Logħob taċ-ċess u affarijiet oħra

minn Saviour Balzan

Bir-raġun u bilfors, hemm rabja minn xi wħud għad-deċiżjoni mħabbra mill-Prim Ministru Joseph Muscat il-Ħamis li għadda.  Konna qed nistennew. Is-stennija ġġib magħha l-ansjetà u d-dwejjaq.

Għax f’demokrazija parlamentari ta’ kif suppost, ikollok riżenji meta xi ħaġa u xi ħadd ma jkunx għamel l-affarijiet kif suppost.

Wieħed tal-anqas kien jistenna li l-protagonisti kienu joffru r-riżenja tagħhom. 

Ħalli li l-Prim kien jiddeċiedi oltrè, imma l-kirjanza titlob li tirriżenja.  Jidher li dan ma seħħx.

Li jkollok kontijiet bankarji fil-Panama, mhux normali u mhux suppost. Għax il-Panama hija marbuta mas-segretezza u li taħrab mit-taxxa.

U għaliex Gvernijiet parlamentari tal-punent f’sitwazzjonijiet normali, jistennew li n-nies li jaħdmu fi ħdan il-Gvern u jmexxu l-politika tal-Gvern, ikattru kultura li dak li jkun iħallas it-taxxi u mhux li jittieħed vantaġġ minn regimi fiskali fejn tiffranka t-taxxa.

Ejja nibda biex ngħid li l-Ministru Konrad Mizzi u l-kap tal-uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri huma nies kapaċi, u li b’differenza mill-predeċessuri tagħhom, ma joqogħdux u ma jorqdux fuq problema. Imma dan ma jfissirx li m’għandhomx responsabbiltà politika, u li ma jirrispondux għal għemilhom.

U ma jfissirx li jisgħtu jaħarbu minn din ir-realtà. U fejn Schembri kien qed iservi bħala t-tarka għal Muscat, din id-darba żgur ma kienx tarka għall-Prim. Ma setgħax għax kien il-mira tal-attakki u l-għerq tal-problema.

Issa fatta la zorba, u jien bħal ħafna nies oħra ppruvajt nidħol fil-kurituri ta’ moħħ il-Prim Ministru biex nifhem kif qed jaħseb u x’se jagħmel.

Mid-dehra ħaseb kollox waħdu. Kollox gerfex waħdu mingħajr is-soltu parir tan-nies ta’ madwaru. U jista’ jkun li lagħab logħba ċess f’moħħu u dam kważi seba’ ġimgħat biex jasal fejn wasal.

Bħala strateġija naħseb li minkejja ċ-ċpar imdendel fuq l-avvenimenti konnessi ma’ din l-istorja, il-passi li ħa l-Prim Ministru huma bbażati fuq il-premessa li jaqbillu elettoralment li għamel dak li għamel.

Qisu Muscat qal lilu nnifsu jien tlift li tlift, u mhux se nirbaħhom lura, u nagħmel dak li se nagħmel biex insaħħaħ idejja fil-Partit.

B’li għamel indirizza xi problemi interni, imma min-naħa l-oħra għamel diversiv strateġiku. Reġa’ daħħal lil Manwel Mallia, persuna li kien tkeċċa wara l-isparatura mid-driver tiegħu fuq sewwieq ieħor.  Mallia huwa persuna li n-Nazzjonalisti jħobbu jattakaw. Issaportini ftit iktar, titlaqx din l-opinjoni f’nofsha.

L-ewwel ħaġa li għamel Muscat huwa li għamel diversiv u pass tattiku. Reġa’ daħħal lil Manwel Mallia għax jista’ jkun ministru tajjeb, iżda konxju mill-fatt li l-PN se jattakkaw lil Mallia. Fuq kollox, f’Mallia ra persuna li għandu bżonn għad-disa’ distrett fejn Leo Brincat issa telaq u fejn l-uniku heavyweight ieħor kien Michael Falzon. Lil Mallia għandu bżonnu minħabba l-popolarità tiegħu fuq id-distrett u l-magna elettorali li għandu.

Imbagħad tella’ lil Fearne bħala Ministru, forsi l-iktar pass li żgur se jkun diffiċli tikkritika.

Kariga li ġabet aktar mistoqsijiet milli risposti kienet dik ta’ José Herrera. Herrera mhux ikkunsidrat bħala xi stilla, imma jista’ jkun li jkun ferm aħjar fil-pożizzjoni ta’ Brincat, li kien magħruf għal problema intrinsika li jdum biex jieħu deċiżjoni.

Iridu naraw jekk Herrera se jwassal l-ambjent aktar viċin il-likk.

Imbagħad hemm il-każ ta’ Konrad Mizzi, li realistikament ħa l-akbar daqqa, imma baqa’ tista’ tgħid bl-istess poteri.

Mizzi kellu jirriżenja mill-pożizzjoni ta’ deputat mexxej tal-Partit Laburista, ħaġa li żgur kiddittu. Kif ukoll inżamm bħala Ministru bla portafoll minflok dak tal-enerġija u saħħa.

Imma ċertament se jkun responsabbli mis-settur tal-enerġija.

Schembri, f’għajnejn il-Prim Ministru kien fdat minnu u għalhekk ma kellux jitlaq.

Min-nies kollha, l-iktar wieħed li mar tajjeb hu Leo Brincat li għandu ċans tajjeb li jsir awditur fil-Qorti fl-Ewropa b’paga mlaħħma, li tħalli l-iktar nies imwerrċa għall-ammont li jirċievi bħala paga.

U f’moħħ Muscat, hemm it-tama li din il-kwistjoni tispiċċa bħala ossessjoni tal-PN u jispera li l-votant jibda jiddejjaq mill-għajta tal-PN.

Kollox possibli, iżda jekk bħal qarnita, il-każ Panama jibqa’ mwaħħal ma’ Muscat u jekk sa sentejn oħra jinqala’ xi kazz ieħor, Alla biss jaf x’ se jgħidu n-nies.

Imbagħad il-logħob taċ-cess ikun kollu għaż-żeta!

Saviour Balzan huwa l-editur maniġerjali tal-MediaToday

More in Blogs