Taħdita mill-Kwarantini tal-Imġienen - Djalogu ma’ Immanuel Mifsud

Din il-ġimgħa Kevin Saliba jiftaħ djalogu ma’ Immanuel Mifsud dwar l-imxija tal-Virus Corona, b’enfażi speċjali fuq il-konsegwenzi psikoloġiċi li l-pandemija – flimkien mal-miżuri ta’ mitigazzjoni li ttieħdu biex din titrażżan. F’dar-rigward Saliba skjett u daqstant ieħor xettiku dwar bosta ħwejjeġ, intant Mifsud kawt iżda xejn inqas luċidu. Spiss b’referenzi għax-xogħlijiet letterarji tiegħu – b’mod speċjali għat-taqsima Mill-Klinika tal-Imġienen illi nsibuha fil-ġabra Penelopi Tistenna – Saliba jistaqsi dwar jekk hemmx lok li din il-Kuruna tax-Xewk tingħatalha demarkazzjoni storika, jinnota isteriżmu sproporzjonat u perikoluż, jesprimi dubji dwar l-istatistiċi, jisħaq fuq l-importanza ta’ veduti alternattivi filwaqt li jikkundanna l-komplottisti fl-istess nifs, iqajjem dubji dwar il-miżuri tal-konfinament filwaqt li jiġbed l-attenzjoni dwar l-effetti soċjali u psikoloġiċi skjaċċanti li dawn qed ikollhom, jinnega wkoll il-potenzjal fejjiedi tal-midji soċjali. Dan u iżjed mill-Kwarantini tal-Imġienen.

Immanuel Mifsud
Immanuel Mifsud

1 - Il-famuż perit Katalan Josep Lluís Sert darba qal “ħajti maqsuma f’kapitli b’ismijiet ta’ bliet. Għax tgħid għandna ħabta naqsmu l-istorja tal-ħajja personali tagħna f’kapitli. Qisna xi Sarah Sue Sammut li ma’ kull bidu jew tmiem ta’ xi fażi jinfetħilha kapitlu ġdid. Nagħmlu l-istess ukoll bl-istorja kollettiva tagħna bħala speċi. Ngħidu aħna, ladarba għadna kif ħriġna minn żmien l-Għid: Qabel Kristu u Wara Kristu. Waqt is-sessjoni ta’ qari ta’ poeżija Aqrali Qalti li xandart dan l-aħħar fuq l-internet għedt illi ’l quddiem ser nibdew nitkellmu dwar l-epoka ta’ qabel il-Virus Corona u dik ta’ wara. Bħal donnok qed tgħid li issa l-purtiera tat-tempju ċċartet, intemmet ir-Rabta l-Qadimabdiet il-Ġdida. Iżda did-darba żgur m’aħniex xi madwar sagħtejn u nofs ’il bogħod mill-Ġenna. Anzi, qed isir ħafna tbassir li ser jerbaħna l-Infern. Kif tistħajjilha d-dinja ta’ wara dil-Kuruna tax-Xewk? 

It-tbassir żgur li mhuwiex wieħed mid-doni tiegħi, Kevin. Naħseb illi m’għandix għarfien biżżejjed tad-dinja tal-imgħoddi biex inbassar il-futur. Imma ħa mmorru pass lura. Is-suspett li ser nimmarkaw l-Istorja bl-era ta’ qabel u ta’ wara l-Corona ma ħriġtx bih jien. Ħafna huma dawk li qegħdin isostnu li l-ħajja wara l-Corona mhijiex ser tkun bħal dik li kienet qabel. Tant hawn min qed ilissen dan li nazzarda ngħid illi din hija l-akbar klixè li għaddejja bħalissa. Ovvjament, anki l-klixè jista’ jkollha mqar element żgħir ta’ verità. Kif osservajt int, għandna ħabta, mill-aktar naturali, li naqsmu ħajjitna f’epoki differenti; jien naf... fejn konna noqogħdu żmien ilu, qabel ma kelli l-mowbajl, qabel mietet ommi, u l-bqija. U l-istess fl-istorja kollettiva. 

