Fis-supermarket

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, mijiet ta’ Maltin spiċċaw refuġjati f’pajjiżhom stess
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, mijiet ta’ Maltin spiċċaw refuġjati f’pajjiżhom stess

Jumejn ilu, waqt li kont qiegħed nagħmel ix-xirja tal-ġimgħa f’wieħed mill-ħafna supermarkets li hawn imxerrda, nisma’ mara anzjana tistaqsi l-prezz ta’ oġġett lil waħda tfajla liebsa l-uniformi u din titlobha terġa’ tistaqsiha bl-Ingliż, appuntu għax Taljana u ma tafx Malti. L-anzjana ddur fuqi minnufih, mhux biex titlobni ħalli nittraduċilha l-mistoqsija iżda biex tilmenta li, “ngħix f’dari u jkolli nuża lingwa li ma nafx. Lanqas nixtri bott ħalib issa ma nista’. Taf kif sirt, mister: barranija f’pajjiżi stess.” 

Mhux lakemm tarmih id-diskors ta’ din il-mara xwejħa. F’għomorha, kompliet tgħidli, qatt ma kellha problema tixtri ħlief meta naqsuha l-flus. Imma issa saret, “barranija f’pajjiżi stess.” 

Imbagħad għiditlha x’inhu l-prezz u l-użin li kien hemm fuq il-ħalib.

F’dan is-sens, ‘barrani’ hija kelma li tindika nuqqas. Li tkun barrani jfisser li jkollok xi ħaġa nieqsa, xi ħaġa li l-oħrajn għandhom imma int le. Id-differenza tissarraf f’nuqqas. U fl-aħħar mill-aħħar, in-nuqqas jissenjala difett, jew għall-inqas skumdità, l-aktar fil-konfront mal-oħrajn li huma ‘ta’ ġewwa’. 

L-ilment ta’ din il-mara jaggrava minħabba l-paradoss tiegħu: ma tistax tkun f’darek u fl-istess waqt tkun ‘barrani’. Loġikament il-barrani u d-dar huma termini li jeskludu awtomatikament lil xulxin. Imma l-osservazzjoni li tagħmel din il-mara fuqha nfisha jagħti lok – paradossalment – li ż-żewġ termini jintrabtu flimkien. 

Attwalment il-paradoss huwa doppju, għaliex il-barranija, (it-Taljana impjegata fl-istabbiliment) hija aktar ta’ ġewwa mix-xwejħa u kellha tkun ix-xwejħa li tibdel il-lingwa u mhux viċiversa.

Inċident bħal dan, li persważ li jseħħ ħafna drabi kuljum, imqar jekk tmur il-Belt tieħu te u żewġ pastizzi u tisserva minn waiter jew waitress li titolbok taqleb il-lingwa, iwasslek tintebaħ kemm fir-realtajiet kontemporanji, kunċetti bħalma huwa dak ta’ nazzjonalità huma nieqsa mill-għeruq, huma effimeri, jew bħal ħafna ħwejjeġ oħra, huma instabbli.

Kunċetti bħalma huwa dak ta’ nazzjonalità huma nieqsa mill-għeruq, huma effimeri, jew bħal ħafna ħwejjeġ oħra, huma instabbli

Fil-każ ta’ din l-anzjana partikolari, imbagħad, hemm konsiderazzjoni oħra x’tittieħed: in-nuqqas ta’ għarfien tal-lingwa l-oħra fisser li din il-mara ma setgħetx tinqeda. Jiġifieri hemm il-fattur tal-kapital kulturali, relatat mal-livell ta’ edukazzjoni, li wkoll għandu sehem importanti. U nafu li l-kapital kulturali huwa marbut ukoll mal-klassi, dak il-fattur soċjali li donnu sar tabù titkellem dwaru.

