Kotba | Mixja max-Xatt li tieħdok il-Forti Sant’Iermu

Noel Tanti jitkellem ma' Claudia Gauci dwar l-evoluzzjoni poetika tagħha, l-intimità fil-poeżija, kif ukoll il-Festival Mediterranju tal-Letteratura Maltija.

Wieħed mill-iktar avvenimenti letterarji importanti huwa l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Imniedi minn Inizjamed fl-2006, dan il-Festival għen mhux ftit sabiex tissawwar kultura letterarja iktar sana u b’saħħitha permezz tat-tlaqqigħ ta’ kittieba lokali ma’ kittieba barranin. Il-Festival jinkludi diversi attivitajiet bħal workshops tat-traduzzjoni, Palk Ħieles, diskussjonijiet, intervisti u qari mill-awturi mistiedna.

Waħda mill-mistednin ewlenin tal-Festival ta’ dis-sena hija Claudia Gauci, poeta, traduttriċi u għalliema tal-Malti. Ippubblikat żewġ ġabriet tal-poeżija: Sekonda qabel tqum (Edizzjoni Skarta, 2012), li kiseb it-tieni post tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb; u Max-Xatt tat-Tamarisk (Kotba Calleja, 2022), innominat għall-istess premju tal-2023 u bħalissa fil-lista finali. Barra minn hekk, ittraduċiet diversi kotba għat-tfal, bl-aħħar wieħed ikun Orkubellu ta’ Fabrizio Silei (Merlin Publishers, 2022).

Claudia ġentilment laqgħet l-istedina tiegħi għal din l-intervista.

Is-sena l-oħra ħriġt ġabra ta’ poeżiji jisimha Max-Xatt tat-Tamarisk. Għaddew għaxar snin mill-aħħar pubblikazzjoni tiegħek. Kif inbdilt minn dak iż-żmien? Kif inbidlet il-kitba?

Inbdilt u allaħares le. F’dawk l-għaxar snin qrajt iktar, ġarrabt iktar u tgħallimt iktar. Ma stajtx nibqa’ l-istess. Fejn tidħol il-kitba, dejjem nipprova nżomm f’moħħi xi nkiteb diġà u kif qed isseħħ il-kitba llum. Naħseb li, rifless taż-żmien t’issa, il-poeżija tiegħi hija iktar fluwida ħdejn l-ewwel ġabra. L-istil huwa iktar fluwidu. Fit-tieni ġabra kont iktar konxja minn kif qed nikteb: ekonomizzajt iktar fil-kliem, evitajt b’ċerta saħħa l-klixejiet u r-repetizzjonijiet u fuq kollox, naħseb li ppruvajt inkun iktar jien.

Xi ttik il-poeżija li ma jagħtukx forom ta’ espressjoni oħra?

Ittini spazju li fih, għalkemm fil-qosor, inħossni dejjem komda. Insib l-isfida li nesplora l-kelma u nużaha bl-aħjar u l-isbaħ mod letterarju kemm jista’ jkun. Il-poeżija nħossha taqdini tajjeb ħafna meta niġi biex nikteb mumenti, aneddoti, emozzjonijiet, tifkiriet li huma kollha parti minni jew li b’xi mod ħallew marka fuqi: mumenti, bħan-nifs li nieħdu l-ħin kollu, qosra imma sinifikanti ħafna.

Il-kitba tal-poeżija hija eżerċizzju intimu ħafna. Kif tinnaviga l-linja bejn l-espressjoni personali u l-universalità fil-poeżiji tiegħek?

Naħseb li l-personali, fil-fatt, huwa universali. Dak li għandi xi ngħid jien, b’xi mod jew ieħor, se jħalli reżonanza ma’ ħaddieħor. Għalhekk inħoss li dak li għandi f’moħħi għandi nittraduċih f’kelma miktuba li tkun kemm jista’ jkun aċċessibbli.

Taqsam magħna poeżija minn Max-Xatt tat-Tamarisk li sibtha diffiċli immens biex tikteb, u għaliex?