Issa, naħseb li ħafna minna qatt m’esperjenzaw xi ħaġa hekk kbira bħal pandemija, bl-effetti kbar ħafna li din ġabet magħha u, fil-każ lokali, bl-effetti li għad irridu naraw. Naħseb li din hija, jew ser tkun, esperjenza trawmatika anki fuq il-livell kollettiv. Minbarra l-mewt u l-biża’ kontinwu, hemm ħaġa oħra kattiva f’din l-istorja: li t-traġedja għandha element pożittiv, u dan mhuwiex element żgħir. Wara ftit jiem minn mindu għalqu l-iskejjel u ħafna postijiet pubbliċi, ġie mmarkat tnaqqis drastiku fil-livell tat-tniġġis tal-arja. Dan il-fenomenu ġie rreġistrat mhux biss f’Malta imma anki globalment. In-natura ħadet ir-ruħ, tant li kien hemm min saħansitra beda jfantas li l-virus huwa l-mod kif in-natura ħadet id-destin tagħha f’idejha ladarba l-politiċi ma kellhomx il-ħila jew ir-rieda li jmexxu b’responsabbiltà. Dan il-paradoss – li naddafna l-arja minħabba l-mewt – huwa kattiv minnu nnifsu, anki għaliex kemm-il darba l-ħajja tiġi lura għan-normal, jiġifieri għal dak li konna nafu qabel, l-Imsida ser terġa’ tegħreq fid-dħaħen, kif ser jiġri wkoll f’New York u fi bliet oħrajn fit-Tramuntana tal-Italja, fi Spanja u fi nħawi oħrajn. Hemm il-possibbiltà li appena nirpiljaw u nerġgħu nibdew nixirfu, in-natura ser terġa’ tibda tweġġa’. 

 

2 - Hemm kullimkien atmosfera ta’ biża’ bħalissa. Nasal ngħid li fost ħafna u ħafna mases din il-kriżi kkaġunat psikożi kollettiva. Biża’ mill-inċertezza, mill-faqar, mill-mard, mill-mewt ukoll, sintendi. Jidhirli l-biża’ minn dawn l-aħħar tnejn – l-iżjed minn din tal-aħħar – qed tixpruna ħafna mġiba irrazzjonali li saħansitra ormaj ġa laħqet qċaċet paranoi. Qedin naraw ġenniji ma jitwemmnux. Ftit ġimgħat ilu, pirkażu, sors pjuttost affidabbli rrapporta tnaqqis drastiku dinji fil-bejgħ u fil-konsum tal-birra Corona. Bosta donnu spiċċaw b’moħħhom il-ħin kollu jberren ill – biex nissellef titlu minn poeżija tiegħek – abbli ormaj waslu fl-aħħar folja tal-pitazz. Sirt ninnotahom, anke fuq il-midja soċjali, bħal iqallbu “l-folji lura” biex jaraw ħadux “xi żball xi mkien”. Jaħslu idejhom sew ukoll għax “dal-paġni jintnu”. Terġa’, erħilhom iqallbu l-internet kollu għall-aħħar aġġornamenti fir-rati tal-kontaġju u tal-fatalità Dan kollu ffaċilita bil-kbir l-imxija ta’ ħafna tagħrif dubjuż u aħbarijiet foloz fil-fehma tiegħi mhux biss mill-komplottisti iżda wkoll minn sorsi uffiċjali ex cathedra li minflok iqawwu l-qalb kulma jmur qegħdin jirrinforzaw l-impotenza, l-anzjetà, l-isteriżmu u l-paniku. X’għandu jkun r-rwol tal-intellettwali qalb din l-infodemija skjaċċanti? Temmen illi għandu jingħata lok għall-fehmiet dissidenti – dment illi rraġunati – li jikkontestaw in-narrattivi uffiċjali? 

Dment illi rraġunati” – dak huwa l-fulkru, Kevin. Jien wieħed minn dawk li għandi biża’ kbir fuqi, anki għaliex ismi qiegħed fil-lista tal-‘vulnerabbli’ minħabba l-mediċina li nieħu biex niġġieled id-diżabbiltà tiegħi. Lili l-biża’ ġegħelni nagħmel minn kollox biex nittarrax u ma nsegwix l-aħbarijiet dwar il-virus. Pereżempju x-xandiriet ta’ kuljum tal-Professur Gauci qatt ma rajthom, avolja nkun naf illi bdew mit-televixin jgħajjat ta’ xi ħadd mill-ġirien illi jsegwihom reliġjożament. B’riħet hekk, ftit li xejn qrajt dwar x’inhi r-reazzjoni tal-intellettwali lejn il-virus u dwar dik illi int sejjaħtilha “infodemija”.  

Mill-ftit li qrajt, verament ftit, kien hemm reazzjonijiet differenti. Pereżempju lokalment, il-professur Adrian Grima għamel għadd ta’ osservazzjonijiet ta’ natura lingwistika fir-reazzjoni tiegħu għal dak li kien qiegħed jingħad waqt il-konferenzi tal-Professur Gauci, tal-Ministru Fearne u tal-Prim Ministru. Ma rridux ninsew l-ovvju: il-lingwa hija riflessjoni anki tal-qagħda soċjali attwali, ukoll lil hinn mill-virus innifsu. Bħalissa, il-Prof Grima qiegħed ixandar limerikk kuljum dwar is-suġġett tal-COVID-19. Diversi kittieba u poeti, bħalek, Nadia Mifsud, Simone Inguanez, John Portelli, Antoine Cassar u forsi oħrajn, qegħdin jippubblikaw poeżiji mnebbħa mill-virus kważi kuljum preċett. Il-letteratura qiegħda timraħ grazzi għall-virus.  

