
Mawra fil-memorja: X’kien inkiteb fl-ILLUM fil-passat?
F’sensiela ġdida bl-isem ‘Mawra fil-memorja,’ se nkunu qed inħarsu xi nkiteb fil-gazzetta ILLUM fil-passat. F’dil-edizzjoni, qed nipproduċu l-editorjal tas-6 ta’ Mejju 2007 bit-titlu ‘Taħwid Laburista’

Il-ġlied intern li nqala’ fil-Partit Laburista wara l-attakk isteriku tad-Deputat Mexxej Michael Falzon fuq ġurnalist ta’ din il-gazzetta u l-Editur Maniġerjali tal-kumpanija MediaToday Saviour Balzan il-Ħadd li għadda bilfors iqanqal mistoqsija serja: jekk il-MLP ikun fil-Gvern se jerġa’ jaffaċċja problemi interni bħalma ġara bejn l-1996 u l-1998?
Il-mistoqsija mhix frivola u lanqas mhi parti minn xi komplott Nazzjonalista biex jippruvaw inessu li ilhom 20 sena fil-poter. Il-mistoqsija qed jagħmluha dawk li għadhom mhux deċiżi x’se jagħmlu fl-elezzjoni li ġejja. Dawn it-talin, li mhumiex ftit, jixtiequ jaraw bidla fit-tmexxija tal-pajjiż iżda għadhom mhux ċerti mill-Partit Laburista.
Il-ġlied intern li ħareġ fil-beraħ minn Michael Falzon ma jgħinx biex inissel fiduċja fin-nies li t-tmexxija futura tal-pajjiż se tkun f’idejn sodi, b’persuni ffukati u kapaċi jaħdmu bħala tim.
Iżda lil hinn mill-ħsara politika li setgħet saret lill-Partit Laburista u qed tkompli ssir bin-nuqqas ta’ armonija li hemm wara l-Palazz tal-Ħgieġ, li jinkwetana hu d-diskors ta’ Falzon fejn ta ‘parir’ lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jibgħat għal Saviour Balzan sabiex jinterrogah.
Li politiku jkun arroganti fid-diskors u l-aġir tiegħu mhux xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Kultant żmien il-politiċi jinsew li qegħdin hemm biex iservu lil min tahom il-poter u għalhekk ikollhom bżonn lil min jiġbdilhom l-ispaga.
Iżda li Falzon jieħu fuqu l-inkarigu li jċempel lill-Kummissarju tal-Pulizija u jgħidlu biex jibgħat għall-editur biex jinterrogah fuq ittri anonimi hu preċedent perikoluż. Minn mindu l-Kummissarju jieħu ordnijiet minn politiku dwar investigazzjoni li jkun qed iwettaq?
Anki l-fatt li Falzon ‘awtorizza minn qabel’ lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu passi ‘ikun min ikun’ wara l-ittri anonimi hu perikoluż.
Minn mindu l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jkollu ‘l-awtorizzazzjoni’ ta’ politiku biex jieħu passi kontra xi ħadd? Minn mindu l-Kummissarju jistaqsi lil politiku jekk għandux jieħu passi jekk il-persuna tkun ‘X’ jew ‘Y’?
Jekk Falzon ħass li l-ittri anonimi kienu theddida serja sewwa għamel li rrapporta l-każ lill-Pulizija. Hu fl-interess pubbliku li nkunu nafu jekk politiku hux taħt xi forma ta’ theddida jew rikatt u dan jista’ jinfluwenza l-aġir pubbliku tiegħu.
Iżda li Falzon jiżvoga b’dak il-mod kontra din il-gazzetta għax sempliċement irrapportat fatt mhux denju ta’ xi ħadd li l-istess dejjem tqies bħala moderat.
Prosit
Il-Gvern ħaqqu prosit talli għalaq qabel żmienu l-istaġun tar-rebbiegħa għall-kaċċaturi. Kienet deċiżjoni tajba u meħuda b’kuraġġ kbir. Nemmnu wkoll li din id-deċiżjoni mhix mingħajr il-perikli tagħha u se jkun importanti ħafna fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin il-forzi tal-ordni kollha jkunu fuq allert biex jitwaqqaf kull tentattiv ta’ vjolenza fuq wirt storiku jew individwi privati li jista’ joħlom bih xi ħadd biex jivvendika ruħu mis-sitwazzjoni.
Sa fl-aħħar il-Gvern irrealizza li mal-kaċċaturi ma tistax tirraġuna. L-ambjentalisti u l-ħafna nies oħra rashom fuq għonqhom kienu ilhom jgħidu lill-Gvern li ma tistax tafda lill-kaċċaturi jisparaw biss fuq żewġ speċi.
Nhar l-Erbgħa kien hemm orġa ta’ sparar f’diversi nħawi ta’ Malta meta għaddiet passa ta’ kuċċardi li hu tajr protett. Inutli li r-rappreżentanti tal-kaċċaturi jippruvaw jgħidu li mhux sew jeħel it-tajjeb mal-ħażin għax sfortunatament hemm ħafna nies fosthom li jiġu jiġbdu u jqumu mil-liġijiet tal-pajjiż.
Sakemm il-Federazzjoni tal-Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti ma taqbadx u tkeċċi minn ħdanha lil min jabbuża mhux se tittieħed bis-serjetà.
Għal darb’oħra prosit lill-Gvern u nisperaw li għas-sena d-dieħla ma jerġax joħlom li jiftaħ l-istaġun tar-rebbiegħa, anki biex ma jkomplix iħammar wiċċ il-pajjiż fl-Ewropa.