Naħseb waħda minn dawk id-diffiċli kienet “Kif ħassejtek dakinhar li ttawwaltlek?” li titkellem fuq il-maternità. Ħafna nies jirromantiċizzaw dan il-perjodu partikolari fil-ħajja ta’ mara imma mhuwiex il-każ li dejjem u kollox ikun perfett. Anzi! Iktar milli nikteb fuq esperjenza personali iktar xtaqt nuri li jekk xi nisa jġarrbu esperjenza kerha, minfok sabiħa, meta jsiru ommijiet, m’għandhomx iħossuhom ħatja.

Il-poeżija tinqara minn numru ristrett ta’ qarrejja. Anki barra minn Malta, ma tantx tara ġabriet ta’ poeżija fil-listi tal-kotba li l-iktar jinbiegħu. Għalfejn taħseb li hu dan? Forsi l-poeżiija mhix għal kulħadd?

Aktarx li l-poeżija mhix għal kulħadd. Inħoss li hija għal min jogħxa jara l-kelma użata b’modi differenti, jaraha tiġġebbed u tittrasforma ruħha biex toħloq dinjiet oħra. Huwa eżerċizzju partikolari ħafna, inħoss, kemm biex tiktibha u kemm biex taqraha. Jien, bħala għalliema wkoll, naffaxxina ruħi kif kull darba li naqra poeżija dejjem niskopri xi ħaġa li tkun ħarbitli fiha.

Taħseb li l-poeżija għandha użu pedagoġiku?

Għadni kif semmejt li ngħallem imma, fil-fatt, niddejjaq ħafna ngħid ngħallem il-poeżija. Il-poeżija ma naħsibx li tista’ tgħallimha jew wisq inqas titgħallimha. Fl-istess ħin, ma tistax ma tippreżentahiex lill-istudenti bħala parti importanti ħafna mill-pakkett letterarju li, jekk xejn, għall-inqas ikunu jafu li teżisti. Hemm poeżija miktuba speċifikament għat-tfal u jsiru ħafna tentattivi tajbin f’pubblikazzjonijiet varji. Hemmhekk, jista’ jkollna l-opportunità li nippreżentaw dinja attraenti lit-tfal permezz tal-poeżija.

Dan l-aħħar qrajt xi ġabra li laqtitek b’mod partikolari?

Qrajt C+nto & Othered Poems ta’ Joelle Taylor li hija wkoll waħda mill-kittieba mistednin għall-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta ta’ din is-sena.

Int waħda mill-mistiedna prinċipali tal-Festival. X’qed tistenna minn din l-esperjenza? X’għandu jistenna min jattendi l-festival?

L-ewwel nett ħerqana li nipparteċipa fil-workshops tat-traduzzjoni li jsiru kull sena għal tlieta, erbat ijiem sħaħ eżatt qabel l-iljieli tal-festival. Meta tittraduċi lil kittieba oħra, mhux talli tiskoprihom u tapprezzahom iżjed iżda huwa wkoll eżerċizzju fantastiku għal min qed jittraduċi. Itik id-dixxiplina u fl-istess waqt il-gost kbir li tilgħab bil-kelma u toħloq dinjiet li ma kinux tiegħek, primarjament, iżda li bil-lingwa ġdida li qed tlibbishom isiru poeżija ġdida.

Min se jattendi għandu jistenna atmosfera sabiħa immens, qari ta’ poeżiji minn kittieba li din is-sena inzertaw kollha nisa. Għandu wkoll jistenna li jisma’ poeżiji moqrija f’ilsna oħra, mhux bil-Malti jew bl-Ingliż biss. Se jkun hemm intervista interessanti ma’ Adania Shibli, kittieba mill-Palestina. Se jkun hemm ukoll mużika, ikel u xorb u fl-aħħar nett ma nistax inħalli barra l-bejgħ tal-kotba, fosthom il-kotba tal-awturi mistiedna.

Is-serati finali tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta se jsiru bejn l-24 u s-26 t’Awwissu fil-Forti Sant’Iermu ġewwa l-Belt Valletta. Il-biljetti jinkisbu minn https://www.showshappening.com/inizjamed/fmlm23.

More in Arti