Fix-xena internazzjonali, intenni mill-verament ftit illi qrajt, hemm pożizzjonijiet varji – kif wieħed jistenna li jiġri fid-dinja tal-intellettwali. Slavoj Žižek diġà ppubblika studju dwar l-aspett soċjali tal-COVID-19 li, mill-ftit illi qrajt dwaru, iressaq l-idea li l-effett globali tal-virus ser ikun it-twelid inevitabbli ta’ sistema komunista – idea li tidwi l-fehma ta’ bosta li l-COVID-19 ser joqtol in-neoloberaliżmu. Jekk dan huwiex tbassir korrett jew le ser nkunu nafu aktar ’il quddiem. Uħud qegħdin iqisu l-pandemija bħala opportunità mill-aqwa biex nibdlu s-sistemi: speċi dak li t-68, il-Baader Meinhof u r-ruxxmata iżmi tas-seklu għoxrin ma rnexxilhomx jagħmlu qabilna, issa fl-aħħar ser nagħmluh bis-saħħa tal-virus. Ħassieba oħrajn qegħdin jaraw il-virus bħala ċans tad-deheb għal xi gvernijiet biex jaħtfu poteri li qabel il-virus ma kellhomx – poteri assoluti li mhux se tkun ħaġa faċli li jroddu lura, bħalma hu l-każ tal-mexxej Ungeriż Viktor Orbán li ħa poter assolut wara li ddikkjara stat ta’ emerġenza.  

Giorgio Agamben huwa wieħed minn dawk il-filosfi li ma tantx jidher konvint li l-COVID-19 huwa realtà; saħansitra li din hija kollha esaġerazzjoni u allarm tal-mezzi tal-komunikazzjoni. Agamben jikteb dwar, biex nikkwotah direttament, “frenetiche, irrazionali e del tutto immotivate misure di emergenza per una supposta epidemia”. Agamben kien kiteb dan fi tmiem Frar li għadda. Ma nafx x’kiteb meta ra filmati minn pajjiżu ta’ twiebet jinġarru f’purċissjoni ta’ trakkijiet militari. Ma nafx jekk baqax jisħaq illi din hija epidemija mistħajla. 

Kellek, imbagħad, intellettwali oħrajn, bħal Jean-Luc Nancy, li mill-ewwel ħadu pożizzjoni kuntrarja għal dik ta’ Agamben, li mqar in-numri (u n-numri mhux dejjem tista’ tilgħab bihom) juru kemm il-virus huwa veru. F’Nancy nara, dejjem jekk qiegħed ninterpretah ġustament, attitudni li mhijiex lesta għal kollox tħares lejn il-poter b’mod suspettuż, li tirriżerva l-possibilità li anki l-poter jaf ikollu raġun, imqar xi kultant. Ovvjament, il-poter li għandu raġun f’dan il-każ huwa l-poter mediku.  

Għandu l-intellettwali jqawwi l-qalb jew jippreżenta fehmiet dissidenti? Tradizzjonalment, dejjem qisna li d-dissidenza hija l-essenza tal-intellettwali. Din id-dissidenza, iżda, taf tkun skomda u huwa proprju għalhekk li ħafna drabi l-intellettwali jispiċċa użat skont il-ħtieġa tal-forzi differenti tal-poter. Il-mistoqsija, f’dan il-każ partikulari, hija: liema pożizzjoni ser tkun dissidenti f’dan ir-rigward? T’Agamben jew ta’ Nancy? Kif ser nagħrfu jekk dawn il-fehmiet humiex “irraġunati”? U rraġunati skont min?  

Hemm ħaġa oħra li tolqotni f’dan illi qegħdin ngħidu: il-frażi tiegħek “in-narrattivi uffiċjali”. Dan il-virus, tant ħadna f’daqqa, tant huwa misterjuż minnu nnifsu, li ma fadlilniex narrattivi uffiċjali, u dan kompla jżid il-biża’ u jsaħħaħ lill-mikrobu. Anki jekk tneħħi l-aħbarijiet foloz, il-fenomenu numru wieħed tas-seklu wieħed u għoxrin, in-narrattivi uffiċjali huma, ħafna drabi, varji jekk mhux kuntradittorji. Ħu minn Malta: professur tgħidilna nibqgħu ġewwa, Prim Ministru jgħidilna noħorġu tnejn tnejn. It-tnejn huma narrattivi uffiċjali. Il-biża’ jġegħelna nfittxu narrattiva waħda uffiċjali, iżda kif taf inti, il-mediċina – li għal xi raġuni jew oħra dejjem neħduha bħala korp wieħed, solidu u uniku – għandha storja twila ta’ kontradizzjonijiet interni.  

