It-Telenovelli li f’Malta nibżgħu mmissu

"Bezzina jgħix bl-illużjoni li n-nies qed tidħaq b’dak li jgħid, mentri fil-fatt qed tidħaq bil-karikatura li qed joħloq tiegħu innifsu"

Dottor Bezzina: pompożità u farsa a skapitu ta’ dawk li jidħqu bix-xejn
Dottor Bezzina: pompożità u farsa a skapitu ta’ dawk li jidħqu bix-xejn

Is-servizz mondjali Netflix qed jagħmel l-aħħar tħejjijiet biex fil-bidu ta’ Mejju tibda s-serje ġdida Marseille, bl-attur Gérard Depardieu jidħol fiż-żarbun tal-protagonista Robert Taro, is-sindku ta’ Marsilja għal 25 sena li fl-elezzjoni prospettiva se jkun ikkontestat mill-protégé tiegħu. Din hi storja ta’ proġetti ta’ negozji kbar maħmuġin u għatx għall-poter. Is-serje fi tmien episodji, hi speċi ta’ House of Cards fuq stil Franċiż, fejn teżisti xibka ta’ korruzzjoni, ambizzjoni, meskinità u logħob ta’ poter li jinvolvi lill-ħbieb u l-ħbieb tal-ħbieb. 

Is-serje tesponi l-qawwa korrossiva fil-ħajja politika ta’ Marsilja lejlet elezzjonijiet komunali. Fiċ-ċentru tad-drama hemm it-taħwid u l-kollużjonijiet biex fil-belt Mediterranja jinfetaħ każinò. Skont l-attur Franċiż, li jqis li l-politika hi attività notorja, is-serje titfa’ dawl fuq il-ħajja kontemporanja ta’ dawk kollha b’ingranaġġ politiku.

F’Marseille hemm l-agħar skandli li tista’ tistenna mill-klassi politika, li moħħha fil-protagoniżmu u fil-flus, fil-favuri u arranġamenti mafjużi. Anki l-kultura hi kontaminata, isostni Depardieu, għax dawk tal-qalba jieħdu l-favuri kollha. Ma nafx kemm Depardieu jista’ jittieħed bis-serjetà meta jitkellem dwar il-politika meta hu kien lest li jieħu ċ-ċittadinanza Russa biex ma jħallasx it-taxxi għoljin ġewwa Franza fuq il-fortuna tiegħu. Biss lanqas toħlomha li f’Malta ssir serje bħal din. Fostna hemm biss l-għajjat vulgari ta’ Ħabbilni Ħa Nirbaħ jew il-psewdo ‘Parlament tal-Poplu’ ta’ Emmy Bezzina, joffri l-Karnival tal-vokabularju ħamallu.

Il-Karnival (Piżellesk) ta’ Emmy Bezzina

Fl-ewwel jum tal-Karnival ta’ din is-sena, f’Xarabank (TVM) Dottor Emmy Bezzina pprovda spettaklu personali eċċentriku u vulgari konness mal-lingwaġġ li juża fil-programm tiegħu Il-Parlament tal-Poplu (Smash TV). Bezzina jgħix bl-illużjoni li n-nies qed tidħaq b’dak li jgħid, mentri fil-fatt qed tidħaq bil-karikatura li qed joħloq tiegħu innifsu.

F’Xarabank, mimli daħq minn folla li marret għall-farsa, l-uniċi tnejn fil-panel li tkellmu b’galbu, kienu ż-żewġ nisa u l-ġurnalist Pierre Portelli, awtur tat-telenovela Katrina, li tiġbed eluf kbar ta’ spettaturi.

Fil-panel kien hemm ukoll il-producer Mario Philip Azzopardi, notorju għall-aġenda sensazzjonalista tiegħu. Dażgur li Mario Philip jissapportja lil Dottor Emmy Bezzina kontra kull tip ta’ ċensura. Il-flus li qed idaħħal għall-kumpanija Staġun Teatru Malti huma bażati fuq suġġetti ta’ ‘kontroversja’ (eż. Ħabbilni Ħa Nirbaħ). L-aġenda tiegħu hi konfuża: daqqa jgħid li għandu skop li jiddeverti (għax hekk irid il-pubbliku) u drabi oħra jassumi ton ‘morali’ u “soċjali”.  

