Dwar dimostranti u immigranti

Il-poplu Maċedonu tilef il-fiduċja fil-gvern li jmexxih u fil-forzi tal-ordni pubbliku
Il-poplu Maċedonu tilef il-fiduċja fil-gvern li jmexxih u fil-forzi tal-ordni pubbliku

Qajla kont nobsor, il-ġimgħa l-oħra meta kont fuq żjara fil-kapitali Maċedona, Skopje, li kont se nispiċċa qalb eluf ta’ żgħażagħ jipprotestaw b’ħeġġa kbira kontra l-gvern lemini li ilu jmexxi l-pajjiż għal dawn l-aħħar disa’ snin. Mhux talli hekk, talli spiċċajt ngħix mument tassew surreali, bilqiegħda f’ristorant bi kċina tradizzjonali, al fresco, daqs għaxar metri ’l bogħod minn ringiela pulizija ta’ kontra l-irvellijiet li skjeraw ruħhom f’tebqa t’għajn bit-tarki u l-lembubi u l-elmijiet jgħattulhom wiċċhom, u karozzi armati li feġġew minn imkien għaddejjin jiġru minn maġenbi, lejn id-dimostranti li sa dak il-ħin kienu qegħdin jibilgħu l-gass tad-dmugħ. Ma’ min kont beda jirċievi messaġġi u telefonati bl-aħbarijiet minn quddiem il-parlament fejn il-pulizija bdew saħansitra jsawtu lil xi dimostranti. Kien kważi xokk għaliex sa siegħa qabel, mal-wasla fl-ajruport, ma kien hemm ebda sinjal li dik il-belt kienet fi stat ta’ protesta tal-massa li, kelli nsir naf wara, kienet ilha għaddejja ġimgħat sħaħ. 

Il-bidu kien mossa tal-gvern li jbagħbas il-proċess edukattiv. Mill-ewwel ħarġu jipprotestaw l-istudenti tal-kulleġġi, imbagħad l-universitarji u mbagħad il-letturi u l-professuri. L-istudenti u mbagħad anki l-għalliema tagħhom u saħansitra l-ġenituri ffurmaw plena biex jiddiskutu l-qagħda tagħhom. L-istudenti tal-kulleġġi ilhom ġimgħat jikkampjaw lejl u nhar fi ġnien pubbliku, magħruf bħala l-Ġnien tal-Ġurnalisti, faċċata tal-uffiċċju informazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Fi Frar, il-partit fl-oppożizzjoni beda jxandar telefonati ta’ uffiċjali għolja tal-gvern ittappjati b’messaġġi kompormettenti u skandalużi ħafna fosthom dwar każ li fih il-pulizija sawtet u qatlet żagħżugħ fit-triq. 

Bażikament il-poplu Maċedonu tilef il-fiduċja fil-gvern li jmexxih u fil-forzi tal-ordni pubbliku. Wisq skandli, wisq każi suspettużi, inklużi l-inċidenti li seħħew fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, meta tnejn u għoxrin ruħ tilfu ħajjithom waqt ġlied bejn forzi tal-ordni u grupp ta’ nies imsejħa terroristi ta’ etniċità Albaniża. Il-membri prominenti li qegħdin imexxu d-dimostrazzjonijiet u nies oħrajn esprimew xettiċiżmu kbir fil-veriċità tal-istqarrijiet tal-gvern, u qegħdin isostnu li din hija biss xeneġġatura orkestrata biex il-gvern jilleġġitimizza l-użu tal-forza u jqajjem tensjoni.

L-arja ta’ skuntentizza tibda tinħass malli tibda titkellem man-nies tal-lokal, li kollha jispiċċaw jitkellmu fuq “is-sitwazzjoni”. Fuq il-kampus li jospita l-fakultà tal-arti tal-università statali ta’ San Ċirillu u San Metodju, stajt inħoss aktar din l-arja ta’ protesta. Il-kurituri u l-parti ċentrali tal-bini miksija tabelli u strixxuni bi slogans favur il-protesti u kontra l-gvern. L-istudenti jiddiskutu l-istrateġiji li għandhom iħaddmu għall-pass li jmiss. 

