Parole, parole, parole

Il-kanzunetta tal-kantanta Taljana Mina ma tistax tkun aktar addattata għar-reazzjoni ta’ bosta politiċi għall-aħħar attakk terrorista faħxi li seħħ din il-ġimgħa fil-Belġju. Ngħidu hekk għax huwa verament tal-mistħija li erba’ xhur wara l-attakki f’Pariġi, li ħasdu lill-Ewropa u heżżu l-ħajja f’din il-belt, kellna nerġgħu nassistu għall-istess, jew kważi l-istess, diskors din id-darba dwar il-Belġju. U bħallikieku dan l-attakk ma kienx biżżejjed, il-Ġimgħa seħħ ieħor, din id-darba fl-Iraq.

Bħalma ġara wara l-attakki ta’ Pariġi, erġajna rajna lill-mexxejja politiċi ewlenin tad-dinja, fosthom u minn ta’ quddiem Cameron u Obama, jgħidulna x’għarukaża u jfakkruna f’kemm dawn l-attakki faħxija qed jheddu l-libertajiet tagħna u kemm hemm bżonn li niġġieldu t-terroriżmu flimkien. 

Prosit, punt u ċapċipa. Imma dawn il-mexxejja għalhekk qegħdin hemm. Qegħdin hemm biex jiddeċiedu dwar is-sigurtà tal-Ewropa, qegħdin hemm biex imexxu din il-ġlieda kontra t-terroriżmu u qegħdin hemm biex jassiguraw li l-pajjiżi, l-aktar dawk fl-Unjoni Ewropea li bħalissa jinsabu taħt l-akbar theddida, jgħixu fis-sigurtà. Imma milli jidher l-Ewropa kienet iktar ħerqana biex tibgħat l-armati u s-suldati u l-ajruplani biex tneħħi lid-dittatur Libjan li kien ta’ theddida għal miljuni ta’ Libjani milli hija ħerqana biex tagħmel bħalma għamel Putin u tibgħat l-armi biex tkisser għadu li qed jhedded l-eżistenza tal-punent, kif nafuh illum. 

Il-mexxejja internazzjonali u Ewropej, għandhom juru naqra iktar ħeġġa u determinazzjoni lil hinn mill-paroli u jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jeliminaw, ikissru u jfarrku mhux biss lill-membri tad-Daesh/ISIS imma wkoll il-mentalità vjolenti u fundamentalista tagħhom. Inkella xi ġġilidna nagħmlu għas-sekulariżmu? Xi ġġilidna nagħmlu għad-dritt tal-ħsieb u għad-dritt tal-kelma? Għalfejn ħdimna tant għad-demokrazija liberali? Biex issa, quddiem din it-theddida li għat-tieni darba fi ftit xhur qed thedded l-eżistenza ta’ dak kollu li nemmnu fih, ħa nibqgħu nparlaw biss? 

L-ewwel li jrid ikun assigurat, qabel kollox, huwa li dawk li jiġu minn pajjiżi oħrajn u jibqgħu jgħixu fl-Ewropa jkunu integrati b’mod li jagħmel sens. U b’mod li jagħmel sens ma nfissrux li noqgħodu nkunu politikament korretti sal-punt li naqgħu għar-redikolu. Dawn il-ħafna stqarrijiet biex minflok ‘Happy Christmas’ ngħidu ‘Happy Holidays’ jew li ma nagħmlux presepju fit-tieqa għax ‘inweġġgħu s-sentimenti ta’ xi ħadd’ huma kollha bassezzi u idjotezzi ta’ min lanqas biss beda jifhem x’jiġifieri tintegra. Charles Xuereb f’intervista li qed tidher f’din il-ħarġa f’paġni 10 u 11, jagħmel argument sensibbli ħafna u jfakkar kif l-ewwel u qabel kollox, biex innaqqsu r-riskji ta’ attakki simili, irridu nintegraw aħjar, irridu nagħtu identità lil dawk li qegħdin jgħixu magħna u li m’għandhomx. Li nitfgħu lin-nies f’ghetto u li nwarrbuhom, mhux talli ma’ taħdimx, talli twassal biex ikun hemm minn jirritalja b’mod ikrah. 

It-tieni, il-mexxejja Ewropej għandhom ikeċċu mill-pajjiż nies li b’xi mod jew ieħor għandhom kuntatt ma’ għaqdiet li jipprietkaw it-terrur u li qed jgħixu fl-Ewropa. Mhux aċċettabbli aktar, fl-ambitu ta’ dan it-theddid, li nibqgħu nsostnu nies, u jekk jogħġbok, nagħtu benefiċċji lil nies li qegħdin hawn biex jagħmlu l-ħsara u jġibu l-għawġ. 

It-tielet, il-mexxejja Ewropej jeħtieġ li jiddeċiedu dwar l-industrija tal-armi. Xuereb jagħmel osservazzjoni partikolari fl-intervista mal-ILLUM u jgħid kif l-armi li nstabu fl-attakki ta’ Pariġi u anke fil-każ ta’ Brussell huma tat-tip li jinbiegħu bl-irħis fil-Belġju stess. Huwa jgħid ukoll li l-armi fi Brussell jimxu minn id għal oħra b’ċerta faċilità. Jiġifieri, fi ftit kliem ieħor, qed inkunu aħna stess li nfornu lil dawn it-terroristi bla qalb bl-armi biex ikissruna. Qed jinżamm kont ta’ min qed jixtri dawn l-armi? Qed isir iċċekkjar serju u kontinwu ta’ fejn jispiċċaw dawn l-armi? Jew qed inħallu ġungla tipperpetwa fostna?

Jekk il-mexxejja Ewropej mhux se jieħdu azzjoni f’waqtha, dan il-ħafna paroli u l-ħafna ppoppar tas-sider quddiem il-midja mhu se jkun serva ta’ xejn ħlief ta’ balzmu sakemm l-għadu terrorista jerġa’ jaħbat għalina u jħalli mijiet jew eluf oħrajn mejtin. 

More in Blogs