‘Ħabbilni ħa nirbaħ’ u kpiepel tal-preċetti

Mara bil-fascinator għall-preċett: jaf ikun aċċessorju grottesk
Mara bil-fascinator għall-preċett: jaf ikun aċċessorju grottesk

Għal ġimgħat sħaħ, tista’ tgħid wara li jagħlaq l-istaġun tal-Milied, l-islots tat-telebejgħ, fuq l-istazzjonijiet kollha, bdew l-assedju sħiħ ta’ reklamar ta’ lbiesi (anki tat-tfal) għall-preċett u l-griżma. Tfal, adolexxenti u nisa ommijiet, jingħataw pariri ‘professjonali’ dwar x’ilbiesi għandhom jilbsu għaċ-ċerimonja, bil-kpiepel u l-fascinators b’kollox.

Il-vanità suprema fuq kollox. L-ommijiet jidħlu f’konkors bejniethom dwar parata ta’ moda għall-festi tal-preċett u l-griżma. U l-ommijiet idaħħlu fil-konkors lil uliedhom ukoll. Ħafna drabi din tkun okkażjoni grotteska b’nisa korpużi lebsin kappell imkittef. Ir-reklamar qiegħed taħt imnieħer kulħadd. Imma l-Knisja ma tissugrax titkellem biex ma titlifx aktar ‘fidili’.

Fuq il-palk: sensazzjonaliżmu sesswali u umanità

Fir-repertorju teatrali tax-xahar li għadda, ittellgħu żewġ produzzjonijiet totalment differenti minn xulxin. Staġun Teatru Malti, il-kumpanija ta’ Mario P. Azzopardi li issa saret notorja għas-sensazzjonaliżmu u għal kif tuża s-sess biex tbigħ, ippreżentat Ħabbilni ħa Nirbaħ. Magħha, il-produzzjoni ġabet kunflitt qawwi bejn ir-reġista Sean Buhagiar u l-istess  Azzopardi, li biż-żjarat tiegħu mill-Kanada ma xebax jinsulenta lill-Maltin li ma jiħdux it-teatru bid-dixxiplina meħtieġa. Dan il-persunaġġ, li ħafna jgħidu li hi “ħaġa impossibbli li taħdem miegħu” jaħseb li hu xi xemx ġdida li telgħet fuq il-palk Malti. Min ħadem miegħu jallega kemm hu bully, kemm jgħajjat u jwerżaq u kemm jintimida lill-atturi u t-tekniċi b’kull xorta ta’ kliem vulgari.

Lil Sean Buhagiar ittrasformah f’kelb tal-but, sakemm dan telagħlu u telaq mill-produzzjoni.

Azzopardi kien ħoloq skandlu wkoll meta ħareġ, bħala direttur tal-V18, b’diskors xenofobiku kontra l-Iżlam. 

Mill-banda l-oħra, f’nofs Frar il-grupp Unifaun Theatre ippreżenta Lampedusa ta’ Anders Lustgarten fit-Teatru St. James Cavalier.

Jidher li din id-darba il-Unifaun tbiegħdu mit-tendenza vjolenti tal-għażliet in-yer-face tagħhom u għażlu xogħol ta’ immedjatezza, umanità u solidarjetà ma dawk l-erwieħ emigranti li qed jieħdu s-sogru li jindifnu fil-qiegħ tal-Mediterran jew l-Eġew. Storja ripetuta qrib xtutna wkoll, fejn is-sajd m’għadux aktar għall-ħut, iżda għall-katavri.

Sadanittant, is-saga tal-Istaġun Teatru Malti għadha sejra, b’sorsi anki mill-Kanada, fejn ħadem Mario Philip Azzopardi, isostnu kemm hu “dittatur,” l-hekk imsejjaħ impresarju Malti, li jaħseb li qabel wasal hu, il-palk lokali kien primittiv u selvaġġ b’atturi minn wara l-muntanji.

Il-fatt hu li biex itella’ x-xogħlijiet tiegħu għall-kumpanija Staġun Teatru Malti, Azzopardi jinqeda b’atturi u tekniċi li ħarrġu lilhom infushom wisq qabel tfaċċa hu mill-Kanada, mnejn wasal biex ibigħ prodott mimli sensazzjonaliżmu sesswali.

