Opinjoni | Il-vann l-abjad

Immanuel Mifsud jirrifletti fuq il-Karnival tan-Nadur u l-famuż vann ta' Monte Karmeli

L-istoriċi jgħidulna li fil-Medju Evu, f’ċerti partijiet tal-Ewropa, l-aktar fi Franza, l-Ingilterra u partijiet mill-Ġermanja, il-festeġġamenti popolari kienu xi ftit aktar storbjużi milli aħna midħla tal-festeġġamenti llum il-ġurnata. Għalkemm, bħalma jiġri dejjem, l-istoriċi ma jaqblux f’kollox bejniethom, huwa rreġistrat li nhar il-Festa taċ-Ċirkunċiżjoni, jiġifieri fl-ewwel tas-sena, kienet tinżamm il-Festa tal-Boloh.

Il-Festa tal-Boloh, li wħud jaraw l-għeruq tagħha fir-riti pagani tas-Saturnali, kienet tiġi ċċelebrata f’żewġ siti: fil-knejjes u barra l-knejjes. Jingħad li fil-knejjes, dawk li kienu jokkupaw il-gradi l-aktar baxxi tal-ġerarkija tal-kleru kienu jieħdu s-soppravvent u jiċċelebraw parodija tal-quddiesa li fiha kienu saħansitra jlaħħqu isqof (jekk mhux anki papa) għal ġurnata, magħruf bħala l-Isqof jew il-Papa l-Iblah. Kienu jitkantaw innijiet irreverenti ħafna, jekk mhux ukoll blasfemiċi, u jsir burdell sħiħ minn dawn il-membri tal-kleru, waqt li jiżżufjettaw bis-superjuri ekkleżjastiċi tagħhom.

Barra l-knisja, imbagħad, il-burdell aktarx li kien ikun ħafna ikbar. Kien isir ħafna xorb, trażvestiżmu, żfin u debuxxar u ħniżrija ta’ kull tip, u anki, hemm min jirrakkonta, ġiri għeri fit-toroq minkejja l-kesħa tal-bidu ta’ Jannar.

Illum il-korrettezza politika saret ħafna aktar strinġenti, ħafna aktar issikkata. Ma ninsewx li din hija l-era tal-kontradizzjonijiet: espressjoni libera, tneħħija taċ-ċensura u fl-istess waqt jitqal dejjem aktar il-poter tal-korrettezza

F’dan il-jum tal-boloh kollox kien permess, għaliex l-għan ewlieni tal-Festa kien appuntu li jinqaleb l-ordni soċjali u ta’ fuq jitniżżlu ’l isfel u ta’ isfel jitilgħu ’l fuq; il-ħażen isir tajjeb u t-tajjeb jintrema jew jiġi redikolat. F’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ma kienx hemm limitu għal kemm wieħed ried jaqleb l-ordni ta’ taħt fuq u nistgħu nistħajlu, anki minn diversi kitbiet dwar din il-festa kif ukoll pitturi li jirreġistrawha, id-debuxxar tal-karfa u l-liċenzja tal-illeċitu.

La qed insemmu l-boloh tajjeb li niftakru li r-rejiet kienu jġorru magħhom kull fejn jersqu lill-iblah tagħhom. L-iblah, li aktarx kien jitqies bħala xi ħadd b’“moħħu mtektek” kellu r-responsabbiltà mhux bilfors ħafifa li jżomm lir-re f’burdata tajba, bid-daħq u, appuntu, bil-bluha tiegħu. Imma kif weriena Shakespeare fit-traġedja Ir-Re Lear, l-iblah jaf ikun l-aktar bniedem għaref u li l-aktar wieħed kapaċi jagħraf is-sitwazzjoni. Lear jispiċċa jiddependi mill-iblah tiegħu, sakemm dan, pjuttost misterjożament jisparixxi f’nofs id-dramm.

Il-karnival għandu minn dan kollu. Kuntrarju għal dak li naħsbu u naraw illum il-ġurnata, il-karnival mhuwiex il-karrijiet u l-isfilata bihom u ż-żfin pjuttost ripetittiv b’kostumi relattivament estravaganti fil-pjazza ta’ quddiem il-palazz. Il-karnival, kif oriġina, kien festa ta’ debuxxar salvaġġ, ta’ liċenzja kbira u taħlita ta’ grottesk u makabru. Fil-każ lokali aktarx li kienet it-tmexxija Britannika li bdiet tiċċensura bl-addoċċ sakemm irnexxielha timmansa u tibdel il-perċezzjoni tal-karnival. Tant hu hekk li għal xi żmien il-ġranet tal-karnival kienu jissejħu l-jiem tal-bluha. M’ hemm ebda bluha f’karru li jirreferi għal xi karattru ta’ Disney, b’titlu li ġieli jirrima u ġieli titqanżaħ biex timita rima.

