Suppost ktibt artiklu ieħor

Aqra l-opjinjoni ta' Immanuel Mifsud dwar dan iż-żmien tas-sena

Uħud mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż iniedu l-edizzjoni ta' din is-sena ta' 'Milied Flimkien' | ritratt: James Bianchi
Uħud mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż iniedu l-edizzjoni ta' din is-sena ta' 'Milied Flimkien' | ritratt: James Bianchi

X’taqbad tgħid f’artiklu li se jidher f'dan iż-żmien tal-Milied? Tħalli l-ispirtu tal-festi natalizji jġorrok u tinsa dak kollu li qiegħed jiġri? Jew tissogra li tkun negattiv u ddejjaq lill-ftit qarrejja li jista’ jkollok?

Kważi kull Milied ikolli naffaċċja did-dilemma appuntu għax kważi kull Milied jasal u jiġi ċċelebrat meta jkun hemm sitwazzjonijiet li xejn ma jagħtuk li tiċċelebra.

Ħu pereżempju Malta. Il-Belt. Kif tidħol il-Belt hemm dal-bini modern li fih jiltaqgħu n-nies tal-poter. Dil-ġimgħa l-laqgħat ta’ dawn kienu kkaratterizzati b’belliġġerenza akbar minn tas-soltu, b’għajjat u tgħajjir, akkużi u kontroakkużi. Imbagħad, l-istess nies, kienu l-mistednin speċjali biex ivaraw is-serje ta’ kull sena ‘Milied Flimkien’. Iċ-ċelebrazzjoni tal-ftuħ ta’ din is-serje dejjem ikollha messaġġi lill-poplu u dawn il-messaġġi, invarjabbilment, jenfasizzaw l-għaqda, il-fraternità, il-paċi ta’ bejnietna u sentenzi mill-isbaħ li għoddhom iqabbżulek id-demgħat. Imma malli jerġgħu jsibu rwieħhom bilqiegħda faċċata ta’ xulxin donnu li jiħdaru aktar mis-siġġijiet iduru li jkunu bilqiegħda fuqhom.

Sakemm joqogħdu jgħajtu u jitgħajru bejniethom qajla jimpurtani, għalkemm, ħalli ngħiduha, ma tantx tista’ tqis imġiba bħal din rispettuża lejn l-istituzzjoni u lejn il-poplu. L-isfortuna hi, iżda, li dawk in-nies li jsegwu lil din il-miġemgħa żgħira jinġarru mill-passjoni, jew aħjar mill-istorbju u x-xenati u jrawmu l-istess ostilità u belliġġerenza ma’ dawk li huma “tan-naħa l-oħra.”

Attwalment, il-problema mhijiex daqstant x’qiegħed jiġri fis-sala tas-siġġijiet il-ħodor iżda x’qiegħed jiġri fil-mezzi tax-xandir, x’qiegħed jintwera fuq dawn il-mezzi. Għax billi dawn iż-żewġ mostri għandhom l-artillerija tagħhom, bil-mikrofoni ppuntati lesti għan-nifda, il-battalja toħroġ ’il barra minn dak il-bieb tal-ħġieġ u tispiċċa wara l-ħġieġa tat-televixin. Il-belliġġerenza tal-politikanti qegħdin, issa, jaddottawha l-ġurnalisti wkoll: dawk li jmorru l-konferenzi stampa, li jsegwu lill-politiku “tan-naħa l-oħra” dieħel jew ħiereġ, idur mal-kantuniera, jaqsam it-triq, miexi lejn il-karozza, dieħel fil-karozza, ħiereġ mill-karozza, dieħel id-dar, ħiereġ mid-dar...imqar jekk imur jieħu grokk ta’ dan iż-żmien tas-sena.

L-istess aġir, l-istess tonijiet, l-istess ostilità...il-politika lokali, dik li ssir mill-politiċi u s-suldati tagħhom, hija dan l-ispettaklu kontinwu ta’ Teatru tal-Krudeltà. Tant hu kontinwu li lanqas l-ispirtu tal-Milied li huma stess jippriedkaw taħt it-tined mhu qawwi biżżejjed biex ibaxxu leħinhom.

U biex ngħidu kollox, hemm numru kbir ta’ nies li jitqanqlu b’dal-format ta’ politika. Jemozzjonaw u jeċitaw ruħhom. Jieħdu gost: “Kif faqgħu l-bieraħ fil-Parlament!” “Kif ġabu trab!” “Kif riegħdu!”

