Ħsara lil ġismi

L-attitudni ta' ħsara fuq il-ġisem taż-żgħażagħ minħabba uġigħ emozzjonali, dwejjaq, ħsibijiet koroh u memorji negattivi

Żagħżugħ jew żagħżugħa l-ġmiel tagħhom, ħalib ommhom fi snienhom, blanzuni b’ħajja quddiemhom kollha tama u risq, ħfief daqs friefet u b’ebda tikmixa fuq wiċċhom. Kmieni wara nofsinhar minflok ma xxierku m’oħrajn l-istess għomor u qagħdu l-pjazza jittantaw ix-xemx għaddejja, jinbxu lil xulxin u jiksru l-ħemda bid-daħq u l-għajjat tagħhom, marru issakkru f’kamarthom ta’ djarhom. Ġerrew il-purtieri, qaflu l-bibien u bi xfafar u mwies qattgħu l-ġilda sabiħa u tenera ta’ ġisimhom. Għaliex?

Aħna l-kbar u x-xjuħ li nokorbu fuq iż-żmien ħelu li għaddielna, li niġru u ninfilġu biex nirqaqu u niġu magħlubin bħal meta kellna 18-il sena ma nistgħux nifhmu. Is-sinjuruni jonfqu l-flejjes kbar biex jixtru t-tajn tal-Baħar il-Mejjet u jindilku bih bit-tama li l-ġilda terġa’ ssir żagħżugħa. Oħrajn jagħmlu operazzjonijiet u jġebbdu ’l hawn u ’l hemm ħalli t-tikmix idub fix-xejn. Imbagħad jiġu dawn iż-żgħażagħ u jagħmlu dawn il-bluhat ta’ ħsara lil ġisimhom. Għaliex?

L-ewwel nett il-prevalenza ta’ ħsara li l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ jagħmlu apposta u għax iridu huma fuq ġisimhom stess mhijiex daqshekk rari. Studjużi jgħidulek li ċ-ċifri jvarjaw minn 5% sa 7%. Il-ħsara li ssir tikkonsisti bosta drabi fi qtugħ bi xfafar jew imwies u ħruq. Jintużaw ukoll labar jew imsiemer jew strumenti bil-pont biex jittaqqbu bihom. L-importanti hu li jiċċarċar id-demm u ssir ħsara lill-ġisem.

Ħafna miż-żgħażagħ li jagħmlu dawn l-affarijiet jispjegawlek li hekk biss huma jkunu jistgħu jsibu tarf mal-uġigħ emozzjonali, mad-dwejjaq, mal-ħsibijiet koroh, ma’ memorji negattivi u mal-biża’. Huma jippruvaw logħba ta’ tpartit. Jippruvaw ibiddlu l-biża’, id-dieqa u l-qtigħ il-qalb ma’ uġigħ fiżiku. Huma jħossuhom waħedhom u meta jweġġgħu lilhom infushom jimmaġinaw li qed isibu tarf il-kobba. 

L-uġigħ fiżiku suppost jieħu post l-uġigħ mentali u emozzjonali. Hemm ukoll sens ta’ ħtija, rimors jew sogħba kbira li mħallat ma’ dan kollu jkompli jħawwad il-borma.

Bla dubju l-bniedem ma jfieqx. Bejn ruħ u ġisem m’hemmx firda u l-ħsara fiżika hi rifless tal-ħsara ġewwinija u bil-maqlub. Minflok ma jfieq mill-qtigħ il-qalb iż-żagħżugħ li qatta’ ġismu b’xafra jidħol f’ċirku vizzjuż u jħaffer il-ħofra tiegħu stess. Minflok ma tirbaħ il-mistħija, it-tfajla li ħarqet ġisimha tirgħex aktar quddiem in-nies għax tintebaħ li qed ifesfsu fil-widnejn u jiskartawha. Il-kelb il-magħkus ikun qed idur għalih id-dubbien.

