Ix-xbieha ta' Kristu fiċ-ċinema u films oħrajn reliġjużi

F'Jum il-Ġimgħa l-Kbira nagħtu ħarsa lejn l-aktar films ta' suċċess li trattaw il-ħajja u l-mewt ta' Ġesù - Minn Jesus of Nazareth, King of Kings, sal-kontroversjali The Last Tempation of Christ

Jesus of Nazareth
Jesus of Nazareth

Fuq il-liżar ċinematografiku, għall-ħafna snin. Il-persuna ta’ Ġesù Kristu kienet xi ħaġa kontroversjali.  Il-produtturi u diretturi ppreferew jagħtu xhieda tal-preżenza Tiegħu permezz ta’ xi id, xi mantell, dell jew ombra, jew juru r-reazzjoni ta’ skantament kbir minn dawk preżenti quddiemu, speċjalment wara xi miraklu.  Fl-ewwel 10 snin minn din l-invenzjoni tas-“seba’ arti” dehru diversi xogħlijiet dwar ħajtu.
Fl-1912, Robert Henderson ħadem din il-parti f'super-produzzjoni ta’ From The Manger To The Cross.  Fl-1916 wasal Civilisation, b’George Fisher bħala Kristu fuq it-terran tal-battalja u fl-istess sena ħareġ Intollerance tad-direttur ċelebri D. W. Griffiths, film kolossali ta’ kważi tliet sigħat li fih Ġesu kien interpretat minn Howard Gaye.

Fl-1927, id-direttur Cecil B. DeMille, rinomat għall-films Bibbliċi tiegħu, ħadem King Of Kings, b’H. B. Warner fil-parti prinċipali.  Kull offiża ġiet imnaqqsa billi fl-ewwel derha Tiegħu mill-faċċata, wiċċ Kristu deher imċajpar mill-għajnejn ta’ tifla li għadha kemm ħadet id-dawl minn miraklu tal-Imgħallem fuqha.  Id-direttur Franċiz Julien Duvivier ħadem Golgotha bl-attur Robert Le Vigan.  Kellhom jgħaddu 20 sena oħra qabel  il-figura ta’ Kristu reġgħet dehret fuq il-liżar il-kbir f’Day Of Triumph, film sponsorjat bl-attur mhux professjonali Robert Wilson.

Il-Poster ta' King of Kings
Il-Poster ta' King of Kings

Fl-1961 waslet versjoni oħra ta’ King Of Kings, issa bix-xbieħa ta’ Kristu murija minn kull lat bil-persuna attraenti ta’ Jeffrey Hunter, attur gustuż b’għajnejn ċelesti, parti li qajmet xi kontroversji li, sfortunatament, kisbet il-laqam ta’ I Was A Teenage Jesus.  Erba’ snin wara, d-direttur George Stevens bi bravura daħħal lill-attur twil Żvediż, Max Von Sydow bħala il-Feddej fil-film kolossali, pero’ xi daqsxejn diżappuntanti għax kien serju wisq f’The Greatest Story Ever Told.  Dan kien xogħol verament solenni li jilħaq il-qofol tiegħu fis-sekwenza twila u elaborata tal-qawmien ta’ Lażżru.

Fl-1964, mill-Italja deher forsi l-aktar film reali, kommoventi, qawwi u serju, iżda mhux spettakulari jew epiku, maħdum bla kulur, dwar l-Iben t’Alla, Il Vangelo Secondo Matteo (The Gospel According To St. Matthew) bl-attur Spanjol Enrique Irazoqui u atturi oħra mhux professjonali.  Dan kien dirett minn Pier Paolo Pasolini, ateu u Marxista ferventi u jgħidu li ħadem dan ix-xogħol li jimxi b’dinjita’ kwieta u poetika, tant imfaħħar mill-kritiċi u minn dawk ċineasti veri, biex jogħġob lil ommu Susanna li ħadmet il-parti ta’ Marija adulta, miġbud kollu kemm hu fix-xenarju naturali, selvaġġ pero’ sabiħ ta’ Reggio Calabria.  Fl-1969, direttur ieħor anti-reliġjuż, l-Ispanjol Luis Bunuel, poġġa lil Bernard Verley bħala Kristu fix-xogħol The Milky Way (La Voie Lacte’e). 

