Kotba | Xi darba trid titlaq

Noel Tanti jirrifletti dwar it-tema tat-tluq fil-ġabra ta’ poeżiji Meta Tlaqt lil Adam ta’ Elena Cardona  

It-tema tat-‘tluq’ hija t-tema tal-esperjenza umana tal-bidla, tat-tranżizzjoni u tat-trasformazzjoni. Kemm jekk qed nitkellmu dwar post li aħna familjari miegħu, jew relazzjoni, jew saħansitra lilna nfusna, l-att tat-‘tluq’ iwassal għal għarfien ġdid u jqanqal emozzjonijiet li ħafna qarrejja huma familjari magħhom. 

F’din l-ewwel ġabra ta’ poeżiji, Meta Tlaqt lil Adam (Klabb Kotba Maltin, 2022), Elena Cardona tirreferi għal tluq partikolari, li l-ispunt tiegħu jinsab f’waħda mill-ewwel ġrajjiet li nsibu fil-ktieb tal-Ġenesi. 

Skont il-mit hekk kif inhu mniżżel fil-Bibbja, Alla l-ewwel ħalaq lil Adam, imbagħad ħa kustilja minn tiegħu u minnha sawwar lil Eva. Dan l-episodju maż-żmien rabba ċerta notorjetà minħabba dawk li interpretaw dan il-ġest bħala wieħed li jiġġustifika d-dominju tar-raġel fuq il-mara. M’għenitx li Eva kienet ukoll il-kaġun tal-eżilju (it-tluq) tagħhom it-tnejn mill-Għeden, l-hekk imsejħa Ġenna tal-Art, meta waqqgħet lil Adam fid-dnub għax semgħet minn dak li qalilha serp infami. 

Illum il-ġurnata ma tistax tħares lejn il-mit tal-ħolqien t’Adam u Eva mingħajr ma tagħraf kif intuża sabiex jaġevola ċertu privileġġi min-naħa u jkattar il-preġudizzju mill-oħra. Meta Cardona tisħaq li telqet lil Adam, li qed tgħid huwa li ġġieldet, tqabdet u batiet sabiex toħloq ‘Eva ġdida’ ħielsa mill-kundanna ta’ dnub qarrieq u konvenjenti, mix-xkiel ta’ ġisem marbut ma’ identità mistħajla u fażulla, mill-madmad ta’ tradizzjonijiet li jimponu aspettattivi u ġudizzji ormaj skaduti. Fl-aħħar poeżija, dik li tagħti l-isem lil din il-ġabra, Cardona tagħlaq b’dawn il-vrus: “Issa li tlaqt lil Adam / ingawdi lil ġismi għeri / meħlus mit-tbenġil tad-dnub.” 

Il-tluq ta’ Cardona huwa maqsum fi tlieta: ‘int/imqar xi ħadd’; ‘huma/l-oħrajn’; u ‘jiena/mara’. Fl-ewwel sezzjoni, il-poeta titqabad mal-fatt li għad għandha parti sostanzjali mill-identità tagħha marbuta ma’ ħaddieħor. Mhux neċessarjament persuna partikolari; anzi, tispeċifika li tali persuna tista’ tkun min tkun, ‘imqar xi  ħadd’. Hawnhekk qed titkellem dwar vulnerabilità li hija dipendenti fuq l-għemil u l-opinjoni ta’ persuna oħra, it-tama ħafna drabi fiergħa li l-ieħor se jfejqek, se jagħmlek dak li inti dejjem kellek tkun, jimlielek il-vojt li qed iġġorr miegħek. Sfortunatament, l-affarijiet mhux hekk jaħdmu, kif naraw f’‘Kalimera’ u, speċjalment, f’‘Baħrija’ u ‘Stennija’, fejn ir-relazzjoni bejn tnejn min-nies għadha teżisti biss f’keffa waħda tal-miżien. F’dawn il-poeżiji Cardona taf li qed tqarraq biha nnifisha, bit-tama li forsi l-affarijiet jaqilbu għall-aħjar: “Dak il-ħin ninfaqa’ f’bikja / u nibda nikkalkula u / naqsam id-dmugħ / ħiereġ minn għajnejja mċemplin: / id-dmugħ tat-tqalligħ, / id-dmugħ tal-ferħ, u / d-dmugħ tal-istennija.” (‘Stennija’) 

