Opinjoni | Il-mina t’ Għawdex: ħmar il-lejl

Carmel Cacopardo jisħaq li l-Gvern għandu jkollu l-paċenzja li jistenna sakemm ikunu konklużi l-istudji ambjentali qabel ma jieħu d-deċiżjonijiet.

Il-Ministru Ian Borg, il-ġimgħa li għaddiet, infurmana li kien qed jaħdem biex iwettaq il-ħolma ta’ diversi Għawdxin billi jmexxi ’l quddiem il-proċess tal-mina taħt qiegħ il-baħar bejn Malta u Għawdex. Wara dibattitu li ilu għaddej is-snin hu ċar li iktar milli jwettaq il-ħolm ikun aħjar jekk Ian Borg jipprepara ruħu għal ħmar il-lejl.

Saru studji ġeoloġiċi imma lanqas il-konklużjonijiet ġenerali dwarhom ma nafu. Għadhom mistura qishom xi sigriet tal-istat. Tliet snin ilu l-ġeoloġista Peter Gatt kien ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-mina tal-Enemalta bejn il-power station tal-Marsa u Delimara kienet swiet id-doppju ta’ dak ippjanat u dan minħabba kollass tal-blatf’diversi punti matul il-mina nnifisha. Dan kien seħħ bħala riżultat tan-nuqqas ta’informazzjoni ġeoloġika meta ġiet imfassla l-mina. Kieku dan kellu jseħħ waqt li jkun għaddej ix-xogħol fuq il-mina bejn Malta u Għawdex hu inevitabbli li jkollna problemi kbar, inkluż possibilment numru ta’ mwiet.

L-istudji serji jieħdu ż-żmien biex isiru: ma jistgħux ikunu mgħaġġla minħabba data determinata minn aġenda politika

Hu fatt magħruf li fil-Fliegu hemm diversi kisriet ġeoloġiċi (geological faults). Tajjeb li nirrealizzaw li tnejn mill-proposti għall-mina, li saru minn Mott MacDonald, il-konsulenti ta’ Transport Malta, jgħaddu minn dawn il-kisriet.

Li jkunu eżaminati l-kampjuni tal-blat f’laboratorju, anke jekk għal ftit ġimgħat, bla dubju jżid l-għarfien tal-ġeoloġija taż-żona imma dan mhux biżżejjed biex fuqu jittieħdu deċiżjonijiet dwar id-disinn tal-proġett. Biżżejjed nifhmu li minkejja l-istudji ġeoloġiċi dettaljati fuq numru kbir ta’ snin, ix-xogħol fuq il-mina bejn l-Ingilterra u Franza, iċ-Channel Tunnel, kellu jieqaf u jkun devjat diversi drabi minħabba li t-tħaffir iltaqa’ ma’ problemi ġeoloġiċi li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni tagħhom fl-istudji dettaljati!  

L-istudji serji jieħdu ż-żmien biex isiru: ma jistgħux ikunu mgħaġġla minħabba data determinata minn aġenda politika.

Tliet snin ilu, Transport Malta, flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija kkummissjonaw studju ekonomiku, ferm qabel ma biss bdew l-istudji ġeoloġiċi. L-istudju kien intitolat Establishing a Permanent Link between the Island of Gozo and Mainland Malta: An Economic Cost Benefit Analysis of Available Strategic Options, li kien sar minn E-Cubed Consultants. Dan l-istudju kien argumenta li t-traffiku bejn il-gżejjer kien ipproġettat li fuq perjodu ta’ 15-il sena jiżdied minn medja ta’ 3000 moviment kuljum għal 9000 moviment kuljum. Argument li jmur kontra l-Pjan Nazzjonali għat-Trasport approvat fl-2015 ukoll.

Il-mina proposta teħtieġ ammont kritiku ta’ movimenti ta’ karozzi li jħallsu biex jgħaddu mill-mina u bil-konsegwenza li minn fuqhom jinġabru l-ispejjeż tal-mina kif ukoll il-profitti tal-operaturi. Fi ftit kliem il-mina, biex tirnexxi tiddependi minn moviment kbir ta’ karozzi kuljum. Dan imur kontra l-politika dwar it-trasport tal-lum, li tal-inqas fuq il-karta, timmira għal tnaqqis ta’ karozzi mit-toroq tagħna.

B’dan il-ħsieb jiena ktibt lill-Ombudsman u tlabtu jinvestiga dan in-nuqqas ta’ governanza tajba. Il-Gvern għandu jkollu l-paċenzja li jistenna sakemm ikunu konklużi l-istudji ambjentali qabel ma jieħu d-deċiżjonijiet

Din hi materja li bla dubju għandha tkun eżaminata mill-istudju fuq l-impatti ambjentali  (EIA) dwar il-mina proposta. Dan l-istudju għadu fl-istadji inizzjali tiegħu u dan wara li l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi ftit ġimgħat ilu approvat dak li għandu jkun indirizzat (terms of reference) minn dan l-istudju. L-EIA hu stadju essenzjali li minnu jeħtieġ li jgħaddi l-proġett.

Għaldaqstant, kien irresponsabbli l-Ministru tat-Trasport, meta, iktar kmieni din il-ġimgħa, ħabbar li fi żmien sitt xhur kienet ħierġa sejħa internazzjonali għall-offerti għall-mina bejn Malta u Għawdex. Dan ifisser li dawn l-istudji huma irrelevanti? Fl-opinjoni tiegħi, il-Ministru qiegħed jagħti dan il-messaġġ: ċar u tond.

Din hu l-agħar forma ta’ governanza ħażina għax jimmina l-isforzi tal-awtoritajiet fil-qadi ta’ dmirijiethom. B’dan il-ħsieb jiena ktibt lill-Ombudsman u tlabtu jinvestiga dan in-nuqqas ta’ governanza tajba. Il-Gvern għandu jkollu l-paċenzja li jistenna sakemm ikunu konklużi l-istudji ambjentali qabel ma jieħu d-deċiżjonijiet.

L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. carmel.ca[email protected] , http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Blogs