Fejn wasalna bil-V18?

Is-sena 2018 riesqa bil-ħeffa u magħha l-programm li suppost hemm maħsub għall-V18.

Iżda minflok l-istruttura denja ta’ programm Ewro-nazzjonali għall-kultura, Malta nqabdet fi tnalja ta’ kontroversja bejn il-proklamat direttur artistiku u s-sanchopanza tiegħu, Sean Buhagiar, ingaġġat mingħajr ħadd ma jaf kif u x’fatta minn Azzopardi stess.

Imma rrid nieqaf ftit fuq V18. Sirna nafu wara kollox, li Azzopardi, li nvesta fl-elezzjoni tal-2013 meta ra fejn kien qed jonfoħ ir-riħ u ngħata position of trust,  li dan il-psewdo-guru tat-teatru se jkollu f’idejh biss sitt avvenimenti x’jieħu ħsieb għall-V18.

Mill-bqija, ħadd ma jaf xejn, wisq inqas l-artisti u n-nies tal-kultura l-oħra, bis-soltu apatija tagħhom. Lanqas biss tkellmu meta saru allegazzjonijiet fil-media li Azzopardi saħansitra “heddidhom li jimblokkahom politikament bis-saħħa tal-konessjonijiet li għandu.”

L-hekk imsejjaħ impresarju Malti jaħseb li qabel wasal hu, il-palk lokali kien primittiv u selvaġġ b’atturi minn wara l-muntanji

Hemm aspett ieħor importanti dwar V18. Dan il-programm ewro-nazzjonali suppost iħalli wirt għat-tul għall-poplu Malti. Imma ħadd ma jaf x’se jkun dan il-wirt. Aktar minn 80% ta’ sondaġġ (mhux xjentifiku) fit-Times wera li in-nies trid lil Mario Philip Azzopardi jitneħħa għal diversi raġunijiet, fosthom għall-bulliżmu, il-vulgaritajiet u r-razziżmu tiegħu.

Iż-żgħażagħ bħala props

Hemm żgħażagħ Maltin li jintużaw mill-politiċi għall-propaganda sfaċċata. L-aktar eżempju akut ta’ dan hu meta jidhru fil-media fillieri ta’ żgħażagħ, skjerati bħal sentinelli mingħajr spirtu, fl-isfond ta’ xi diskors politiku minn mexxej ta’ partit jew ieħor.

Issa jista’ jagħti l-każ li dawn iż-żgħażagħ diġà huma ‘akkolti’ u d-dehra tagħhom fuq l-iskrin jinvestuha għal meta l-partit li jissapportjaw ikun fit-tmexxija tal-pajjiż. Huma diġà jkunu l-preferuti. Dawn iż-żgħażagħ jippreferu l-messa in xena politika, il-palk fejn jintużaw bħala props jew forċini għal dawk li jmexxu. 

Sitwazzjoni patetika. Dawn iż-żgħażagħ lesti jpartu l-ispirtu tagħħom mas-sottomissjoni biex jaqdu lill-partit (jew lilhom infishom, fil-ġejjieni).

Il-mewt ta’ Umberto Eco

Il-ġimgħa l-oħra tħabbret il-mewt tar-rumanzier, lingwista, saġġista, akkademiku u semjotiku Umberto Eco (1932-2016), li f’Malta forsi kien magħruf l-aktar bħala l-awtur  tar-rumanz ‘Il nome della rosa’ li fuqu nħadem il-film enigmatiku b’Sean Connery fil-parti ewlenija.

Eco ħadem għal madwar ħames snin fit-televiżjoni (RAI) fejn iltaqa’ ma’ persunaġġi bħal Stravinsky, Boulez u Brecht, fost ħafna oħrajn. Snin ilu il-BBC Radio 4 kienu staqsewh liema ktieb jagħżel, minbarra Shakespeare u l-Bibbja, kieku kellu jsib ruħu waħdu fuq gżira. Wieġeb li jagħżel id-direttorju tat-telefown ta’ New York. Meta staqsewh għaliex qal li dak id-direttorju jinkludi l-kunjomijiet kollha mondjali, li fuqhom seta’ jibni bosta stejjer.

Eco miet ta’ 84 sena u kien kremat, kif xtaq.

More in Blogs