Figuri ta’ Kristu ta’ kull xorta nstabu fi produzzjonijiet bħal The Passing Of The Third Floor, The Fugitive (1947), Strange Cargo u The Face.  Films dwar l-influwenza diretta ta’ Ġesu’ kienu jinkludu Quo Vadis, The Last Days Of Pompeii, Barabbas, The Wandering Jew, Ben-Hur u The Robe (1953), l-ewwel film  bil-proċess ta’ liżar wiesa’, CinemaScope, fejn l-attur Cameron Mitchell kien il-vuċi tal-Iben t’Alla.  Xeni verament qosra tal-Passjoni dehru wkoll ġo films li żgur ħadd ma jobsorhom bħal fil-kontroversjali tas-sess u vjolenza, A Clockwork Orange u f’dak tal-biża’ Tales From The Crypt: Demon Knight, fejn id-demm ta’ Ġesu’ miġbur minn taħt is-salib minn pellgrin li jgħix matul is-sekli, meta jidilku mal-bibien u t-twieqi jżomm lura l-vampiri u iħirsa oħra.

The Passion of the Christ
The Passion of the Christ

Is-snin sebgħin kienu żmien fejn Kristu ġie mmoderniżżat f’rock u pop operas bħal Godspell u l-famuż Jesus Christ Superstar, xogħol ta’ Andrew Lloyd Webber.  Dan il-proġett mużikali tal-1973 li kien diġà għamel suċċess enormi fuq il-palk u reġa’ kiseb għarfien fiċ-ċinema.  Ted Neeley interpreta lil Ġesu’.  Fis-sena 1977, direttur ieħor Taljan, din id-darba Kattoliku ferventi, Franco Zeffirelli, ppreżenta ghat-TV Jesus Of Nazareth, b’kast formidabbli mill-aqwa, proġett dettaljat li joqrob is-seba' sigħat, b’Robert Powell tant effiċjenti bħala Kristu.  Hawn Malta kien ħareġ għaċ-ċinema f’żewġ partijiet.  

Dan ix-xogħol solidu ta’ Sir Lew Grade rawh tant nies fuq it-televiżjoni, tendenza li ppuntat li fid-dinja ħafna huma li jridu jemmnu f’xi ħaġa superjuri aktar mill-bniedem.  L-iscreenplay ta’ Jesus of Nazareth kitibha l-awtur Anthony Burgess li kiteb l-infami A Clockwork Orange, kien imdaħħal fil-kitba ta’ Fellini’s Casanova u għamel xi żmien joqgħod hawn Malta (Ħal Lija) iżda kellu jitlaq lejn l-Italja minħabba antagoniżmu miċ-ċensura lokali.

Id-direttur Martin Scorsese fl-1988 ffilmja l-ktieb kontroversjali tal-awtur Grieg Nikos Kazanakis The Last Temptation Of Christ, xogħol ieħor mhux ta’ natura epika, pero’ qawwi u sod.  Dan kien juri Il-ħajja ta’ Gesu’ Kristu (parti maħduma minn Willem Dafoe) dwar il-vjaġġ iebes Tiegħu bħala uman sa l-aħħar tentazzjoni fuq is-salib.  Film għat-TV, The Day Christ Died kellu xeħtra letterarja.  Il-produzzjoni The Garden Of Eden (1998) ta’ Alessandro D’Alatri kien ikopri t-tfulija u l-adoloxxenza ta’ Ġesu’, parti nterpretata minn Kim Rossi Stuart.
 L-2004 kienet is-sena tal-film ta’ Mel Gibson, The Passion Of The Christ bil-protagonist ikun Jim Caviezel, xogħol tassew brutali u vividu li jdaħħlek f’qoxortok.  Dan il-film, deskritt ukoll bit-titlu Horror In Jerusalem, kien qajjem xi kontroversji dwar l-anti-Semitiżmu u f’ħafna pajjiżi, biss mhux f’Malta, kellu ċertifikat għall-kbar biss.  Mel Gibson ħadmu bil-lingwa Aramajka (l-ilsien ta’ żmien Ġesu’) u bis-sotto titoli bl-Ingliż, iżda xorta waħda għamel suċċess fenominali, speċjalment fl-Istati Uniti fejn inbiegħu miljuni ta’ biljetti “online” minn fuq l-internet ħafna żmien qabel ma beda jintwera.