Fit-tieni lejla fi Skopje kont mad-dimostranti miġburin quddiem il-parlament. Fost il-ħafna nies li laqqgħuni magħhom kien hemm ukoll Jsmina Golubovska, maqbuda mill-fotografu ta’ Reuters, tiżbogħ xufftejha bil-lipstick aħmar jgħajjat u tbus it-tarka trasparenti ta’ pulizija ta’ kontra l-irvell f’ġest simboliku ta’ protesta. Qaltli Golubovska, “Ridt inpinġi qalb kbira fuq it-tarka. Lill-pulizija staqsejtu kienx se jħallini nagħmillu qalb imma hu talabni ma nagħmilx ħmerijiet. Allura, minflok, stampajtlu bewsa.” Ġuvni ieħor talabni neħodlu ritratt liebes flokk bis-slogan “I protest therefore I am”. Oħrajn bil-bnadar ħomor u suwed bl-emblema tal-anarkija; oħrajn b’kartelluni kontra s-swat tal-pulizija. Kulħadd isaffar is-sfafar tal-plastik. 

Minkejja din l-atmosfera elettrifikanti donnu li kien hemm xi ħaġa nieqsa: id-dimostranti m’għandhomx preżenza simbolika ta’ mexxej jew mexxejja. F’dik il-lejla quddiem il-parlament kien hemm, minn banda, stennija li jsir xi ħaġa, minn oħra mistoqsija bla tweġiba dwar din ix-xi ħaġa x’kellha tkun. Il-partit fl-oppożizzjoni, s’issa, qagħad lura milli jieħu sehem b’mod attiv iżda ma nemminx li jista’ jdum wisq b’dan l-atteġġjament, anki minħabba li l-gvern beda juri l-ewwel sinjali ta’ xquq bir-riżenja ta’ żewġ ministri u l-kap tal-intelliġenza matul din il-ġimgħa li għaddiet.

Jekk tressaq fil-ġenb id-diżastri naturali kbar li jistgħu jolqtu pajjiż u l-gwerer, naħseb li l-agħar esperjenza li jista’ jġarrab poplu hija dik li jisfa’ tradut mill-gvern tiegħu stess. Meta l-forzi tal-gvern iweġġgħu u joqtlu liċ-ċittadini, meta l-mexxejja jikkorrompu jew joħolqu tensjoni, meta, fi kliem ieħor it-tmexxija ssir vjolenti (kemm fiżikament u kemm simbolikament) il-poplu ma jkun fadallu ebda triq oħra għajr dik li jirvella.

Jien u sejjer l-ajurport biex niġi lura, kmieni filgħodu wara lejla oħra ta’ protesti, nara tren bi ftit vaguni taqsam pont fit-tarf tal-belt. It-tren sejra lejn Veles, lokal xi ħamsin kilometru lejn in-nofsinhar ta’ Skopje u minn hemm lejn Belgrad. Fit-23 ta’ April li għadda, l-istess tren qatel erbatax-il immigrant illegali mis-Somalja u l-Afganistan. Ma kinitx l-ewwel darba li seħħ inċident fatali bħal dan. Fil-Mediterran, kif nafu tant tajjeb, l-immigranti jmutu f’qiegħ il-baħar huma u jippruvaw jilħqu l-art mistħajla. Fil-Maċedonja jmutu fuq il-linji tat-tren huma u jippruvaw jimxu magħhom bit-tama li jaslu lejn pajjiżi fl-Ewropa tal-Punent. F’din it-triq tal-mewt l-immigranti jsegwu l-linji li jgħaddu minn widien dojoq ħafna u hemm iseħħu dawn l-inċidenti fatali. Fil-Balkani hemm sistema oħra ta’ traffikar illegali, bl-immigranti jaslu fil-Maċedonja mill-Greċja fi triqthom lejn is-Serbja. L-immigranti, li minbarra mis-Somalja u l-Afganistan jaslu wkoll mis-Sirja u l-Iraq, jagħmlu vjaġġi twal matul il-linji tal-ferrovija biex ma jinqabdux mill-pulizija u ma jitilfux it-triq. Uħud minnhom, minflok, jitilfu ħajjithom. Anki hawn isir ħafna diskors dwar il-ħtieġa ta’ sforzi ta’ koperazzjoni reġjonali, imma anki hawn l-appelli għal din il-koperazzjoni ma jwasslu għal xejn fil-prattika. 

More in Blogs