L-iżball ta' waħda tifla

Immanuel Mifsud

Ir-ritratt li kien ippubblikat oriġinarjament mill-fotografu Osman Sagirli, fejn fih tidher tifla mis-Sirja
Ir-ritratt li kien ippubblikat oriġinarjament mill-fotografu Osman Sagirli, fejn fih tidher tifla mis-Sirja

Wieħed mill-kotba li mqar it-titlu jiġibidlek l-attenzjoni u forsi jħajrek taqrah huwa l-ġabra ta’ saġġi miktubin minn newrologu Oliver Sacks, ‘The Man Who Mistook His Wife for a Hat’, ippubblikat fl-1985. F’dan il-ktieb Sacks jippreżenta erbgħa u għoxrin każ ta’ persuni li moħħhom ma jiffunzjonax kif normalment jiffunzjona u, b’konsegwenza, jagħmlu affarijiet strambi ħafna għaliex ‘jieħdu żball’ f’funzjonijiet li normalment inqisuhom faċli u komunissimi. Il-ktieb kien ġibed tant l-attenzjoni – appuntu minħabba l-istramberiji tal-każi singulari, li Sacks jikteb dwarhom – li Michael Nyman, saħansitra kiteb opra bbażata fuqu ftit wara li ġie ppubblikat. 

Il-ħsieb dwar il-ktieb ta’ Sacks, anzi proprjament dwar it-titlu tiegħu, ġieni waqt li kont qiegħed naqra l-aħbarijiet online f’kamra kwieta fuq il-kampus tal-Università ta’ Chester, bejn sessjoni u oħra ta’ taħdidiet li kont qed nattendi għalihom. Fuq l-iskrin jitla’ wiċċ ta’ tifla, wiċċ sabiħ ħafna, b’għajnejn espressivi jħarsu dritt f’għajnejk u b’dirgħajha mgħollijin ‘il fuq. Ir-ritratt ixxerred fis-siti soċjali tal-internet kollu fi ftit jiem, għalkemm effettivament kien ilu li nġibed u xxandar xi erba’ xhur u, skont il-BBC, kien diġà ħoloq kommossjoni fit-Turkija fejn kien ippubblikat oriġinarjament mill-fotografu Osman Sagirli. It-tifla sabiħa li tidher fir-ritratt hija mis-Sirja, refuġjata ma’ eluf oħrajn, li malli Sagrili għolla l-kamera biex joħdilha ritratt ħasbitha arma u dlonk għolliet dirgħajha f’ġest li jissenjala li qiegħda ċċedi. Tifla ta’ ftit snin li normalment tkun qiegħda tilgħab u tiġri ‘l hemm u ‘l hawn ma’ sħabha, li tkun qiegħda titbissem lejn il-kamera bi tbissima li tikxfilha nofs snienha mwaqqgħin, kienet qiegħda tgħolli dirigħajha għax il-kamera ħasbitha arma! ‘The Girl Who Mistook the Camera for a Gun’. 

Għax hekk jiġri, tista’ tgħid kull darba, li malli xi darba kunflitt traġiku bħal dak li hemm bħalissa fis-Sirja, jiġi b’xi mod riżolt u forsi jgħaddi, inniżluh fil-folji tal-istorja, inqisuh każ li seħh fl-imgħoddi u ninsewh

Imma kuntrarju għall-morda li jikteb dwarhom Sacks, hawnhekk mhux is-suġġett tar-ritratt huwa l-marid. Anzi. In-niket hu li s-suġġett tar-ritratt jagħmel l-iżball proprju għaliex mhuwiex marid, imma qiegħed jgħix f’sitwazzjoni marida tant li ġġiegħlu jieħu żball kbir bħal dan. 

Il-mistoqsija tiegħi mhijiex daqstant minn xiex setgħet għaddiet din it-tifla biex ħadet dan l-iżball. Sfortunatament ilkoll nistgħu nimmaġinaw l-esperjenzi li għaddiet minnhom għalkemm qatt ma nistgħu nifhmuhom jekk ma ngħaddux minnhom aħna wkoll. Il-mistoqsija li dawk l-għajnejn jgħumu fit-twerwir u dawk id-dirgħajn immattra ‘l fuq bit-tama ‘li ma jiġrili xejn’ iġegħluni nistaqsi hija dwar x’se jiġri mill-mument li d-dirgħajn jitniżżlu u l-ħarsa forsi tirrilassa xi ftit. Għax jiġri, tista’ tgħid kull darba, li malli xi darba kunflitt traġiku bħal dak li hemm bħalissa fis-Sirja, jiġi b’xi mod riżolt u forsi jgħaddi, inniżżluh fil-folji tal-istorja, inqisuh każ li seħħ fl-imgħoddi, u ninsewh. Imma għat-tifla li rat kamera ppuntata lejha u ħasbitha arma, il-każ mhu se jirrisolvi ruħu qatt. Wiċċha, li tant ġibed attenzjoni u tant ikkomwova nies u forsi tant xerred dmugħ minħabba l-emozzjoni qawwija li ttrażmetta jintesa, jew l-aktar l-aktar jiġi inkluż f’xi lista tal-aktar mitt ritratt impressjonanti li qatt inġibdu, eċċetra eċċetra, u daqshekk kollox. Imma dit-tifla se tibqa’ tara dik il-kamera ppuntata u se tibqa’ tieħu żball wara żball għaliex l-esperjenza tagħha hija sensiela ta’ żbalji li għamel ħaddieħor u li, miskina, kellha tbatihom hi. X’aktarx li l-akbar żball li dit-tifla se tieħu huwa li d-dinja li qiegħda tgħix fiha hi hija d-dinja normali: appuntu meta l-abnormali jsir in-normalità.

Qiegħed nirrealizza li aktar ‘il fuq iddeskrivejt il-wiċċ ta’ din it-tifla bħala sabiħ. Lanqas jien konvint li huwa kumment f’waqtu dan, meta wieħed jara l-istorja tiegħu. Kemm hu f’loku li fil-biża’, fit-traġiku, fil-kruha, jintlemaħ is-sabiħ ukoll? Kif jafu ħafna din il-mistoqsija ġiet indirizzata kemm-il darba. Proprju jien u nikteb dan l-artiklu niftakar li bħalissa f’pajjiżi tkun għaddejja ‘ċ-ċelebrazzjoni’ tal-qtil ta’ Kristu, bit-teatriċità kollha li biha jiġi ċċelebrat dan l-avveniment. U, iva, din iċ-ċelebrazzjoni għandha s-sbuħija tagħha, tant li nġibu t-turisti u nagħtuhom il-postijiet privilieġġati fuq is-siġġijiet skjerati fuq iz-zuntier ħalli jkunu jistgħu jaraw sewwa l-ġmiel tal-qtil ta’ Kristu. U kien hemm pitturi kbar li pittru l-istess qtil, u kompożituri li kkomponew l-isbaħ mużika, minn Bach sa Andrew Lloyd Weber, biex juru kif anki l-qtil jista’ jidher jew jintwera sabiħ. 

Qisu jiġri, xi kultant, li nieħdu żball u l-ikrah narawh sabiħ u nitfixklu dak li huwa ikrah ma’ dak li huwa sabiħ.

More in Blogs