3 - Qed isir ħafna diskors fuq il-probabbiltà kbira li fost tiġrif ieħor din il-kriżi ser tikkawża kollass ekonomiku, aktarx wieħed bla preċedent. Iżda fuq nota relevanti ħafna għall-mistoqsija preċedenti, ejja ngħaddu għal suġġett ieħor ferm pertinenti li f’dawn l-aħħar snin okkupali ħafna ħin ta’ riċerka: is-saħħa mentali. Qabelxejn nagħmilha ċara li għandi ċerti riżervi dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni li qed jittieħdu, b’mod partikulari dwar il-lockdown kważi totali li qafel u iżola għalkollox fi djarhom – indiskriminatament u indefinittivament – miljuni kbar ta’ nies. Pjuttost xettiku wkoll rigward il-metodoloġija użata fil-ġbir tal-istatistċi rigward ir-rati tal-kontaġju, tal-mortalità u tal-fatalità.  

Dan mhux qed ngħidu jien biss. Hemm diversi esperti u riċerkaturi mediċi li esprimew tħassib serju u oġġezzjonijiet xjentifikament validi f’dar-rigward. Nerġa’ nagħmilha ċara wkoll illi f’dar-rigward ftit li xejn nagħti widen lit-teoriji u lin-narrattivi – spiss fantaxjentifiċi u arċidelirjanti – tal-komplottisti. Dan tiegħi mhux ikonklastiżmu fieragħ. Qed ngħid dan kollu biss għax fl-aħħar mill-aħħar huma proprju dawn il-veduti mediċi li qed jinfurmaw u jiggwidaw il-miżuri ristrettivi – sproporzonati jew mhux – li d-deċiżuri tagħna qed jimponu fuq is-sovranità u l-mobbiltà personali tagħna lkoll, bl-implikazzjonijiet drastiċi li dawn żgur ser ikollhom fuq il-ġejjieni ekonomiku, soċjoloġiku u psikoloġiku tagħna, kemm bħala individwi u kemm bħala soċjetà.  

Ngħid għalija dan tal-aħħar iħassibni bil-kbir. Kemm bħala awtur u kemm bħala individwu inti ktibt u tkellimt kemm-il darba – saħansitra anke b’anedotti personali – rigward is-saħħa mentali, l-iktar dwar id-depressjoni. Il-kotba tiegħek ilaqqgħuna ma’ diversi karattri hekk-imsejħa skwilibrati. Fost bosta stejjer qosra u poeżiji, tirkaċċa b’mod monumentali taqsima partikulari mill-ġabra notevoli tiegħek Penelopi Tistenna, voldieri Mill-Klinika tal-Imġienen. F’għanjenna mbagħad tispikka b’mod partikulari l-poeżija Il-Kantiku tad-Depressi. F’soċjetà tant fraġli u atomizzata bħal tagħna, ħaġa ċara li dan ix-xokkijiet tal-lockdown diġà bdew jikkawżaw sfreġju psikoloġiku liema bħalu: ħafna residenzi fid-dinja kolha qed (ikomplu) isiru, fil-fatt, kwarantini tal-imġienen 

Jiġri x’jiġri, inbassar splużjonijiet ħorox bla preċedent f’bosta pandemiji diġà eżistenti, l-iżjed dawk psikosoċjali. Qed nitkellmu fuq miljuni kbar ta’ nies: persuni f’relazzjonijiet diġà disfunzjonali, fosthom eluf ta’ tfal u adoloxxenti; persuni vulnerabbli li jgħixu f’residenzi perikolużi, fosthom vittmi ta’ vjolenzi domestiċi minn aggressuri psikopatiċi u narċiċisti (NPDs); oħrajn sfurzati jgħixu flimkien minkejja differenzi ovvji, fosthom koppji inkompatbbli ormaj xolti; individwi li jsofru minn xi xorta ta’ stress post-trawmatiku (PTSD); individwi li jsofru mill-anzjetà, l-iżjed dik ġenerali (GAD); persuni b’tendenzi ossessivi-kompulsivi (OCDs), b’mod speċjali dawk b’tendenzi ipokondrijaċi; persuni b’diżordnjiet istrjoniċi u awtodistruttivi, l-iżjed dawk b’dinamiċi psikiċi borderline (BPDs); persuni b’tendenzi psikotoċi bħall-iskiżofrenija; persuni bipolari u l-bqija. Inżid ma’ dawn il-vittmi tad-droga, l-iżjed dawk li jużaw kuljum. Nista’ nibqa’ sejjer sa ma “jispiċċa kollox / u nibqa’ hawn nitbadal waħdi. Dan kollu sintendi qed jiġi amplifikat bit-telf tal-impjiegi u bl-istrinġenzi finanzjarji li dan ser jikkawża. Ma ninsewx ukoll li dawn il-miżuri aktarx ser iwessqu wkoll ir-rati tas-separazzjonijiet, tat-tkissir tal-familji u ta’ mitt ħaġa oħra. Żgur mhix ser tonqos il-kriminalità. Xejn inqas is-suwiċidji.  