Għaliex ma jitkellimx ċar u tond Mario Philip Azzopardi?

Effetti pożittivi tal-multikulturaliżmu

Fuq l-istazzjon nazzjonali, Joe Farrugia tal-MEA iddiskuta l-qagħda tal-multikulturaliżmu fuq il-postijiet tax-xogħol f’Malta. Ġeneralment l-effett hu wieħed pożittiv u x-xhieda ta’ min iħaddem kienet unanima dwar dan. Anzi, fil-każ tal-lukandi l-kbar, id-diversità fost il-ħaddiema qed tagħni l-atmosfera. Direttur ta’ lukanda kbira spjega li l-kumpanija tagħhom illum tħaddem mat-300 persuna li 25% tagħhom huma barranin inklużi Afrikani, u li bejniethom teżisti armonija kbira.

Min naħa tal-barranin, tkellem Musulman li reġa’ fakkar li għad baqa’ xi każi ta’ intolleranza fuq bażi reliġjuża imma din qed tonqos, anki għaliex il-ħaddiema Maltin indunaw li l-barranin, minbarra li huma kwalifikati, jaħdmu għal qalbhom, huma rikonoxxenti lejn il-Maltin u leali lejn min iħaddimhom.

F’Malta hawn 26,000 ħaddiema barranin.

Maratona għall-Missjoni

Is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl organizzat maratona oħra ta’ ġbir. Father Portelli, min-Nadur Għawdex, fetaħ klinika fil-Perù li biex imexxiha għandu bżonn 50 Ewro kuljum (ħaqq kemm jeħodlok konsulent Malti għal 20 minuta ta’ żjara privata). Fil-klinika, Father Portelli jiġbor morda terminali mit-triq u jagħtihom sodda fejn jistgħu imutu b’dinjità. Il-klinika tilqa’ wkoll ħamsin marid/a kuljum, uħud bl-AIDS u oħrajn li mardu b’ilma infettat.

Matul il-maratona ntwerew features impressjonanti ta’ faqar indeskrivibbli u li jixxokkja: nies reqdin mal-art, anzjani bla kura u raħlin jittalbu għall-ikel.

Bezzina jgħix bl-illużjoni li n-nies qed tidħaq b’dak li jgħid, mentri fil-fatt qed tidħaq bil-karikatura li qed joħloq tiegħu nnifsu

Dak li stona f’din il-maratona hu l-introduzzjoni ta’ rigali “kbar” (karozza lussuża, għamara esklussiva, vjaġġi eċċ). Konna ħsibna li r-rigali abbinati mal-għotjiet tal-karità kienu nqatgħu. Madankollu għadna bil-mentalità li biex tagħti, “trid tidħol biċ-ċans li tirbaħ” ħafna aktar milli tagħti. Din falzità li ttappan l-objettiv ta’ proġetti umanistiċi.

L-MSSP qed jiġbru wkoll għal proġetti oħra f’pajjiżi Afrikani, l-Indja u l-Filippini.

Il-Papa Franġisku: Kuntent wara 1000 sena ta’ xiżma

Il-media Taljana ħabbret kif il-Papa Arġentin esprima l-ferħ kbir tiegħu dwar ir-rikonċiljazzjoni bejn il-Knisja Kattolika u dik Ortodossa wara elf sena ta’ xiżma. It-trattattivi kienu diretti minn Franġisku nnifsu, bis-solita sempliċità kariżmatika tiegħu. “Ridt biss niltaqa’ ma’ ħuti l-Orotodossi u minn hemm, l-affarijiet ħadu l-korsa naturali tagħhom.” Fil-fatt, madankollu, kien hemm trattattivi li damu għaddejjin sentejn bil-moħbi. Żvela l-ġurnal Corriere della Sera, “Kienu trattattivi mmexxijin minn isqfijiet bravi, intelliġenti.” Fost dawk li ħadu sehem fin-negozjati kien hemm artist, mużiċist u studjuż tal-istorja. Ħa sehem anki l-patrijarka Russu Kirill fil-ħemda tal-Knisja tad-Dar Santa Maria.

“Bergoglio għandu għax iħossu sodisfatt li reġa’ waqqa’ ħajt ieħor u bena pont importanti ieħor,” qalet il-Corriere f’rapport fl-ewwel faċċata (8.2.2016).

More in Blogs