Letteratura | Taħt il-Qoxra: Il-kotba li taf għandhom uċuħ oħra

Fil-paġna letterarja ta’ dil-ġimgħa Matthew Borg mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ikellimna dwar il-programmi l-ġodda tas-sensiela Taħt il-Qoxra, u dwar il-modi differenti li issa wieħed jista’ jsegwi dawn il-programmi, li issa jinsabu fil-ħames sena tagħhom.

Il-programm tar-radju mtella’ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), Taħt il-Qoxra ppreżentat minn Rachelle Deguara, issa daħal fil-ħames sena konsekuttiva tiegħu. Ġimgħa wara l-oħra l-programm żamm l-appuntament tiegħu ta’ kull nhar ta’ Ħadd fis-7.30pm fuq Radju Malta, u allura llum il-ġurnata għandu maħżun ġo fih għexieren ta’ intervisti tista’ tgħid ma’ kull awtur u awtriċi hemm barra. Fi kliem ieħor il-programm jipprovdi minjiera ta’informazzjoni utli għall-ħabbieba tal-kotba, l-istudenti, l-akkademiċi, u anki dawk li jixtiequ jibdew jaqraw.

Meta l-KNK daħal għal dal-proġett fl-2017, ir-riżorsi li kellna biex naħdmu bihom kienu inqas minn dawk li għandna llum, iżda l-programm innifsu, it-tip ta’ mistoqsijiet, u l-awturi mistiedna kienu u għadhom bi stil partikulari li jiddistingwu dan il-programm minn programmi oħra letterarji tal-istess natura. Qatt ma ddejjaqna nistaqsu mistoqsijiet li xi drabi jew oħra kienu skomdi. Il-letteratura tittratta l-ħajja, u ġaladarba l-kittieb jikteb il-letteratura, mela qed jikteb dwar il-ħajja. Kultant mhux biss jikteb dwar il-ħajja, imma jiktebil-ħajja. 

Madankollu, u lil hinn minn din id-definizzjoni tal-letteratura, xogħol il-KNK huwa li jieħu ħsieb jara li l-industrija tal-kotba tibqa’ waħda b’saħħitha, u b’saħħitha nifhmu li jibqgħu jiġu ppubblikati kotba ta’ kwalità kontenutistika u ta’ forma, u fl-istess ħin tibqa’ industrija li trendi u li tattira l-investiment u l-ħin tal-pubblikaturi eżistenti u oħrajn potenzjali. Nemmnu li jekk ma jkunx hawn industrija tal-kotba li tiffunzjona mela s-soċjetà kollha mhix se tiffunzjona. Ħafna minn dak li nafu bħala persuni nafuh mill-kotba, jew għax xi darba kien hemm xi ħadd li għażel li jikteb dwaru, jew għax qalulna ħaddieħor li qara l-kotba… inkella għax ħajjarna programm u morna għall-ktieb. Hija għal dir-raġuni li bqajna għaddejjin bil-programm - huwa mezz kif nersqu lejn dawk il-persuni li forsi ma jaqrawx il-ktieb imma jisimgħu programm tar-radju. Ix-xewqa dejjem tkun li nqanqlu biżżejjed interess sabiex dak li jkun mis-smigħ tal-intervista jgħaddi għall-ktieb. L-istess filosofija hija applikata fi proġetti oħra tal-KNK - ewlenin fosthom il-fondi għax-xogħol awdjoviżiv.

Forma u kontenut ġdid - l-awturi jitkellmu ma’ ħaddieħor

Mix-xahar l-ieħor il-programm ngħata bixra ġdida. Il-preżentatriċi qed tmexxi diskussjoni ma’ aktar minn mistieden wieħed, li mhux bilfors ikunu kittieba biss. Il-format għalhekk huwa aktar miftuħ, u jistrieħ fuq skambju ta’ ideat. 

Il-punt tat-tluq jibqa’ l-kotba, iżda l-konverżazzjoni se tinfirex għal oqsma oħra tal-ħajja relevanti. Ladarba l-letteratura u l-kotba jitkellmu dwar l-ħajja, il-kittieb – sija jekk rumanzier, poeta, kittieb tal-memoirs u l-bqija – għandu ħafna xi jgħid u jiddiskuti ma’persuni b’xogħlijiet jew professjonijiet oħra fis-soċjetà. B’hekk qed nittamaw li b’dawn l-iskambji jinxteħet dawl ġdid fuq il-kotba Maltin, jiġi ġġenerat interess minn angoli differenti fil-letteratura Maltija, u naċċentwaw jew nixprunaw il-kontribut validu tal-kittieba Maltin fi mkejjen oħra tal-ħajja.

Bit-tlaqqigħ tal-kittieb ma’ persuni oħra - ħaddiema, professjonisti, studenti - nistgħu anki nistrieħu fuq il-fatt li waqt il-programm innifsu jkun hemm ideat u opinjonijiet differenti dwar il-letteratura u dwar il-ktieb jew kotba li jkunu qed ikunu diskussi. Jgħidu li ladarba dak li jkun jikteb ktieb, il-ktieb ‘ma jibqax tiegħu’ għax jibdel it-tifsiriet tiegħu skont min jaqrah. B’dawn il-programmi l-ġodda nittamaw li naqbdu dawn it-tifsiriet varji, u allura nolqtu l-interess ta’ sezzjonijiet ġodda ta’ nies - l-aktar dawk li m’għandhomx id-drawwa tal-qari. Ngħidu aħna programm li żgur laqat l-interess ta’ ħafna kien dak dwar il-ġustizzja soċjali fil-prattika fil-klassi. L-iskola hija post fejn noħorġu minnu mgħammra bil-kapaċita li nagħmlu ġudizzju politiku san? Kif ikun għalliem li fil-klassi jipprattika l-ġustizzja soċjali? Il-letteratura tista’ tkun liberatorja għall-istudent? Il-poeżija u l-istejjer huma estensjoni ta’ twemmin soċjal? Dawn u aktar poġġejniehom quddiem mistiedna li kitbu u ppubblikaw kotba ta’ poeżija, novelli, u riċerka dwar is-suġġett u magħhom kellna għalliem li seta’ jkun il-vuċi ta’ ħafna oħra bħalu.

Hemm diversi temi ppreparati għal dis-sensiela ġdida, iżda mhux se jonqsu lanqas intervisti dwar kotba ġodda, stejjer li jkunu qed jiġru fid-dinja letterarja, jew kontroversji li l-kittieba lokali jkollhom Kelma jew tnejn x jgħidu dwarhom.

Il-programmi l-ġodda ta’ Taħt il-Qoxra qed jixxandru b’modi varji biex ikunu aktar aċċessibbli. Il-programm żamm ħinu l-Ħadd fis-7.30pm fuq Radju Malta, iżda issa wkoll qed jixxandar bħala filmat live fuq il-paġna tal-Facebook u tal-Youtube tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fl-istess ħin, u bħala awdjo fuq is-Soundcloud. Fuq is-sit www.ktieb.org.mt ssibu maħżuna l-programmi kollha, anki dawk tal-passat.

Dan l-artiklu nkiteb minn Matthew Borg, Maniġer Anzjan tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

More in Arti