L-uniku post li sa ftit tas-snin ilu kien għadu jiċċelebra l-karnival fuq il-linji oriġinali kien in-Nadur. Kien iż-żmien qabel grupp ta’ studenti skoprewh, mexxew il-kelma u spiċċa invadut minn turisti Maltin u vannijiet tal-hotdogs. Sa qabel ma sar magħruf, fin-Nadur kienu jiċċelebraw karnival tagħhom fejn l-inqas ħaġa li kienet tgħaddi minn moħħ il-maskerati (jiġifieri l-popolazzjoni kważi kollha Nadurija) kienet il-korrettezza politika. Sfortunatament dal-karnival – kif se jiġri issa f’Ħal Għaxaq – inxtegħlu d-dwal tar-rifletturi fuqu u hemm beda jinbidel għax ġie infiltrat minn nies li ma kellhom qatt x’jaqsmu miegħu.

Għalija, il-vann l-abjad, imkisser u kollu sadid, beda jsarraf ta’ metafora: metafora tal-kundizzjoni skandaluża li hemm fl-isptar Monte Karmeli

Is-salvaġiżmu ta’ dan il-karnival Naduri ġratlu oħra: ġaladarba sar magħruf beda jiġbed l-attenzjoni wkoll tal-poter. Ma rridux ninsew ftit tas-snin ilu xi ħadd spiċċa ħażin għax mar in-Nadur jimpersona lil Ġesù Kristu. Dis-sena, minflok il-libsa bajda tas-Salvatur deher vann abjad bi kliem li darras u weġġa’ saħansitra lill-President tar-Repubblika. Il-vann għamel referenza għall-Isptar Monte Carmeli bi kliem ċajtier fuq il-boloh, cioe n-nies b’mard mentali, dawk li qabel kienu meqjusa bħala posthom ‘hemm fuq’ (jiġifieri Ħ’Attard mhux il-ġenna). Il-vann kien ċajta imma għal ħafna kien ċajta goffa. Għandi dubju serju kemm kien jitqies hekk daqs għaxar snin ilu, jew ħmistax. Illum il-korrettezza politika saret ħafna aktar strinġenti, ħafna aktar issikkata. Ma ninsewx li din hija l-era tal-kontradizzjonijiet: espressjoni libera, tneħħija taċ-ċensura u fl-istess waqt jitqal dejjem aktar il-poter tal-korrettezza.

B’kumbinazzjoni ironika, il-każ tal-vann l-abjad ġie eżatt wara każ traġiku ta’ xi ħadd li ħarab minn dan Monte Carmeli (bini li jakkrek f’epoki passati) u spiċċa biex ikkommetta suwiċidju. Wara dan kien hemm każ ieħor ta’ ħarba. Ħirġin rapporti, u xi żewġ ritratti ’l hemm u ’l hawn, tal-qagħda diżastruża li hemm fl-isptar għan-nies b’mard mentali. U hawn terġa’ titfaċċa kontradizzjoni oħra: għax fil-waqt li dan l-isptar, kemm fiżikament kif ukoll sistematikament, qed jikkrolla ftit ftit, qegħdin niġu mħajra (u hekk għandu jkun) nirrispettaw lil dawk li qegħdin ibatu mentalment.

Il-każ tal-vann l-abjad jurina biċ-ċar kemm huwa delikat id-diskors fl-arena soċjali. L-istess bħalma llum il-ġurnata fil-festa taċ-Ċirkunċiżjoni ma nistennewx lill-abbatini u d-djakni jiddebuxxaw fil-knisja, l-istess qegħdin nistennew li l-karnival jibda jobdi l-liġjiet tal-korrettezza. Hemm, fi kliem ieħor, ħabta bejn tradizzjoni b’oriġini salvaġġa u sensibilità ġdida li ma konniex nagħrfu sa ftit tas-snin ilu.

Iżda l-każ tal-vann l-abjad jurina wkoll li filwaqt li ħafna marru jiġru jtellgħu r-ritratti tiegħu biex jitkażaw, ftit kienu li kkundannaw il-kundizzjoni li n-nies rikoverati f’Monte Carmeli qegħdin jgħixu fiha. U – arawha ġejja – meta wħud ġibdu din l-attenzjoni bdew ifaqqsu l-kummenti partiġġjani tal-ħmar iwaħħal f’denbu u tas-soltu bluha insapportabbli tal-partitarji ferventi li joqogħdu jippartitaw bil-kummenti tagħhom fuq il-mezzi soċjali.

Għalija, il-vann l-abjad, imkisser u kollu sadid, beda jsarraf ta’ metafora: metafora tal-kundizzjoni skandaluża li hemm fl-isptar Monte Carmeli.

More in Blogs