BBC: Il-prezz ta’ pakkett te

minn Mario Azzopardi

L-ewwel bieb tal-miserikordja infetaħ mill-Papa Franġisku fir-Repubblika Ċentrali Afrikana f’Novembru 2015
L-ewwel bieb tal-miserikordja infetaħ mill-Papa Franġisku fir-Repubblika Ċentrali Afrikana f’Novembru 2015

Qabel tpoġġu bilqiegħda biex tieħdu kikkra te tal-aktar marki pubbliċizzati, ftakru li l-weraq tax-xarba waslu minn oqsma Indjani li fuqhom jaħdmu f’kundizzjonijiet impossibbli ħaddiema li jfakkruk fi żmien l-agħar esplojtazzjoni tal-kolonjaliżmu.

Il-BBC World daħal jiddokumenta dik il-miżerja u mhux ta’ b’xejn li l-managers tal-oqsma tat-te ppruvaw jimblukkaw il-kameras tal-BBC. Il-griebeċ mimlija nida u moffa, is-soqfa tat-tiben sfrundati u l-ħaddiema (uħud minnhom bilkemm għalqu t-tlettax-il sena, jinqdew għall-bżonnijiet naturali tagħhom qalb is-siġar. Il-BBC ma qagħadx lura milli jikxef l-ismijiet tal-brands: it-Tetley, il-Liptons u l-PG Tips għażliet komuni mal-Ingliżi. Għall-produzzjoni ta’ pakkett te li jinbiegħ għand id-department store famuż f’Londra, Fortnum & Mason’s il-ħaddiema jkollhom jaħdmu ġimgħa sħiħa bi ħlas ta’ dollaru u sittax-il ċenteżmu kuljum.

Il-BBC sab skandli oħra, fosthom li l-ħaddiema jisprejjaw il-pestiċidji mingħajr maskri protettivi. U fl-isptarijiet, il-kameras sabu livell għoli ta’ mard minħabba l-malnutrizzzjoni u mard terribbli ieħor b’deklin imħaffef.

U din is-sena tal-ħniena…

Sfidi għall-Knisja kattolika fis-sena l-ġdida

Waqt il-Quddiesa Papali li saret f’Madison Square Gardens f’Settembru li għadda, il-Papa Franġisku, li bil-mod il-mod il-media qed tagħmlu superstar tampar Ġwanni Pawlu II, spjega x’jara li huma l-isfidi għall-Knisja Kattolika fl-2016, b’mod partikolari fl-Istati Uniti.

Semma n-nuqqas dejjem jiżdied ta’ fidili, nuqqas dejjem nieżel ta’ vokazzjonijiet; il-kwantità ta’ parroċċi li kellhom jagħlqu u l-effetti li baqgħu jinħassu wara l-iskandli tal-abbużi fuq it-tfal.

F’sondaġġ dwar l-affiljazzjoni reliġjuża Amerikana, in-New Research Center sab li fl-2007 il-Kattoliċi kienu jgħoddu 23.9% imma l-2015 għalqet b’ċifra ta’ 20.8%.  Dan isarraf fi tnaqqis ta’ tliet miljun Kattoliku, jew Kattoliku minn kull sitta li abbanduna r-reliġjon tiegħu.

Anki l-iskejjel, primarji u sekondarji, qed jagħlqu. Din l-istampa qed tidher fi nħawi oħra tad-dinja Kattolika.  Fl-Iskozja per eżempju, il-Knisja Kattolika għaddejja minn l-agħar kriżi mir-Riforma ’l hawn. Professur tar-riċerka fl-Università ta’ Edinburgh fisser dak li qed jiġri fil-Knisja bħala ‘kriżi sejżmika’.

Minkejja r-rieda tajba kollha tiegħu, u minkejja r-riformi li jrid ibiddel fil-qalba tal-Vatikan stess, il-Papa Arġentin m’għandux is-saħħa li jimbotta lura l-kurrenti materjalistiċi tal-liberaliżmu-kapitalista tal-Punent.