Risen
Risen

Il-film tal-2015, Risen dwar Ċenturjun li jinvestiga waqt il-Passjoni u l-mewt ta’ Kristu ukoll kellu suċċess moderat.  Fl-2016, Ben-Hur reġa’ nħadem b’ħafna ħin inqas mill-blockbuster tal-1959, bi tmiem differenti li jaqbel man-novella u bit-tiġrija li tikkompara sewwa ma’ dak ta’ qabel, bil-wiċċ ta’ Kristu (Rodrigo Santoro) issa espost għall-ħafna ħin, iżda b’suċċess minimu.
Il-films reliġjużi kienu wkoll parti integrali sa mill-bidunett taċ-ċinema.  F’dawn il-produzzjonijiet mhux bilfors tidher il-persuna ta’ Ġesu’ Kristu.  Kienu t-Taljani li pproduċew l-ewwel films spettakulari bħal Quo Vadis u Cabiria, aktar minn mitt sena ilu.  Hollywood malajr beda jlaħħaq ma’ dawn, fost oħrajn, b’Judith Of Bethulia (1914), pero’ Ben-Hur (1926) kellu l-isbaħ spettaklu minnhom kollha.  Kien Cecil B. DeMille li ta ħajja lill-Bibbja fuq il-liżar ċinematografiku b’The Ten Commandments (1923) u King Of Kings (1927).  Meta beda it-talkies, DeMille dderieġa Sign Of The Cross (1932), Samson And Delilah (1949) u reġa’ ħadem b’mod aktar spettakulari u elaborat The Ten Commandments (1956).  Fl-1929, Noah’s Ark, maħdum bla kliem, pero’ wara żidulu sekwenzi jitkellmu, kien ukoll spettakulari imma sempliċi.
Fis-snin tletin Hollywood beda jfittex mezz kif jikkombina b’mod frisk ir-reliġjon ma’ sentimentaliżmu u spettaklu ġo films bħal The Cradle Song, Dante’s Inferno, The Garden Of Allah, The Green Light u Boys’ Town.  Riżultat ta’ dan juri karatterizzazzjoni ġdida ta’ qassisin bħala nies ferħana.  Spencer Tracy u Pat O’Brien dehru anzjużi li jinterpretaw irwoli ta’ din il-kwalita’.  Imma ħadd ma kellu d-dinjita’ kwieta ta’ Rex Ingram bħala Dr. Lawd fi Green Pastures, versjoni tas-Suwed tal-Iskrittura.

It-Tieni Gwerra Dinjija, naturalment, ġabet qawmien reliġjuż.  Kull film ambjentat fl-Ingliterra kien ġeneralment jispiċċa b’xi ċerimonja f’xi knisja mwaqqa bil-bombi, u figuri reliġjużi kienu popolari ġo films bħal The Song Of Bernardette, Going My Way, The Keys Of The Kingdom u The Bells Of St. Mary.  Il-Ġenna kienet ukoll użata bħala sfond għall-produzzjonijiet ta’ fantasija leġġera kif urewna Here Comes Mr Jordan, Heaven Can Wait, A Matter Of Life And Death u The Horn Blows At Midnight.

Wara il-gwerra, r-reliġjon bdiet titlef id-dominanza tagħha u film bħal Joan Of Arc (mhux iżda hawn Malta) falla bil-kbir.  Għall-kuntrarju, żewġ films tar-reliġjon Kattolika li iżda rnexxew fid-dħul tal-flus kienu Monsieur Vincent u The Miracle Of Fatima.  Lejn l-aħħar tas-snin ħamsin ħarġu l-films A Man Called Peter, The Nun’s Story, Inn Of The Sixth Happiness u Whistle Down The Wind, bit-tifla Haley Mills iġġib l-ikel lil wieħed ħabsi mistoħbi għax taħsbu Ġesù Kristu u fl-aħħar meta jarrestawh tgħid lit-tifel ħabib tagħha, li aċċidentalment kixfu, li “he will come again”.

Fil-preżent dawk il-films reliġjużi li jinħadmu b’baġit imdaqqas jew ridott għandhom iċ-ċans li juru profitt kif ġara f’Risen, God’s Not Dead u s-sequels.

Reċentement, ħareġ fostna Fatima, film ġdid ko-produzzjoni Amerikana/Portugiża fejn fost l-atturi hemm ukoll Harvey Keitel fil-parti tal-Professur Nichols.  Tidher li hi produzzjoni b’fotografija eskwiżita b’sets imponenti diretta minn Marco Pontecorvo.

The Last Temptation of Christ
The Last Temptation of Christ

 

 

More in Arti