Opinjoni | Operazzjoni li ma rnexxietx: il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet

Fil-qalba ta’ din l-istorja hemm żewġ kwistjonijiet importanti: is-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna, u l-użu ta’ flus il-poplu

Il-Gvern qabad proprjetà tal-familja tiegħek u biegħha lil kumpanija sigrieta bl-iskuża li din kapaċi tieħu ħsiebha aħjar. Minflok, din il-kumpanija qabdet il-proprjetà u għamlitha flus. Dan huwa, fi ftit kliem, dak li ġara fis-saga tal-Vitals.

Fil-qalba ta’ din l-istorja hemm żewġ kwistjonijiet importanti: is-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna, u l-użu ta’ flus il-poplu. Dak li qiegħed jiġri bl-isptarijiet tagħna jolqot liċ-ċittadini kollha u qed idaħħalna f’riskji bla bżonn.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat, iddeċieda li jgħaddi St Luke’s, Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – tliet sptarijiet tal-familji Maltin – għand il-privat. Il-bejgħ ġie għall-għarrieda sentejn ilu, u mingħajr ebda mandat elettorali.

Mhux talli hekk, talli l-Gvern irreżista kemm felaħ li jippubblika l-ftehim mas-sidien sigrieti tal-kumpanija. Biex jipprova jagħlaq ħalq in-nies, tmien xhur wara li ffirma d-‘deal’ ressaq kuntratt ċensurat quddiem il-Parlament.

Imma ħadd ma kien impressjonat, u anke il-ftit paragrafi li ġew ippubblikati qajmu tħassib serju mill-Assoċazzjoni tat-Tobba, l-Assoċazzjoni tal-Infirmiera u Qwiebel, u mill-Assoċazzjoni tal-Istudenti tal-Mediċina.

Ftit, ftit bdew ħerġin aktar dettalji, bħal pereżempju li l-Gvern intrabat li jħallas lil VGH €70 miljun fis-sena, meta n-nefqa pubblika sa dak iż-żmien kienet ta’ €55 miljun. Sirna nafu wkoll li l-apparat teknoloġiku u mediku kollu tat-tliet sptarijiet flimkien inbiegħ għal €1 biss.

Agħar minn hekk, il-kumpanija l-ġdida li ma kienet tifhem xejn fis-saħħa, bdiet tfalli mira wara l-oħra: tipposponi l-investimenti; l-iskola medika mwiegħda baqgħet ma nbnietx; is-sodod ġodda f’St Luke’s u Karin Grech ma waslux. Minkejja li Vitals m’onorawx il-parti tagħhom tal-ftehim, il-Gvern xorta tahom żieda ta’ €18-il miljun oħra fuq dak li kien miftiehem fil-baġit li għadda.

Ta’ min huma l-isptarijiet jekk mhux tal-poplu?

Il-qasam tas-saħħa huwa wieħed mill-aktar setturi importanti ta’ pajjiżna. L-influwenza qalila li qed tolqot persuna minn kull sitta bħalissa turi kemm is-sistema tal-kura hija sensittiva u trid tkun immexxija b’serjetà. L-uniku sptar li għadu mmexxi mid-Dipartiment tas-Saħħa, Mater Dei, mhuwiex ilaħħaq mal-influss u issa l-pazjenti qed jintbagħtu Karin Grech.

It-traġedja hija li, f’dan kollu, ma nafux min qiegħed imexxi dan l-isptar illum. Il-Gvern qed jgħid li l-operatur il-ġdid huwa Stewards Healthcare Systems; Vitals qed jgħidu li l-konċessjoni ta’ Karin Grech għadha f’idejhom.

F’din is-sitwazzjoni, l-agħar li jmur huwa l-pazjent li, filwaqt li qed iħallas it-taxxi dovuti, meta jiġi bżonn is-servizz ma jsibux. Is-settur tas-saħħa huwa kruċjali għal kwalità ta’ ħajja tajba, u għalhekk ma jistax jiġi ridott sempliċiment għal tranżazzjoni kummerċjali daqslikieku huwa business ieħor. Il-metodu Amerikan fejn joperaw Stewards huwa aktar inklinat li jmexxi sptarijiet bħala kumpanija milli ċentru ta’ kura kif nafuh fl-Ewropa.

Il-Gvern tilef kontroll tal-isptarijiet

Vitals kien iffirma kuntratt għal 30 sena, kuntratt li l-Ministru għas-Saħħa preżenti Chris Fearne ried jagħmilha ċara li ma kellu x’jaqsam xejn miegħu huwa personalment. Bilkemm għaddew 20 xahar li l-Gvern ma ħabbarx li l-kuntratt issa ġie trasferit għand kumpanija oħra – Stewards Healthcare Services. Din id-darba l-Ministru Fearne iddikjara li dan huwa deal ta’ veru.

Il-Prim Ministru wkoll esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar il-qbil bejn Vitals u Stewards, iżda meta l-ħaddiema u l-ġurnalisti bdew jistaqsu x’jinvolvi eżatt dan it-trasferimenti, f’daqqa waħda l-Gvern beda jgħid li ma jaf xejn.

Il-Partit Nazzjonalista huwa tal-fehma li, jekk huwa minnu li Vitals inħallu mill-kuntratt, allura issa m’hemm xejn x’jorbot lill-Gvern milli jippubblika l-ftehim sħiħ mingħajr paragrafi mgħottija. Iżda għal xi raġuni l-Gvern ma jridx. Fl-aħħar mill-aħħar huwa l-poplu li qed jiffinanzja dan il-ftehim; prattikament it-taxxi ta’ 50,000 ħaddiem Malti qed imorru kollha kemm huma biex jagħmlu tajjeb għal dan il-kuntratt.

Dan mhuwa xejn ħlief negozju minn fuq dahar il-familji, u għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Gvern u l-istituzzjonijiet pubbliċi jieħdu kontroll tas-sitwazzjoni.

Fl-aħħar ġimagħtejn l-Oppożizzjoni għamlet żewġ talbiet: waħda biex l-esperti fil-qasam mediku jkollhom ċans jiġu flimkien, jigu mistoqsija d-domandi u jingħataw t-twegibiet u jsir skrutinju neċessarju fil-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa. It-tieni talba hija biex l-Awditur Ġenerali jinvestiga t-trasferiment bejn iż-żewġ kumpaniji u jara li dan jissodisfa r-regolamenti ta’ ‘public procurement’.

L-Assoċazzjoni Medika Maltija wkoll qed tgħid bl-iktar mod qawwi li n-negozjati bejn Vitals u Stewards għandhom jiġu sospiżi u tinfetaħ investigazzjoni mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.

Irridu naħsbu wkoll fil-ħaddiema kollha li jaħdmu f’dawn t-tliet sptarijiet u li għal darb’oħra qed jgħaddu minn inċertezza fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Dawn jinkludu t-tobba inkluż l-ispeċjalisti, infermiera, ‘physio therapists’ ‘occupational therapists’, ‘carers’ u ħaddiema tal-id.

L-isfortuna tad-deal misterjuż hija li l-ftit dettalji li ngħataw minnu kienu biżżejjed biex jiġbdu l-kritika ta’ min għandu għal qalbu is-settur tas-saħħa. Il-ħaddiema fl-isptarijiet, il-professjonisti mediċi, u l-pazjenti għandhom raġun ikunu mħassbin dwar dak li l-Gvern għadu qed iżomm mistur.

More in Blogs