Opinjoni | Lejn suq tal-kera stabbli

L-influss ta’ barranin f’Malta beda mas-sħubija fl-Unjoni Ewropea

Il-ħolqien tal-ġid li fost oħrajn ġab miegħu influss qawwi ta’ persuni barranin jaħdmu f’pajjiżna, ħoloq sitwazzjoni għalkollox ġdida u li wasslitna biex inħarsu b’mod innovattiv lejn l-akkomodazzjoni u s-suq tal-kera.

Sa mil-leġislatura l-oħra l-Gvern poġġa l-investiment barrani fuq nett tal-aġenda tiegħu u kien dan li wassal biex setturi importanti bħall-avjazzjoni, is-servizzi finanzjarji, il-farmaċewtika u l-gaming, jikbru esponenzjalment biex illum iħaddmu l-eluf.

Ma’ dawn kibret l-industrija turistika, bl-ammont ta’ turisti f’Malta jkompli jikber sena fuq oħra.

L-influss ta’ barranin f’Malta beda mas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Għall-bidu l-aktar li konna nilqgħu fostna kienu jkunu dawk il-persuni fi triqithom lejn l-Ewropa mill-Afrika. Bdejna nilqgħu wkoll ħaddiema minn madwar l-Ewropa li kienu jfittxu l-aktar impjiegi elementari.

Għad li n-numru ta’ migranti li jidħlu fil-pajjiż b’modi rregolari naqas ħafna fl-aħħar ftit snin, dan xorta għadu fattur li jħalli impatt fuq ir-riżorsi li joffri l-pajjiż.

Figuri uffiċjali jindikaw li madwar 77% tal-Maltin huma sidien ta’ darhom. Il-bilanċ li s’issa dejjem irrenja fis-suq tal-proprjetà u l-akkomodazzjoni kien l-aktar dovut għal dan il-fatt.

Kien dan l-istess fatt li wassal biex il-politika ta’ amministrazzjonijiet differenti dejjem rat li aktar u aktar familji jsiru sidien ta’ darhom u qajla ħarset lejn swieq oħra, bħall-kirjiet. Is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika u t-tibdil fil-popolazzjoni Maltija, jirrikjedu li s-suq tal-kera, li mill-2011 ’l hawn nistmaw li rdoppja fid-daqs, jingħata prijorità.

Aħna nemmnu li r-responsabbilità li jipprovdi għal min hu vulnerabbli hija tal-gvern u mhux tas-settur privat. Għalhekk bdejna minnufih bi proġett wiesa’ li jinvolvi l-bini ta’ mijiet ta’ djar tal-akkomodazzjoni soċjali.

Aħna ma nħarsux lejn l-akkomodazzjoni soċjali biss bħala kenn għal dawk li għandhom diffikultajiet finanzjarji, imma fiha naraw ukoll sens ta’ assigurazzjoni li s-suq tal-proprjetà f’Malta jesa’ lill-faxex soċjo-ekonomiċi kollha.

Madanakollu jkun imqarraq min jaħseb li bil-bini tal-units tal-akkomodazzjoni soċjali nkunu fdejna l-problema li għandna quddiemna.

Bil-pass tat-tkabbir ekonomiku u bir-rata li biha qed tiżdied id-domanda anke permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, ikun inġenwu li nistennew sa ma l-provvista tlaħħaq mad-domanda biex il-prezzijiet tal-kera jistabilizzaw.

Hawn fejn tidħol il-White Paper li qed titfassal bħalissa u li permezz tagħha għall-ewwel darba l-Gvern se jkun studja bir-reqqa s-suq tal-kera f’pajjiżna u kif dan jolqot elementi differenti tal-abitanti f’Malta.

Il-Gvern għandu l-intenzjoni li jirregola s-suq tal-kera. Għall-kuntrarju ta’ min jassoċja r-regolazzjoni tas-suq ma’ interventi tal-passat, dan il-Gvern jemmen fis-suq liberu. Mhux il-ħsieb tagħna li nimponu l-prezzijiet iżda lanqas irridu li nħallu s-suq isuq billi niftħu l-bibien għal min irid jabbuża.

Il-kampanja ta’ biża’ mir-regolazzjoni tas-suq tal-kera li għaddejja minn xi bnadi xotta ħafna minn argumenti sodi. Ir-referenzi li spiss qed isiru għal deċiżjonijiet li ħadet il-Qorti tad-Drtittijiet tal-Bniedem kontra l-istat Malti qed jinqalgħu mill-kuntest u jintużaw barra minn lokhom.

Il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem qatt ma ħadet pożizzjoni kontra regolazzjoni tas-suq, sakemm din tħalli lis-sidien jagħmlu profitti li jirriflettu l-valur tal-proprjetà tagħhom. Bl-istess mod din il-Qorti qatt ma waqqfet regolamenti fuq is-suq tal-kera sakemm dawn ma kinux jagħtu protezzjoni eċċessiva lill-inkwilini.

Aħna nemmnu bis-sħiħ f’suq miftuħ li jħares il-ħtiġijiet differenti tas-soċjetà. Aħna naħsbu li żidiet kbar fil-kera minn xahar għal xahar ma jagħmlu ġid lil ħadd – kemm jekk l-inkwilini huma familji Maltin bi dħul baxx, kemm jekk huma studenti Għawdxin, kemm jekk huma ġenituri weħidhom u anke jekk huma barranin bi dħul tajjeb.

Fl-aħħar xhur iltqajna ma’ ħafna esperti, nies li jaqilgħu x’jieklu mis-settur u oħrajn li jafu s-saqaf ta’ fuq rashom lis-suq tal-kera f’Malta. Tista’ tgħid li kulħadd jaqbel li s-suq lokali jeħtieġ aktar trasparenza fil-prezzijiet u fit-transazzjonijiet bejn is-sidien u l-inkwilini. Kulħadd jaqbel li neħtieġu regolamentazzjoni ċara dwar ir-relazzjoni bejn is-sid u l-inkwilin.

Kulħadd jaqbel li għandna bżonn insibu modi aktar effiċjenti biex naqtgħu proċeduri li jkarkru żżejjed fuq tilwim normali f’suq bħal dan. Nemmnu li b’hekk biss nistgħu noħolqu suq li jkun ġust u li jkun ta’ benefiċċju kemm għas-sidien u kemm għall-inkwilini.

Ir-riforma li qed inħejju mhix sempliċi miżura soċjali. Hija riforma li filwaqt li tfittex li tifdi pjaga soċjali, tara li tippermetti li l-pajjiż ikompli jattira l-investiment u l-aqwa talent.

Fost it-tibdil li tinsab għaddejja minnu s-soċjetà Maltija, il-viżjoni tagħna hija ċara li nagħmlu s-suq tal-kera alternattiva ta’ akkomodazzjoni viabbli li tħares id-drittijiet tal-inkwilini u li tilħaq l-aspettattivi kummerċjali tas-sidien.

More in Blogs