Kemm-il darba kollox jibqa’ kif inhu, b’din ir-rata nbassar xenarji drammatiċi ta’ diżubidjenza ċivili u diżordni soċjali, spiss vjolenti. Abbli ser tkompli tikkollassa wkoll is-sistema edukattiva. Ladarba qegħdin f’pandemija ġdida għalina, nagħmlu x’nagħmlu ser imutu għadd sostanzjali ta’ nies. Naqbel bis-sħiħ m’hemmx xi ngħidu – għax ġa qed nisma’ l-furji moralistiċi tal-bwonisti – li għandna nipproteġu bis-sod lill-popolazzjonijiet vulnerabbli kollha minn kull faxxa demografika. Iżda hawnhekk donnu qegħdin nagħmlu suwiċidju tal-massa biex forsi ma tafx kif nevitaw li mmutu.  

Iżda lil minn dan: ejja nassumu li f’dan il-każ il-miżuri tal-lockdown u tat-tbegħid soċjali universali huma proporzjonati u ġġustifikati. Hu x’inhu l-każ, bħala kittieb u ħassieb illi tul is-snin iffokajt qatigħ fuq is-saħħa metali u l-problemi soċjali, ma jħassbikx il-fatt illi f’ħafna pajjiżi dawn il-mużuri ttieħdu bla ebda kont ta’ dan kollu u bla ebda salvagwardji psikoloġiċi? 

Iva, dażgur li jħassibni. Imma rridu nżommu f’moħħna li l-każ illi qegħdin naffaċċjaw bħalissa poġġiena fl-abnormali. Qed inxomm illi bejn il-linji tal-mistoqsija tiegħek għandu mnejn – dejjem jekk qed nifhem sew – qegħdin jiġu implikati l-istudji ta’ Michel Foucault dwar il-ġenn u s-soċjetà u dwar kif il-miġnun, bħall-omosesswali, huwa sempliċiment kostruzzjoni soċjali – binja li ssawret minħabba esiġenzi ġodda ta’ sistemi ekonomiċi akar minn xejn. Imma xi ħaġa tgħidli li l-paradimma Foucaultjana ma nistgħux jew m’għandniex nużawha hawnhekk għaliex dan kollu ġie fuqna mhux biss bla mistenni iżda f’daqqa.  

Sal-bidu ta’ Marzu konna għadna nivvjaġġaw liberament. Jiena kont konferenza fi Praga, pereżempju, u minna kien hemm għadd minimu ta’ persuni li ma ġewx: tnejn għax ma tħallewx joħorġu mill-Italja fejn it-traġedja kienet diġà aggravat ruħha b’mod sostanzjali, u persuna oħra li beżgħet titlaq minn pajjiżha. F’temp ta’ erbat ijiem kelli nixtri tliet biljetti biex niġi lura Malta għax it-titjiriet li kelli tħassru kollha – hekk, ħabta u sabta. Ftit jiem wara, ħafna minn dawk li konna qegħdin magħluqin flimkien f’sala ġo lukanda fi Praga, spiċċajna kkonfinati, kull wieħed f’pajjiżu. Imma dan mhuwiex il-konfinament illi jikteb dwaru Foucault: dan huwa konfinament li beda jitqies bħala l-unika soluzzjoni għal emergenza li qatt ma ħlomna. Ma kienx konfinament li sar bil-mod, bil-galbu, b’kalkolu xejntifiku sabiex tinqeda l-ekonomija. Jekk xejn, l-ekonomija riditna nkomplu għaddejjin bħal qabel u mhux ningħalqu fi djarna.  

