Il-minuta għaddiet, Sur Kap tal-Oppożizzjoni

minn Owen Bonnici

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ftit żmien ilu, mar il-Belt u lin-nies qalilhom li jekk jaqbad lil xi ħadd jagħmel il-ħażin, ikeċċih.

“Barra! Barra!” qal Simon Busuttil li se jgħid lil min ikun għamel il-ħażin, u n-nies ċapċpitlu.

Wara ftit jiem, il-Kap tal-Oppozizzjoni mar fuq Dissett. Fuq dak il-programm, Simon Busuttil qal li jekk xi ħadd ikun għamel il-ħażin, hu - jiġifieri Dr Busuttil - minuta jdum jaħsibha biex ikeċċih mill-bieb ‘il barra.

Naħseb il-minuti fid-dinja ta’ Simon Busuttil huma ftit itwal mill-minuti fid-dinja tal-bqija tal-bnedmin. L-iskandlu tal-Palazz ta’ Beppe Fenech Adami ilu ġranet sħaħ li feġġ, u Dr Busuttil għadu mhu qed jagħmel xejn.

 Il-każ ta’ Beppe Fenech Adami hu serju. L-elenku ta’ fatti u kumbinazzjonijiet li seħħew taħt Gvern Nazzjonalista li r-riżultat tagħhom spiċċa biex sploda ‘l fuq il-valur tal-Palazz ta’ Beppe, hu twil wisq.

 Għal ġieħna, dan Beppe mar il-Belt jipprotesta kontra l-korruzzjoni. Beppe ma jitlifx okkażjoni waħda fil-Parlament li jobżoq litteralment il-ħdura fuq in-nies kollha li b’xi mod konnessi mal-Gvern u jgħajjarhom b’korruzzjoni sitta a la sinistra. Għandu għalxiex jitkellem, il-paladin tal-indafa. Mingħand il-PN, ma neħdux lezzjonijiet dwar politika nadifa.

 Ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar l-iskandlu tal-Palazz ta’ Beppe kienet fqira għall-aħħar.

Jien domanda waħda biss nagħmel. Insa li Beppe rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista u immaġina li minflok, hu rappreżentant tal-Partit Laburista, u feġġ dan l-iskandlu.

X’kien jgħid Simon Busuttil? Probabbli qed joħroġ in-nies fit-toroq biex ikun hemm reżenja.

Meta nitkellmu dwar test tal-kredibbiltà, inkunu qed inwieġbu din id-domanda.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni mhux kredibbli. In-nies ma tistax tieħdu bis-serjetà. Għax għandu riga mod għall-Partit Laburista, imma riga oħra għal meta jiġu n-nies ta’ madwaru.

 Il-ħabiba ta’ Beppe Fenech Adami, is-Sinjura Caruana Galizia, dil-ġimgħa fil-blogg tagħha għamlet argument li ma fhimtux. Beppe u Daphne ħaġa waħda għax Beppe ħlief jikkwotaha fil-Parlament, ma jagħmilx.

Daphne ħarġet bl-argument li Simon Busuttil mhuwiex raġel miżżewweġ, u allura għandu kull dritt ikun f’relazzjoni ma’ Kristina Chetcuti. Ms Chetcuti hi divorzjata, u għalhekk gawdiet mil-liġi li tant inbuttajna meta konna fl-Oppożizzjoni.

Beppe ma jitlifx okkażjoni waħda fil-Parlament li jobżoq litteralment il-ħdura fuq in-nies kollha li b’xi mod konnessi mal-Gvern

Qalet li Owen Bonnici però huwa raġel miżżewweg, u allura ma jistax ikun f’relazzjoni ma’ Janice Bartolo, u tgħidx kemm Daphne tat titli lil Janice u għajritha kulma ġieha f’ħalqha. 

Din oħra tar-riga mod għall-PN, u riga mod ieħor għall-PL. Dr Busuttil u jien, għandna l-istess status legali preċiżiz. Hu legalment separat, jien legalment separat.

Bħalma Dr Busuttil kellu dritt għall-għażliet personali tiegħu, jien ukoll għandi dritt għall-għażliet personali tiegħi.

Biss, skont il-klikka li qed tmexxi l-PN, dak li jseħħ lilhom hu tajjeb, però li jsehh lill-PL, jattira żeblieħ, attakki personali, tgħajjir u insulti.

Aħna se nibqgħu naħdmu għall-ġid ta’ dan il-pajjiż fir-rwoli differenti tagħna biex nagħtu lill-poplu, Malta aħjar b’ekonomija b’saħħitha kif qed nagħmlu.

More in Blogs