Meta l-ieħor jirreċiproka s-sentimenti tiegħek, u forsi jiskorrihom ukoll, id-diska tinbidel kompletament. Bħal kif naraw f’‘Xufftejk’. Il-poeta tinsab ma’ nannitha, li jew għadha kif mietet jew inkella waslet biex. Tluq ieħor li jħalli impatt enormi fuq Cardona iżda li minnu naraw kif id-dispjaċir li qed tħoss minħabba x-xufftejn li huma “Bla ħajja. / Kesħin.” huwa frott imħabba mingħajr preġudizzju, aspettattivi, doveri, obbligazzjonijiet. Dawn mhumiex ix-xufftejn ta’ xi ħadd li “jitolbok bil-ħniena / tfaqqagħlu bewsa fuq ħaddejh” (‘Re’) imma ta’ xi ħadd li jħobbok għax... iħobbok. 

Fit-tieni taqsima tal-ġabra, it-tluq jieħu lil Cardona f’art il-barranin, fiżikament u emozzjonalment. Kellna ħjiel ta’ dan fl-ewwel taqsima, bil-poeżija ‘Keffa’. Din għandha forma t’ittra intima bejn tnejn min-nies imma issa l-firxa twessgħet u tinkludi lil ‘huma/l-oħrajn’. Kif hemm miktub fil-kwotazzjoni qasira minn xogħol tal-kittieba Leïla Slimani fid-daħla ta’ din it-taqsima, ma tistax issir taf int min int mingħajr ma tipprova tiskopri min hu l-Ieħor. 

Hawnhekk niltaqgħu ma’ aspetti oħra tat-tluq. Pereżempju t-tluq ġeografiku, bħalma hemm ‘Fl-Art tal-Larinġ u l-Lumi’; it-tluq minn ħolma għal realtà: “Oħlom Ibraħim oħlom; / il-ħolm imċaħħad mid-dittatur, / li jxaqqaq u jisfrakassa r-ruħ / u jniggeż u jtaqqab il-qlub.” (‘Harraga’) Cardona qed titkixxef dwar ir-relazzjoni ta’ bejn l-Oħrajn u s-soċjetà li jgħixu fiha għax fl-aħħar mill-aħħar dawn mhumiex kategoriji stabbli u jekk tibdel l-ambjent, inti se ssir l-Ieħor ta’ ħaddieħor: skolpita u mżejna kif inhu xieraq, u jekk tiżgarra, tiġi kkastigata, umiljata jew imkeċċija (bħal Adam u Eva). Għalhekk tirrabjak poeżija bħal ‘Torri tar-Ramel’, u twaħħxek poeżija bħal ‘Lupita’, u tqabbdek id-dwejjaq ‘Siena’.   

L-aħħar taqsima tibda b’dikjarazzjoni tal-‘ħolqien ta’ Eva ġdida’. Il-vjaġġ li beda bit-tislima ġwejda ta’ ‘Kalimera’, issa jilħaq l-apiċi tiegħu bl-iżvelar ta’ identità femminili li, għalkemm hija ġdida, tiġbor fiha “l-għerf tal-ġenerazzjonijiet”, “t’ommi, ta’ nannti, ta’ ziti”. (‘Mara’) Il-vulnerabilitajiet, il-fraġilità, il-beżgħat u l-insikurezzi tal-poeta għadhom hemm imma issa dawn m’għadhomx arma f’idejn l-Ieħor u l-Oħrajn. It-tluq tal-maħbub f’‘Una Noche’ jittrasforma f’kundanna bierda daqs xafra misnuna għax ma tfaċċax biex “[j]aqta’ t-tieni żigarella”. Tgħidilna li “Ilsieni rizza sewda minn tal-qiegħ” (‘Rizza’) u li “l-jien tiegħi ħalef / li jiena nkun tiegħi nnifsi biss / b’dak kollu li tħobbu u tobogħdu fija.” (‘Jien’) 

Jekk inkompli ma niqafx. Iktar ma mort lura għall-poeżiji f’din il-ġabra biex niċċekkja n-noti tiegħi, iktar skoprejt saffi ta’ tifsir, affarijiet li ħarbuli, oħrajn li ma smajtx. Meta Tlaqt lil Adam (Klabb Kotba Maltin, 2022) huwa xogħol b’ruħ enormi, it-tip li l-eku tiegħu jibqa’ miegħek. 

More in Arti