U biex verament ngħidu kollox: xejn ġdid, minn dejjem hekk nafha x-xena politika Maltija.

Il-laqgħat fil-Parlament kienu kkaratterizzati b’għajjat u tgħajjir, akkużi u kontroakkużi, imbagħad, l-istess nies, kienu l-mistednin speċjali biex ivaraw is-serje ta’ kull sena ‘Milied Flimkien’

“Issa qis li ninsew id-differenzi ta’ bejnietna u niftakru fil-foqra; f’dawk li jippruvaw ikampaw bil-paga minima; f’dawk li qegħdin iħallsu kera bl-għoli; u nispiraw irwieħna mill-istorja ta’ Betlem biex l-għada tal-Milied inċemplu bid-donazzjoni tagħna.”

Hemm vjolenza agħar minn din. Ħafna agħar. Berlin. Berlin hija waħda minn ħafna bliet Ewropej li bħal daż-żmien tas-sena ttella’ suq tal-Milied. Min ġieli żar xi suq tal-Milied f’xi belt Ewropea jaf x’ambjent gustuż ikun hemm. Sakemm ma jkunx hemm xi ħadd jasal f’das-suq isuq vettura daqsiex bl-għan uniku li joqtol kemm jista’ nies: min laqat laqat u min ħabat ħabat. Berlin. F’Berlin ukoll wara attakk simili f’Nizza s-sajf li għadda proprju waqt li l-folla kienet qiegħda tiċċelebra l-jum nazzjonali. Dan fl-istess jum li fih pulizija Tork joqtol ambaxxatur Russu kiesaħ u biered fil-ftuħ ta’ wirja ta’ fotografija. Dak li kellu jkun avveniment kulturali spiċċa bħala l-okkażjoni tal-mewt. Il-filmat ta’ mumenti wara l-qtil huwa wieħed minn dawk li jibqgħu stampati, l-istess bħal ritratti u filmati ta’ traġedji oħrajn li ġew reġistrati matul din is-sena u dik ta’ qabilha. Qtil quddiem wirja ta’ ritratti, l-istess bħalma kellna l-qtil waqt kunċert mużikali fit-teatru Bataclan, f’Pariġi, f’Novembru 2015.

Għax anki l-vjolenza trid l-ispettaklu. Wara kollox, ir-rabta bejn il-vjolenza u l-ispettaklu hija rabta antika ħafna, li perversa kemm hi perversa, tibqa’ tiġbed l-għajn. Hemm rabta mill-viċin minkejja li aħna nħobbu nemmnu li l-kultura tfittex dejjem il-paċi u l-għaqda. Mevlut Mert Altintas, l-assassin Tork, joħloq spettaklu waqt l-assassinju, spettaklu bl-udjenza b’kollox biex imbagħad isir hu nnifsu l-ispettaklu wara li jwettaq il-qtil mingħajr sforz xejn tal-ambaxxatur Russu. Liebes għall-okkażjoni, jispara lill-ambaxxatur min-naħa ta’ wara, u mbagħad, quddiem grupp ta’ nies miġbura, oriġinarjament biex jaraw ir-ritratti tal-wirja, jagħmel diskors, anzi ‘id-diskors’. Waħdu fuq il-palk, anzi huwa u l-ġisem minxur fl-art li sa ftit minuti qabel kien qed jagħmel diskors tal-okkażjoni, Mevlut Mert Altintas jibdel l-assassinju f’xena tipika ta’ għeluq traġedja Shakespearjana.

Imma dan mhux id-diskors li wieħed jistenna li jaqra proprju lejlet il-Milied. Suppost ktibt fuq il-ġmiel tal-ispirtu natalizju; fuq is-sabiħ ta’ soċjetà li bħalissa qiegħda taħseb f’dawk li waqgħu lura – f’dawk li waqqgħet lura; fuq l-għaqda fil-familja; fuq l-imħabba. Nifhem li hu dak li suppost għamilt. Nifhem li kelli ninsa mhux biss dak li ġara f’Berlin u f’Ankara, imma ninsa ’l Aleppo, anzi lis-Sirja kollha kemm hi, anzi lid-dinja u nikkonċentra fuq il-festi. Dak li suppost li għamilt.

More in Blogs