Kotba | Ix-xemx titla’ u tinżel, il-ħajja tissokta u titfixkel

Fl-ewwel reċensjoni tiegħu għall-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Daniel Cossai jħammem dwar l-ineżorabilità taż-żmien u l-inżul u t-tlajja’ tal-ħajja, li jibqgħu mmarkati bħal tbajja’ fuq ġildtna

Fl-Eġittu għaxar snin ilu nstabet biċċa blata eqdem minn 3,000 sena tassew interessanti. Fuq il-wiċċ iċċattjat tagħha, xi ħadd pinġa tnax-il taqsima tal-istess daqs, permezz ta’ linji li kollha joħorġu ’l barra mill-istess punt f’direzzjonijiet differenti biex jiffurmaw din it-tpinġija semiċirkolari. Jekk tinstema’ familjari, għax hi: din il-blata mhi xejn għajr l-eqdem arloġġ magħruf. Kienu jwaħħlu biċċa stanga fil-parti fejn jiltaqgħu l-linji kollha, li meta tolqotha x-xemx, tixħet dell fuq taqsima partikolari u b’hekk kienu jkunu jafu bi preċiżjoni kbira x’ħin sar. 

Il-bniedem sa mill-bidu u kullimkien jidher li kien affaxxinat bir-ritmu ċikliku tax-xemx u fittex li jorganizza ħajtu madwaru. Minn dejjem, ix-xemx u ż-żmien, f’moħħ il-bniedem, kienu ħaġa waħda. Arloġġi tax-xemx oħra nstabu, tista’ tgħid, f’kull ċivilizzazzjoni tal-imgħoddi, mill-Babilonja saċ-Ċina u l-Greċja. Saħansitra f’Malta, it-tempji megalitiċi huma rranġati b’tali mod li x-xemx, fi żmien partikolari meta jinqalbu l-istaġuni, tgħaddi preċiż minn ġod-daħla prinċipali u ddawwal l-artal ewlieni. Hekk kif iċ-ċirkostanzi ta’ ħajjitna jinbidlu, ir-ritmu tax-xemx li bih nikkwantifikaw il-mogħdija taż-żmien jibqa’ dejjem permanenti. 

Hija din ir-rabta bejn il-mogħdija inevitabbli taż-żmien u l-bidliet li jseħħu f’ħajjitna lkoll li, għalija, tirrappreżenta l-qofol ta’ kull waħda mill-mitt storja miġbura fi Tbajja’ tax-Xemx u Stejjer Oħra għad-Dell, ta’ Rita Saliba (Klabb Kotba Maltin, 2022), li rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għan-Novelli għal din is-sena. Martha u Janie, il-protagonisti tal-istorja titulari, ilhom aktar minn erbgħin sena jmorru jgħumu flimkien fl-istess bajja, iżda fl-isfond ta’ dan l-istat permanenti, il-ħafna tlajja’ u nżul tax-xemx ħallew il-marka tagħhom fuq ġisimhom: xagħar Martha bjad, ġisimha jixhed il-konsegwenzi tal-kimoterapija, iż-żewġ nisa mtlew tikmix, u, mhux l-inqas, iffurmawlhom tbajja’ tax-xemx permanenti fuq il-ġilda. 

Din l-ewwel storja tagħtina ċ-ċavetta għall-kollezzjoni sħiħa. L-istejjer l-oħra ma tantx isemmu x-xemx, iżda fil-biċċa l-kbira jirrelataw maż-żmien – ħaġa waħda max-xemx – u mat-tbajja’ li dan iħalli, fiżiċi jew xort’oħra. Niltaqgħu ma’ diversi karattri mħassbin fuq kif iż-żmien inawrilna ġisimna. “Xi darba nagħmel funeral għal idejja,” tibda l-istorja ‘Dawn l-Idejn’. Hemm karattri li jossessjonaw fuq il-bidliet żgħar iżda kostanti li jaraw fil-mera, u oħrajn li jġarrbu l-esperjenza li, xi darba jew oħra, kollha kemm aħna rridu ngħaddu minnha: dik li, tebgħa wara tebgħa, ġisimna għad ifallina, daqqa b’marda qattiela għal għarrieda, bħal f’‘I.D.U.’, u daqqa b’deġenerazzjoni iktar fit-tul, bħal f’‘Nhar ta’ Ħamis’. 