Sejjaħtli Helpline

Dan hu l-programm soċjo-reliġjuż li tippreżenta kull ġimgħa Joyce Cassar. Din il-preżentattriċi bi sfond teatrali u akkademiku u b’assoċjazzjoni ma’ Dun Renè Camilleri mill-Fakultà tat-Teoloġija pastorali, kellha l-kuraġġ li tesperimenta matul is-snin li ilha tippreżenta l-programmi fuq One TV, b’forom differenti ta’ ‘spettakli’, inkluz it-teatru-forum, bis-sehem ta’ atturi stabbiliti u mhumiex.

Jumejn qabel il-Milied, Cassar intervistat lill-Isqof Mario Grech dwar it-tifsira tas-Sena tal-Ħniena (2016).  Xi tfisser din is-sena għall-Knisja u għall-fidili?

Għall-Papa Franġisku, il-Ġublew tal-Ħniena hu riflessjoni tal-misteru profond tal-grazzja. Is-Sena tal-Ħniena tikkonferma li Alla jpoġġi l-imħabba u l-miżerikordja qabel il-ġudizzju u l-kundanna, spjega l-Isqof Grech. Is-Sena tal-Ħniena għandha tfakkar fl-istorja ta-Samaritan it-Tajjeb.

Minkejja r-rieda tajba kollha tiegħu...il-Papa Arġentin m’għandux is-saħħa li jimbotta lura l-kurrenti materjalistiċi tal-liberaliżmu-kapitalista tal-Punent

Mons Mario Grech (li jippreferi li jissejjaħ Dun Mario) qabbel il-ħajja ma’ karru tqil, mgħobbi bil-ħmieġ, li Alla jgħin fit-tagħbija. Anki l-Knisja għandha l-karru tqil tagħha.

Il-Bieb tal-Ħniena hu l-bieb li għandu jinfetaħ, mhux jingħalaq. Min-naħa l-oħra, Dun Renè Camilleri fakkar li l-Papa qed jgħid li l-Knisja għandha bżonn “ħniena, mhux sagrifiċċji” (għax dawk għandhom għeruq pagani, li jridu jberrdu l-korla ta’ Alla).

Il-Bieb hu miftuħ ukoll biex il-Knisja toħroġ mill-moffa tas-sagristija, biex tiltaqa’ ma’ dawk t’hemm barra.  Bħala Knisja, konna riġidi u llum irridu l-armi jaqgħu, enfasizza Dun Renè Camilleri.

Ħasra li programm bħal Sejjaħtli Helpline jixxandar f’ħin daqstant tard (10.45pm), bħallikieku qed jitwassal għall-anzjani li jbatu biex jorqdu.

Betlem f’Għajnsielem

F’Arena (One TV), il-Ministru għal Għawdex tkellem dwar il-ħafna possibilitajiet li joffri Għawdex: turiżmu reliġjuż, l-agrituriżmu, l-opra, eċċ.  Mill-banda l-oħra, minħabba li ż-żgħażagħ ma jsibux biżżejjed xogħol, Għawdex jirriskja li jispiċċa fi gżira tal-anzjanità.

F’Arena ngħatat ukoll attenzjoni l-attività reliġjo-etnika Betlem f’Għajnsielem, fejn dan ir-raħal jinbidel fi presepjuħaj b’ħafna nħawi ttrasformati fi rqajja’ ta’ snajja’ bħall-għażil tal-qoton sal-fran jaħdmu bil-faħam, id-dverni u l-kċejjen.

Kien diskuss ukoll il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.  Il-punt hu li l-mina se tagħti ħafna aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ biex isibu xogħol li jixirqilhom.  Mill-banda l-oħra hemm il-kontro-argument li l-mina tista’ tkabbar l-isfreġju ambjentali f’Għawdex bil-periklu li l-gżira tispiċċa konġestata bit-traffiku bħal Malta.

Mal-Gozo Association for the Deaf se jinbeda servizz favur persuni neqsin mis-smigħ. F’Malta hemm ukoll servizz kreattiv għall-għomja, permezz tad-drama, iżda f’Għawdex ma jidhirx li nbdiet attività bħal din.

Lura lejn Betlem f’Għajnsielem, il-proġett ilu jseħħ seba’ snin u bħala medja jieħdu sehem fih 200 ruħ. Kull Milied eluf jaqsmu l-fliegu biex jaraw l-attrazzjonijiet. Hu proġett li jirrekklama tajjeb lill-Għawdex.

More in Blogs