opinjoni | MaltA+

'Waqt li aħna għaddejjin naħdmu bla heda biex nagħmlu pajjiżna aħjar, ħaddieħor għaddej ifittex kemm jiflaħ biex jara bl-għaraq ma' ġbinu kif isib ruħu fil-Kamra tad-Deputati'

Għandu raġun il-Prim Ministru Joseph Muscat jitkellem dwar MaltA+. Dik hija l-mira tagħna, hemm irridu naslu u hemm qed naslu. L-eċċellenza fl-isferi kollha tal-ħidma tagħna.

Matul l-aħħar jiem, diversi membri tal-Kabinett tkellmu dwar il-ħidma tagħhom fl-aħħar 100 jum ta' Gvern biex pajjiżna jmur 'il quddiem u jkompli jissaħħaħ fid-diversi oqsma.  Rajna għalhekk sensiela ta' Ministri jitkellmu mhux biss dwar x'wettqu f'dawn il-100 jum iżda fejn iridu jieħdu lil pajjiżna fiż-żmien li ġej.

Ħadt gost li ħafna esponenti għażlu li, flok jitkellmu fuq dak li għamlu u lestew, iħarsu 'l quddiem dwar dak li jridu jagħmlu u jagħtu spjega ta' x'għamlu s'issa biex dak li jixtiequ jagħmlu jirnexxi.

Uffiċċju għall-Kunsill Lokali Valletta

Proprju f'dawn il-mitt jum ta' ħidma, jien għażilt li nżur, flimkien ma' sħabi Deo Debattista u Silvio Parnis, ix-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fil-binja fi triq it-Teżorerija l-Belt Valletta li se tingħata lura lill-poplu. 

Kif konna tajna l-kelma tagħna sa l-aħħar tas-sena dan il-post se jkun qed jintuża mill-Kunsill Lokali Valletta bħala l-uffiċċju ewlieni tiegħu biex b'hekk il-Kunsill ikollu uffiċċju ċentrali, aċċessibbli minn kulħadd u kif jixraq il-poplu.

Meta ngħid il-poplu m'iniex qed nirreferi għan-nies tal-Belt biss li jkollhom bżonn jinqdew mill-Kunsill Lokali, iżda l-poplu kollu għax jekk bniedem irid jinqeda mill-Kunsill Lokali hemm għadd ta' servizzi li jingħataw lil kull ċittadin, residenti u mhux ta' dan il-Kunsill.

'Kif inlestu sa l-aħħar tas-sena l-fażi tar-rikolazzjoni tal-uffiċċju tal-Kunsill Lokali, nibdew mill-ewwel – id f'id mal-Kunsill tal-Belt - il–proġett tal-Berġa u d-Day Centre għall-anzjani.' Owen Bonnici

Kif inlestu sa l-aħħar tas-sena l-fażi tar-rikolazzjoni tal-uffiċċju tal-Kunsill Lokali, nibdew mill-ewwel – id f'id mal-Kunsill tal-Belt - il–proġett tal-Berġa u d-Day Centre għall-anzjani.

Grazzi minn qalbi lill-ħaddiema kollha tad-Direttorat tar-Restawr u l-kuntratturi tal-ħidma ma taqta' xejn… anke fuq dan il-proġett.

Aħna naħdmu u ħaddieħor ifittex

Waqt li aħna għaddejjin naħdmu bla heda biex nagħmlu pajjiżna aħjar, ħaddieħor għaddej ifittex kemm jiflaħ biex jara bl-għaraq ma' ġbinu kif isib ruħu fil-Kamra tad-Deputati.

Ma nixtieqx nikkummenta iktar milli jmissni sabiex inħalli l-proċess ta' bidla ta' Kap tal-Oppożizzjoni jissokta kemm jista' jkun bla skossi fl-aħjar interess tad-demokrazija Parlamentari u fl-aħħar mill-aħħar ta' pajjiżna.

Biss, hemm kwistjoni ewlenija ta' kreddibbiltà.  Jekk tgħid ħaġa, trid twettaqha inkella n-nies ma temmnekx meta fil-futur tgħid xi ħaġa oħra.