Jiġifieri, iva, ħafna spiċċaw konfinati ma’ nies li m’għandhomx demm magħhom, jew ma’ nies vjolenti, perikolużi. Daqstant ieħor saru perikolużi, iżda, in-nies t’hemm barra. Ironikament ħbiebek stess saru perikolużi, qrabatek li jgħixu f’dar oħra saru perikolużi. Fi kliem ieħor, l-għadu u l-ħabib saru t-tnejn perikolużi. F’ċerti każi l-għażla kellha ssir bejn li żżomm is-saħħa mentali u titlef is-saħħa fiżika u possibilment ħajtek, jew iżżomm lilek innifsek ħaj u tiddgħajjef mentalment. Il-maġġoranza tal-pajjiżi għażlu s-saħħa fiżika. Frankament, bħalissa la rrid inkun fl-Istati Uniti, la fir-Renju Unit u lanqas fl-Iżvezja. Hawn fejn jidħol l-espert tas-saħħa mentali, bi programmi speċifiċi għal nies vulnerabbli mentalment. Imma, liema amministrazzjoni kienet lesta għal din l-emerġenza? Proprju jien u nwieġbek qrajt l-aħbar li r-Richmond Foundation qiegħda toffri servizz telefoniku kontinwu b’xejn għal min għandu problema mentali li aggravat, jew inkella bdiet, minħabba l-konfinament. 

4  - Qalb dan l-isfrattu kollu kkaġunat mill-pandemija u mill-miżuri li tajjeb jew ħażin qegħdin jittieħdu biex titrażżan l-imxija, ħafna nies qegħdin jistaqsu wkoll kif u meta ser nerġgħu lura għan-normalità preċedenti. Tul dawn l-aħħar xhur int kont leħen pjuttost voċiferu kontra diversi aspetti li kienu jsejsu u jsawru n-normalità pre-Corona, fosthom l-prattiċi ekonomiċi tal-loġika neoliberali tas-suq u r-rapport vertikali għall-aħħar tagħna mal-ekoloġija. Tiġini f’moħħi dan il-ħin il-poeżija Aqta’ Fjura u Ibni Kamra 

Waħda mill-ispjegi pjuttost plawżibbli li qegħdin jaslu għandna min-narrattivi prevalenti rigward il-kawżi ewlenin ta’ din l-imxija tisħaq u twissi li qabelxejn dan kollu ġie fuqna minħabba t-taħsir u t-tħarbit assidwu kkaġunat mill-bniedem fil-bilanċi ekoloġiċi tal-ekosistemi. Minkejja li din l-imxija żoonotika fil-fatt skattat kaġun tal-prattiċi retrogradi tal-wet markets u mhux wisq kaġun tal-isfreġji ambjentali miġjuba mill-industriji tal-kostruzzjoni, l-argument f’dar-rigward xorta jibqa’ l-istess: ma jistax ikun li nibqgħu sejrin kif aħna.  

Madankollu ħafna minna jridu biss li jgħaddi kollox illum qabel għada ħalli nerġgħu lura għan-normalità minnufih. Ngħid għalija nsibha bi tqila nifhem kif xi ħadd mqar b’IQ ta’ maduma jista’ jimmaġina li d-dinja l-antika tista’ qatt titreġġa’ lura kollha kemm hi fl-intier tagħha. Wisq inqas nista’ nifhem x’fejda dan jista’ qatt ikollu. Ibda biex qabelxejn, kif tgħid l-aħħar poeżija tiegħek Il-Blata Tagħna, żgur hemm fejda fis-sikta li dan l-aħħar reġgħet ħakem lit-toroq, lill-pjazez u lill-imsieraħ tagħna. Ħasra li kellha tkun imxija bħal din biex fl-aħħar, imqar għal ftit, intraddew lura lilna l-ħemda, is-skiet u l-paċi.  

Ma jħassbekx lilek illi tant u tant nies xorta mhumiex jifhmu li kienet proprju dika n-normalità ta’ qabel illi ġabitna f’xiex ġabitna llum? Ma taħsibx illi ma rridux wisq għerf biex nieħdu din il-kriżi dinjija bħala sejħa qawwija u opportunità biex bħal nindmu minn dnubietna billi nibdew nagħmlu għażliet iżjed għaqlija? Jew ser nibqgħu kważi lkoll iċċassati bil-beraq bħad-dixxipli t’Emmaus? Possibbli xorta bqajna ma nistgħux nifhmuhom is-sinjali taż-żminijiet? 

Hemm il-famuż miżien bejn is-sigurtà tal-magħruf u l-biża’ minn dak li mhux. Irridu nifhmu li, l-ewwel nett kien hemm min kien komdu bir-realtà pre-Corona. Ma kinux il-maġġoranza, anzi, imma kienu hemm. Imbagħad hemm il-ħafna li ma kinux komdi bis-sistema neoliberali imma kienu jafuha: donnhom nies li kienu f’bajja bil-baħar imniġġes iżda kien baħar li jlaħħqilhom u allura ma bdewx jindunaw li dat-tinġis beda jmarradhom għax kellhom moħħhom mistrieħ li saqajhom kienu mal-art. Nies bħal dawn m’intix ser tikkonvinċihom jgħumu f’baħar miftuħ u nadif iżda fond.  