Stejjer oħra jiffukaw fuq mumenti uniċi li jaħsdu r-rutina tal-ħajja u jibdluha għalkollox b’tebgħa permanenti. Maż-żmien, il-qraba tagħna jmutu u jħalluna, tema rikorrenti li titfaċċa f’ħafna mill-kitbiet. Iżda mhux biss. Niltaqgħu wkoll mal-omm li tħossha waħedha wara li t-tifel kiber u ħalla d-dar, mal-mara li tħossha abbandunata għax ir-raġel daħħal kelb id-dar, mar-raġel imnikket bit-tmiem ta’ relazzjoni snin qabel. Imbagħad hemm il-mumenti iktar tal-waħx: f’‘Darba Fill’ naraw missier li ħatfulu lil bintu meta marret għajnu bih il-bandli, mument fiż-żmien li jibdel il-ħajja għal dejjem. Dawn huma mumenti li joħolqu qasma bejn l-individwu u l-kollettiv; id-dinja hemm barra tibqa’ għaddejja, ix-xemx titla’ u tinżel, imma t-tbajja’ f’min iġarrabhom ma jħassarhom ħadd. 

Iżda l-ħajja ma tinbidilx biss għal għarrieda. Bħalma minn ġurnata għal oħra ftit naraw differenza iżda, tul id-dawra tagħna max-xemx, il-bidliet żgħar jakkumulaw u jimmanifestaw fi staġuni differenti, l-istess fil-ħajja l-mumenti żgħar flimkien jakkumulaw u jħallu bidliet iktar dejjiema. Saliba tfakkarna f’dan f’diversi stejjer, kemm fil-ħażin, ngħidu aħna f’‘Is-Samaritana’, u kemm fit-tajjeb. 

L-istejjer mhumiex omoġenji fl-istil u għalhekk minkejja t-tema rikorrenti taż-żmien, qatt ma jsiru tedjanti. Din hija l-marka ta’ ġabra stejjer effettiva: f’għajnejn il-qarrejja tagħha, għandha tkun ċara li dawn qed jidhru flimkien għal raġuni, iżda għandhom jibqgħu dejjem distinti, b’kull storja taħdem waħedha. Din mhijiex ġabra li wieħed għandu għalfejn jaqbadha u jaqraha minn qoxra sa qoxra. L-istejjer jistgħu jinqraw f’ordni li tkun, f’xi lejla xitwija għall-irdoss jew inkella bi storja kuljum tul diversi xhur. Il-fatt li prattikament l-ebda storja mhi itwal minn paġna kważi jħeġġeġ dan l-istil ta’ qari. 

Bosta huma rrakkontati fl-ewwel persuna u jlaqqgħuna biss ma’ ftit emozzjonijiet jew ħsibijiet tan-narratur, u ġeneralment f’dawn il-każijiet il-ftit karattri l-oħra f’kull storja jeżistu biss f’moħħ in-narratur kif perċepiti minnu. Iżda stejjer oħra huma ambjentati f’post iktar definit, b’karattri iżjed konkreti, bin-narratur jew impersonali jew inkella sempliċement karattru minnhom li josserva xena li sseħħ fid-dinja t’hemm barra, iktar milli f’moħħu (imma wara kollox, mhux kull waħda mill-mitt storja qiegħda sseħħ biss fil-moħħ, dak tal-kittieba u dak tal-qarrejja?). 

Lanqas l-ambjenti ma huma omoġenji. Il-biċċa l-kbira huma xeni mill-ħajja ta’ kuljum tipikament Maltija, sitwazzjonijiet li lkoll kemm aħna nagħrfuhom: il-bajja fis-sajf, il-ħanut tax-xorb, il-ħanut tal-kantuniera, għand in-nanniet, il-bandli … L-ismijiet u l-laqmijiet ukoll jinħassu Maltin għall-aħħar; hawnhekk ma nistax ma nsemmix lil Tal-Avatar, imlaqqam wara tpinġija fuq ġismu. Jekk qatt iltqajt ma’ laqam fil-letteratura tassew imfassal fi stil Malti, huwa dan. Naraw ukoll ġrajjiet familjari mill-ħajja tal-lum – il-pandemija, pereżempju, tissemma f’diversi stejjer. Iżda mbagħad għandek stejjer bħal ‘Fuq Platt tal-Fidda’ li jidħlu f’dinja oħra, waħda totalment barranija, saħansitra b’sistema politika estranja għalina l-Maltin, li tfakkarna fl-istejjer tas-seħer, jew kif inhuma magħrufa aħjar, il-fairy tales. Oħrajn, bħal ‘Tal-Posta’ u ‘Skeletru’, iduru għas-sopranaturali. 

Fi ftit kliem, Rita Saliba tatna ġabra qasira iżda li fiha sew x’tomgħod, li tibqa’ dejjem faċli biex taqraha, mingħajr wisq iffanfrar. Fiha stejjer li kulħadd se jsibha faċli jirrelata ma’ bosta minnhom – għax wara kollox, ilkoll kemm aħna mmarkati bit-tbajja’ tax-xemx. 

More in Arti