Il-ħasra hi li min jinqabad f’dal-vizzju mhux la kemm joħroġ minnu daqshekk malajr. Anzi bosta drabi l-ħsara tista’ tkun permanenti, tqajjem mard mentali u kultant twassal għal tentazzjonijiet ta’ suwiċidju.

Il-kawża ta’ dan kollu hu d-diżordni li hawn. Għalkemm m’hemm xejn ġdid taħt il-kappa tax-xemx u kull dnub jew marda, kull weġgħa jew turufnament jitħaddtu dwaru Omeru qabel Kristu dan il-fenomenu qed jiżdied. Ir-raġunijiet huma bosta. Il-familji ċkienu u t-tifrik fiż-żwieġ kotor. Ir-rabtiet komunitarji fiżiċi naqsu. Is-sens ta’ komunità fis-soċjetà naqas u dejjem aktar qed jirrenja l-individwaliżmu li ġabna nies iżolati minn xulxin u maqtugħin.

Dan donnu jidher kontradittorju għaliex il-komunikazzjoni virtwali turi xort’oħra. Mhux ilkoll familja waħda llum bil-Facebook? Mhux kulħadd ħbieb għax inti friend tiegħi? Mhux kulħadd iperreċ u juri ritratti dwar anke l-iżjed affarijiet ta’ ġewwa mal-erbat irjieħ tad-dinja? Madankollu kollox hu virtwali. Ironikament l-espressjoni fiżika tal-uġigħ juri li minkejja kollox xejn ma jieħu post il-komunikazzjoni fiżika. Bl-uġigħ fiżiku ż-żagħżugħ irid juri imqar lilu nnifsu li l-uġigħ hu ta’ veru.

Importanti ferm li nkunu konxji ta’ din il-problema fis-soċjetà. Meta nkunu nafu b’xi ħadd li qed jagħmel hekk jeħtieġ li noħorġu barra minn triqitna biex ngħinuhom. Nispjegawlhom u nuruhom b’imħabba biex joħorġu mill-fosdqa tagħhom. Nuruhom li huma maħbubin. Ngħidulhom li bil-ħsara fuq ġisimhom mhuma se jieħdu xejn u anzi jistgħu jmorru lura.

Bla dubju r-riħ mhuwiex fil-qala biex dil-pjaga tintrebaħ. Il-pjagi tal-pornografija, vjolenza domestika eċċ kif se żżommhom? Kultant tħossok tagħżaq fl-ilma u qed tneħħi biss l-għanqbuta u mhux il-brimba. Biex żagħżugħ jinqala minn dak il-qtigħ il-qalb irid l-imħabba tal-ħbieb, ta’ komunità. Jiġuni quddiem għajnejja l-ħbieb u s-sens ta’ komunità tal-għaqdiet fil-ħajja tal-parroċċi. Niftakar l-Azzjoni Kattolika, il-ħarġiet u l-hikes, l-irtiri, id-discos, il-marċi, il-mixja Neokatekumenali. Kollox jgħin biex inħossuna ħbieb u ma nkunux waħedna. Illum? Kulħadd imkaħħal mal-monitor fiċ-chatting jew fil-pornografija. Mur ġibhom lura l-għaqdiet u liema komunità se ddur bik meta nofs l-għaqdiet għaxja ta’ mewt? Il-pronto soccorso u l-counsellor jiswa mitqlu deheb biex ġuvnott jinqata’ minn din l-imġieba. Iżda wara li jfieq hemm ċans li jirkadi fl-istess vizzju meta jerġa’ jmur id-dar u jsib l-istess ċirkustanzi. Ħbieb irridu naħdmu u nxammru jdejna biex lill-vulnerabbli ngħinuhom tassew. 

Min ikollu bżonn jitkellem jista’ jitkellem ma’ Kellimni.com servizz offrut liż-żgħażagħ b’mod anonimu.

More in Il-punt