Il-Malti għandu dal-famuża massma “konna aħjar meta konna agħar”. Jekk xejn, din il-massma tindika kemm ħafna minna, kif kien għaraf Erich Fromm fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-bniedem inġenerali jfittex is-sigurtà l-ewwel u qabel kollox. Il-filmati tal-pjazez Rumani vojti, ix-xbieha ta’ Franġisku sulu sulu fil-pjazza tal-Bernini u anki x-xbihat juru Triq ir-Repubblika u quddiem Kastilja totalment deżerti aktarx li qajmu fin-nies mhux xewqa jew apprezzament għall-kwiet u għall-kalma li waqgħu fuq dawn is-siti f’daqqa waħda, imma nikta liema bħalha, kemm minħabba l-abnoramlità ta’ dawn ix-xbihat u kemm minħabba l-biża’ li xejn mhu ser jirritorna kif kien u kif konna nafuh.  

Issa, għalkemm jien semmejt l-2020 bħala punt ta’ demarkazzjoni, għad m’iniex għalkollox konvint li d-dinja ser tinbidel radikalment. Tinsiex Kevin: jiena bniedem negattiv u l-ottimiżmu ta’ ħafna nies għadni m’iniex nifhmu. M’iniex qiegħed ngħid illi konvint illi ser nerġgħu mmorru lura bħalkieku qatt ma kien xejn. Mill-banda l-oħra, iżda, m’iniex tal-fehma lanqas illi dak illi ma kisbux il-hippies u r-ribelli ta’ żmienhom issa ser jġibulna dan il-virus. 

5 - Waħda mill-istrateġiji ta’ salvataġġ fis-seħħ bħalissa qiegħda tesiġi li kemm u fejn jista’ jkun l-attivitajiet esterni ta’ darna – u qed nuża dil-idjoma għax ġo moħħ ħafna nies diġà għadda ħafna żmien – jiġu rilokati onlajn, speċifikament fuq il-pjattaformi virtwali. M’iniex tal-fehma li dawn ma ġabulna ebda vantaġġi, xejn affattu. Niġu f’dan kieku ma kinux huma kont inkun ferm inqas edukat milli jiena llum u f’ċerti aspetti prattiċi l-ħajja kien tkunli iżjed diffiċli. Iżda nemmen ukoll li fid-dinja hemm prezz għal kollox u li l-prezz illi qed inħallsu għalihom bħala speċi huwa għoli infern.  

Għaldaqstant jibqa’ jidhirli li xorta għandi għaliex nemmen illi, akkont, f’ħafna oqsma tal-ħajja l-midji soċjali ġabu ferm iżjed firda milli għaqda, ferm iżjed injoranza milli tagħlim, ferm iżjed medjokrità milli kwalità, ferm iżjed forma milli sustanza, ferm iżjed ħela ta’ ħin milli produttività, ferm iżjed diżgwid milli fehim, ferm iżjed ansjetà milli sigurtà, ferm iżjed bruda milli intimità – patoġenu ieħor meħtieġ u ormaj bla kura li minkejja kollox issokta jiżolana, jaljenana, jiżnaturalizzana u jaqfilna fil-kliniki tal-imġienenf’dal-frankuni tal-masses. Bħalissu qed jiġuni f’moħħi diversi stejjer minn tiegħek, fosthom Ħsibt li l-Fjuri Kollha Kienu Mietu mill-ġabra L-Istejjer Strambi ta’ Sarah Sue Sammut u 10718 mill-ġabra L-Aqwa Żmien 

Madanakollu hu x’inhu, issa li ninsabu lkoll iżolati u forsi għad fadlilna maqfula x-xhur, inevitabbi li l-komunikazzjoni ser tibda ssir dejjem iżjed permezz tal-pjattaformi soċjali. Kif irrimarka s-sena l-oħra l-psikolgu Kanadiż Steven Taylor fil-ktieb tiegħu The Pyschology of Pandemics u dan l-aħħar fil-ġurnal The Guardian, anke wara tmiem il-kriżi – jekk dat-tmiem qatt għad jasal bis-sħiħ – ħafna nies ser ikunu laħqu draw dan l-istil ta’ ħajja xejn naturali, bil-konsegwenzi soċjoloġiċi u psikoloġiċi kollha li internalizzazjoni bħal din tista’ ġġib magħha.  

