, xi drabi jonqos il-kuraġġ li wieħed jaffaċċja b’mod miftuħ l-ostakli tal-implimentazzjoni. Hemm ottimiżmu impliċitu li mudelli barranin jistgħu jiġu trapjantati bla diffikultà, mingħajr biża’ mill-pressjonijiet li toħloq il-kultura ġuridika tagħna, u l-istatus quo amministrattiv li mhux dejjem jilqa’ riformi b’dirgħajn miftuħa.
Madankollu, għandu jingħata ġieħ lill-edituri għal ħidma li rnexxielha tħaddan varjetà tematika mingħajr ma tifframmenta ruħha, fl-ambjent Malti fejn il-każijiet ‘il-kbar’ għandhom tendenza li jolqtu diversi suġġetti u jirrepetu ruħhom. Il-motifs li jgħaddu minn ġo kull artiklu — il-pluraliżmu legali, it-tensjoni bejn tradizzjoni u innovazzjoni, u l-kuxjenza tad-drittijiet tal-bniedem — jagħtu sens ta’ kontinwità, kif ukoll urġenza. Mhux biss tagħlim, imma diskors ħaj, konxju, u miftuħ.
Il-liġi, skont Habermas hija proċess ta’ komunikazzjoni intersoġġettiva. Lingwa li teskludi hi strutturalment żleali lejn l-etos demokratiku tagħha stess. U għaldaqstant, wieħed jinduna kif Id-Dritt m’għadux sempliċement ġurnal studentesk: huwa pjattaforma ibrida, bejn it-teorija u l-prattika, bejn l-akkademja u l-professjoni. Hu spazju fejn is-sistema tista’ ma tibqax bugħawwieġ għall-imħuħ tal-istudenti tal-liġi — għax wara kollox, fejn se ssib ktieb b’esejs legali li fit-titlu tiegħu jiċċita anke lill-portal satiriku Bis-Serjetà, Serjetà Biss?