Mangiola għall-aħħar darba fit-Teatru Manoel, bil-produzzjoni 'Geographers of Solitude'

Dan ix-xogħol jesplora l-kunċett tal-gżejjer bħala mikrokożmu tad-dinja inġenerali – ambjent magħluq fejn l-abitanti tagħha jiżviluppaw kulturi uniċi u modi ta’ kif tiġi organizzata soċjetà

ŻfinMalta tingħaqad ma’ Ballet d’Jèrri, il-kumpanija nazzjonali taż-żfin ta’ Jersey Island, f’xogħol ġdid mid-Direttur Artistiku ta’ ŻfinMalta, Paolo Mangiola. Għoxrin żeffien jingħaqdu biex jesploraw dak li jgħaqqad dawn iż-żewġ gżejjer permezz tal-pajsaġġi ġeografiċi u kulturali distinti. 

B’ispirazzjoni miċ-Ċirlewwa tal-Artiku, għasfur magħruf li għandu l-itwal mudell migratorju fuq id-dinja, “Geographers of Solitude” hi konverżazzjoni fuq id-diversità, il-fraġilità ta’ ilħna differenti u t-trawwim ta’ armonija kollettiva. Hekk kif dawn iż-żewġ għasafar it-tnejn jistkennu fuq iż-żewġ gżejjer waqt il-vjaġġ tagħhom, iż-żeffiena fuq il-palk jesploraw kemm il-ħajja itineranti u fit-tul fuq gżira, kif ukoll l-interazzjoni dinamika bejn is-solitudni u l-komunità, fuq in-narrattivi, individwali u kollettivi tagħna.  

Dan ix-xogħol jesplora l-kunċett tal-gżejjer bħala mikrokożmu tad-dinja inġenerali – ambjent magħluq fejn l-abitanti tagħha jiżviluppaw kulturi uniċi u modi ta’ kif tiġi organizzata soċjetà. 

Għall-udjenzi ta’ ŻfinMalta li segwew it-trasformazzjoni tal-kumpanija taħt l-għajn kreattiva ta’ Mangiola f’dawn l-aħħar seba’ snin, din il-produzzjoni hija l-aħħar ċans biex jaraw il-koreografija tiegħu fuq il-palk tat-Teatru Manoel qabel ma jtemm l-aħħar staġun tiegħu bħala direttur artistiku. 

Din il-produzzjoni tibda nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju u tkompli sal-Ħadd 26 ta’ Mejju, bi prestazzjoni waħda kuljum fis-7:30pm. Dawk interessati huma mitluba jaqtgħu biljetti mis-sit tat-Teatru Manoel. 

More in Arti