Kemm-il darba dawn il-mużuri restrittivi jibqgħu fis-seħħ tul ħafna xhur oħra, taħseb li l-effetti soċjali negattivi ta’ dawn il-pjattaformi jistgħu jkomplu jiggravaw is-saħħa mentali tan-nies? Jew forsi s-sulliev illi potenzjalment dawn jistgħu jipprovdu kapaċi jtaffu l-problemi li semmejt qabel? 

Jien dejjem qist li l-bniedem fl-aħħar mill-aħħar u qabelxejn huwa ġisem. Kwalunkwe esperjenza, imqar l-aktar waħda spiritwali, il-bniedem iġarrabha fiżikament. Huwa fatt, pereżempju, li tnejn min-nies li jiltaqgħu virtwalment, għada pitgħada, b’xi mod jew ieħor ser jaraw x’jagħmlu biex jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ biex minflok il-buttuni tat-tastiera fl-aħħar imissu ’l xulxin, u biex minflok il-leħen ħafna drabi metalliku ħiereġ mill-ispikers tal-laptop jismgħu l-leħen ħiereġ minn fommhom, u biex dak kollu li kien virtwali jsir fiżiku. M’għandi ebda dubju minn dan. Jekk dan ma jiġrix anki l-kuntatt virtwali jintemm u r-raġuni hija appuntu li aħna iġsma u rridu nesperjenzaw id-dinja b’mod fiżiku.  

Jiena ma nemminx b’dik illi ħafna jsejħulha – b’mod erratiku – l-imħabba jew ir-relazzjoni Platonika. Meta kelli xi tnax-il sena, ħafna snin qabel l-ICQ, l-mIRC, l-iSkype u l-Facebook, kelli penfriend minn Liverpool. Meta qbadt niktbilha ma kelli ebda idea kif tidher u għażiltha għax dak iż-żmien kont inżomm mal-Liverpool. Konna niktbu ’l xulxin ħabta ta’ darba fil-ġimgħa. Għadni niftakar it-tferfir u t-taħbit qawwi tal-qalb dakinhar li waslitli ittra minn tagħha u qabel ftaħtha ħassejt li mal-ittra kien hemm kartun: ir-ritratt tagħha. Kif jiġri ħafna drabi, wara xi sena għaddejjin bl-ittri għejena, konna nafu li ngħixu ’l bogħod, u waqafna. Abbli llum, bil-mezzi soċjali aktar viċin l-esperjenza fiżika u l-possibilitajiet ferm akbar ta’ trasport, konna nispiċċaw niltaqgħu.  

Qed ngħid dan kollu għax ma naħsibx illi l-pandemija ser twassalna biex nidraw niltaqgħu flimkien virtwalment u nikkuntentaw ruħna biss b’hekk. Le. Jekk hemm xi ħaġa li l-virus qatt mhu ser jirnexxilu jagħmel huwa li jneħħilna ġisimna. L-aktar li jista’ jagħmel huwa li joqtolulna, imma jeħodulna u jżommna ħajjin le, ma jistax. L-impressjoni tiegħi hija li n-nies mhumiex jidraw, anzi għandhom seba’ mitt sena sakemm jerġgħu joħorġu ’l barra ħalli jiltaqgħu flimkien, jieklu, jixorbu, jinħabbu, jorqdu flimkien. Veru li hemm l-eċċezzjonijiet: issib nies li jqattgħu ġranet sħaħ bla ħwejjeġ jew bil-ħwejjeġ ta’ ġewwa, quddiem l-iskrin. Imma ma nemminx illi dawn huma r-regola. Hemm ħafna u ħafna aktar stejjer ta’ nies illi ltaqgħu fiżikament wara storja ta’ relazzjoni virtwali. Aħna iġsma.  

Issa rigward l-effett tal-użu tal-mezzi soċjali fuq persuni li għandhom problema fis-saħħa mentali tagħhom, naħseb illi l-gwaj mhuwiex il-mezz soċjali daqskemm dak il-mument meta bniedem jinqata’ minn ma’ ġismu. Innota li ħafna drabi nies illi jbatu minn xi dipressjoni jitilfu wkoll ir-relazzjoni ma’ ġisimhom: ma jinħaslux, ma jżommux ruħhom, jilbsu ikrah, iżidu fil-piż (kemm għax ħafna mill-mediċina kontra d-dipressjoni għandha dan l-effett u kemm għax inaqqsu l-attività fiżika tagħhom), u jitilfu wkoll il-gost senswali li ġisimna jirrikjedi minn żmien għal żmien.  

Tgħid l-għeluq ser jaggrava din is-sitwazzjoni ta’ dawn in-nies? Possibilment, imma naħseb illi mistoqsija bħal din forsi jista’ jweġbuha aħjar minni l-professjonisti fil-qasam. 

 

More in Arti