Il-Malti jgħid li min ifittex isib.  Nawgura li t-tfittxija tagħti r-riżultati!

Pass lura mhux 'il quddiem

Is-soltu ngħidu li l-maiden speech ta' politiku ġdid ikun l-ewwel diskors li jsir fil-Parlament.  Biss, la l-Parlament għadu ma fetaħx wara l-vaganzi tas-sajf u s-siġġu għadu ma nstabx, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel il-maiden speech tiegħu fuq il-fosos tal-Furjana matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza.

'Mhux talli pajjiżna mhuwiex a soul-less state, talli pajjiżna għandu ruħ b'saħħitha iktar minn qatt qabel. Ruħ ta' min iħenn għall-minoranzi u jagħti d-drittijiet u l-empowerment lil min qabel dawn id-drittijiet ma kellux.' Owen Bonnici

Jien smajt lil Adrian Delia b'attenzjoni biex nifhem aħjar x'inhi l-viżjoni tal-Kap tal-Partit tal-Oppożizzjoni. Matul il-kampanja għal Kap tal-Partit milli stajt insegwi ma tantx ingħata informazzjoni dwar il-viżjoni ta' Adrian Delia u ridt nifhem x'inhi l-viżjoni tiegħu – what he stands for.

Meta smajtu ntbaħt li dan, flok 'il quddiem, il-viżjoni tiegħu għal Malta hi pass lura fejn jidħlu iktar drittijiet liċ-ċittadini u aġenda progressiva.

Ma naqbel xejn ma' Adrian Delia – u din hi qasma fondamentali – li Malta hija pajjiż li biegħ ruħu jew a soul-less state minħabba d-deċiżjonijiet progressivi li ħadna.  Pajjiż li biegħna ruħna għax daħħalna d-dritt tad-divorzju għal min irid jirrikorri għalih? Pajjiż li biegħna ruħna għax daħħalna l-ugwaljanza fiż-żwieġ u ġibna riformi mill-iktar importanti?

Mhux talli pajjiżna mhuwiex a soul-less state, talli pajjiżna għandu ruħ b'saħħitha iktar minn qatt qabel. Ruħ ta' min iħenn għall-minoranzi u jagħti d-drittijiet u l-empowerment lil min qabel dawn id-drittijiet ma kellux.

Orkestra Nazzjonali

Din il-ġimgħa wkoll Sigmund Mifsud u jiena nidejna l-kalendarju għall-istaġun li ġej tal-Orkestra Nazzjonali.

L-Orkestra Nazzjonali mhijiex sempliċement grupp ta' mużiċisti li jdoqqu flimkien. Hija ferm iktar minn hekk. Hija għodda kruċjali tad-diplomazija kulturali fejn kull fejn iddoqq barra minn xtutna tkun qed tibgħat messaġġ ferm pożittiv favur pajjiżna u tkun ambaxxatur b'saħħtu tagħna lkoll.

L-orkestra hija wkoll sostenn għal ħafna artisti Maltin li jniedu – minn żmien għal żmien – proġetti flimkien magħha. Hija wkoll sors ta' tkabbir tal-wirt artistiku Malti billi tagħti opportunitajiet għal artisti ġodda li juru t-talenti tagħhom u jimxu 'l quddiem.

Irrid ukoll insellem lill-Orkestra Nazzjonali għall-ħidma kbira li ssir fejn tidħol l-Orkestra taż-Żgħażagħ (NYO). Id-dedikazzjoni u l-ħidma li nara b'għajnejja biex nindokraw it-talent taż-żgħażagħ tagħna hi waħda enormi u sabiħa ferm.

Ix-xewqa tiegħi issa hi li nindokraw kunċetti ta' orkestri kommunitarji għal dilettanti ta' kull età, anke pensjonanti jew nies li jdoqqu semplicement bħala delizzju jew biex jieħdu gost biex inxerrdu l-apprezzament mużikali.

Pajjiż b'saħħtu huwa b'saħħtu wkoll artistikament. U pajjiżna huwa pajjiż artistikament b'saħħtu.

More in Il-punt