Din l-anzjana mitlufa qalb il-bottijiet tas-supermarket fakkritni fil-ktieb, Dħaħen tal-Gwerra ta’ Laurence Mizzi, il-ġabra ta’ memorji tat-tieni gwerra dinjija. Malli faqqgħet it-tieni gwerra dinjija u Mussolini bagħat l-ajruplani biex jixħtu l-bombi, ħafna familji min-naħa t’isfel ta’ Malta kellhom jitilqu lejn it-tramuntana tal-gżira, idabbru rashom biex jaħarbu mill-periklu imminenti li l-attakki mill-ajru ġiebu fuqhom ħabta u sabta. Mizzi jirrakkonta li l-familja tiegħu telqet mill-Birgu lejn il-Gudja u spiċċat tgħix f’dar li kienu jaqsmuha ma’ numru ta’ familji oħrajn. 

Mill-Birgu sal-Gudja hemm ftit inqas minn għaxar kilometri, timxihom f’siegħa jew xi ħaġa hekk. Madankollu, Mizzi jiftakar kemm ħassu differenti meta sab ruħu f’dan ir-raħal. Huwa u josserva l-ambjent il-ġdid tiegħu, it-tfajjel Mizzi jisma’ kelma li biha kien qiegħed jiġi deskritt hu u l-familja tiegħu: ‘refuġjati’. Mizzi jitkellem fuq kemm kienu jispikkaw huma bħala refuġjati, refuġjati f’pajjiżhom stess, refuġjati li ġew minn għaxar kilometri ’l bogħod.

Niftakar lil ommi, Bormliża li żżewġet fl-eqqel tal-gwerra, ukoll tuża dik il-kelma meta flimkien ma’ ommha, missierha u ħutha, sabet ruħha tgħix ma’ familja barranija xi mkien Ħal Qormi. Niftakarha tirrakkonta l-iskumdità li batiet meta sabet ruħha tgħix f’dar ħaddieħor ma’ ħaddieħor. U kienu l-affarijiet żgħar li kienu jkidduha l-aktar, pereżempju li għall-ikla ta’ nofsinhar, minflok ma kulħadd ikollu platt quddiemu kienet titpoġġa borma kbira f’nofs il-mejda u kulħadd ideffes l-imgħarfa u jiekol minnha. 

Kienet il-ħajja tar-refuġjati Maltin f’Malta stess; ftit kilometri ’l bogħod mid-dar, ftit kilometri li kienu jagħmlu d-differenza kollha. Imbagħad f’dan l-isqaq f’Ħal Qormi ommi ltaqgħet ma’ ġuvni (refuġjat ieħor mir-Raħal Ġdid) u żżewġitu u komplew bir-rifuġju tagħhom f’Ħaż-Żebbuġ.

Niftakar lil ommi, Bormliża li żżewġet fl-eqqel tal-gwerra, ukoll tuża dik il-kelma (refuġjat) meta...sabet ruħha tgħix ma’ familja barranija xi mkien Ħal Qormi

Għaxar kilometri kollox, li kienu jfissru vjaġġ twil għal min kellu, jum fost l-oħrajn, hekk fid-daqqa u l-ħin, jitlaq minn daru b’ta’ fuqu senduqu inkella jitlef ħajtu taħt xi saqaf imġarraf.

Hemm min jivvjaġġa ferm aktar minn għaxar kilometri. Tisma’ stejjer li qajla jagħmlu sens. Familji li jitilqu kollox warajhom u jimxu, iterrqu u jbaħħru u forsi jaslu sakemm ma jmutux fi triqthom; u forsi jiskansaw il-bibien magħluqa f’wiċċhom. 

M’għandniex xi ngħidu hemm baħar jaqsam (anki metaforiku) bejn it-tfajla Taljana fis-supermarket u t-tfajla li ħarbet tiġri minn pajjiżha, bħalma hemm differenza bejn ix-xwejħa li riedet tiċċekkja l-ħalib u ma setgħetx, u t-tfajla li kellha ddaħħal l-imgħarfa fil-borma mal-imgħaref tal-oħrajn, jew dik li sarret kollox ġo basket tal-plastik u sabet ruħha fuq dgħajsa ma’ mijiet oħrajn li ma kinitx tafhom minn Adam. 

Iżda dawn l-istejjer differenti, li mad-daqqa t’għajn ma juru ebda rabta bejniethom, jippuntaw lejn il-kelma ‘barranin’ u jisfukaw it-tifsira tagħha. 

More in Blogs