Is-siġra taż-żebbuġ ta' Ernesto Cardenal

Immanuel Mifsud

Il-lag ta’ Cocibolca, imnejn il-kumpanija Ċiniża trid tħaffer kanal li jinfed in-Nikaragwa
Il-lag ta’ Cocibolca, imnejn il-kumpanija Ċiniża trid tħaffer kanal li jinfed in-Nikaragwa

Konna miġburin f’sala kbira meta ħin minnhom tqum kommozzjoni hekk kif fl-ispazju daħal raġel ċkejken, b’massa xagħar abjad twil ħiereġ għal fuq l-ispallejn minn taħt beritta sewda. Dar-raġel jgħodd disgħin sena u huwa meqjus bħala eroj ta’ pajjiżu, tar-reġjun tal-madwar u tal-ideoloġija xellugija li sa kienet waslet biex xeħtitu fil-qalba ta’ rivoluzzjoni u eventwalment wasslitu wkoll biex jinħatar Ministru tal-Kultura ta’ pajjiżu. Qassis Kattoliku, rivoluzzjonarju Sandinista, segwaċi ferventi tat-Teoloġija tal-Liberazzjoni, fuq kollox poeta li dejjem emmen li l-arti hija att politiku li għandha d-dmir tirrispetta l-poplu għax hija tal-poplu. 

Jismu Ernesto Cardenal, u malli daħal fil-binja li sservi ta’ ċentru kulturali, il-kameras f’idejn il-ħafna poeti minn irkejjen differenti tad-dinja, bdew iberrqu u jirreġistraw xbieha fi xbieha. Ħafna minn dawn il-poeti ffullaw biex ipoġġu ħdejn Cardenal u jimmortalizzaw il-laqgħa tagħhom miegħu ta’ ftit minuti kollox u tellgħu r-ritratti fuq il-paġna tal-facebook tagħhom. Cardenal jitqies bħala ikona mhux biss ta’ pajjiżu n-Nikaragwa imma tad-dinja letterarja. Huwa ma kienx l-uniku kittieb li kellu ħatra għolja fil-gvern Sandinista tas-snin tmenin, aktarx għaliex fin-Nikaragwa l-kittieba, partikolarment il-poeti, kellhom sehem qawwi ħafna fir-rivoluzzjoni anti-Somoza u aktar tard ħafna minnhom kienu responsabbli għall-programmi edukattivi mmirati lejn il-poplu illitterat u t-tixrid tal-kultura popolari. 

Għalhekk meta Cardenal jintlemaħ fost ħafna poeti miġburin ġo sala, l-irjus jibdew iduru u ismu jibda jitlissen b’reverenza li diffiċli tinftiehem f’partijiet oħra tad-dinja. Ftit jafu, jew jiftakru, li fis-snin tmenin, din l-ikona żaret Malta. Antoine Cassar, l-ewwel kittieb Malti li żar in-Nikaragwa, jirrakkonta li b’ċikka skopra l-poeżija “En Malta” li Cardenal kiteb wara li kien żar il-gżira, ippubblikata fil-ġabra “Hidrogeno Enamorado”. “Fuq il-gżira ta’ Malta / bejn il-Libja u Sqallija / żrajt siġra taż-żebbuġ” tibda l-poeżija. Cassar ikompli jirrakkonta li Cardenal kien ġie Malta f’Marzu 1984 fuq stedina mil-Laboratorju tal-Paċi, immexxi minn saċerdot ieħor, Patri Dijonisju Mintoff, għal konferenza dwar il-Paċi u l-Liberazzjoni, żewġ kunċetti li kontinwament iħufu fix-xogħol letterarju ta’ Cardenal. Attwalment Cardenal ħawwel aktar minn siġra waħda taż-żebbuġ, kif tixhed plakka li hemm fil-masġar ċkejken li hemm il-Furjana faċċata tal-lukanda Phoenicia. 

‘En Malta’ hija tislima lill-ġmiel Mediterranju tagħha, lill-istorja politika tagħha li fil-poeżija tilħaq il-qofol tagħha fis-soċjaliżmu

“En Malta” hija tislima lill-gżira, lill-ġmiel Mediterranju tagħha, lill-istorja politika tagħha li, fil-poeżija, tilħaq il-qofol tagħha fis-soċjaliżmu Malti tas-snin tmenin li Cardenal jikkuntrastah mal-preżenza tan-NATO u l-missili li kienet għadha kif stazzjonat fi Sqallija. Hija poeżija tipika ta’ rivoluzzjonarju xellugi minn pajjiż li kellu storja mqallba u mdemmija, kontinwament fid-dell tal-gringos u l-politika intevenzjonista u imperjalista Amerikana. 

Cardenal kien mistieden speċjali f’lejla waqt il-Festival Internazzjonali tal-Poeżija fi Granada. Fil-lejla huwa qara għadd ta’ poeżiji li jittrattaw it-traġedja li qiegħda tmiss il-lag enormi ta’ Cocibolca, imnejn il-kumpanija Ċiniża Hong Kong Nicaragua Canal Development Investment Company (HKND), bil-barka assoluta tal-gvern Sandinista taħt it-tmexxija ta’ Daniel Ortega, trid tħaffer kanal li jinfed in-Nikaragwa ħalli jitħaffef it-tbaħħir fin-naħat tal-Amerika Ċentrali mill-Oċean Atlantiku għall-Oċean Paċifiku. Immexxija mill-proprjetarju tagħha, il-biljunarju Ċiniż Wang Jing, HKND se jkollha drittijiet assoluti tal-proġett li huwa stmat li se jiswa mal-erbgħin biljun dollaru Amerikan. 

Il-proġett tal-kanal sab oppożizzjoni kbira minn sorsi differenti. U Cardenal huwa wieħed minn dawk l-aktar voċiferi fl-oppożizzjoni tiegħu għall-kanal. F’servizz tal-Agence France-Presse ippubblikat fil-15 ta’ Jannar li għadda, Cardenal kien ikkwotat jgħid li l-gvern attwali Nikaragwen qiegħed jittradixxi r-rivoluzzjoni Sandinista tal-1979. Cardenal, l-istess bħal poeti u artisti oħrajn li għandhom passat ta’ attiviżmu militanti fi ħdan il-moviment Sandinista, jiddiżapprova mit-tmexxija ta’ Ortega u l-proġett tal-kanal jarah bħala daqqa ta’ ponn oħra lir-rivoluzzjoni u lin-Nikaragwa. Fl-istess servizz imsemmi, Cardenal huwa ikkwotat jgħid li l-kanal se jfisser it-tmiem tal-Lag u tan-Nikaragwa kollha kemm hi.

Mela filwaqt li s-siġar taż-żebbuġ ta’ Cardenal għadhom jikbru ġmielhom f’Ħal Far u l-Furjana, ir-rivoluzzjoni li fiha kellu sehem importanti, għallinqas kif qed jara l-affarijiet hu flimkien ma’ oħrajn tal-qatgħa tiegħu, qiegħda tmut minħabba l-istess mexxejja tagħha li qed jistħajjilhom tilfu l-boxxla u l-ispirtu. Hija l-ħasra li tfaċċat fil-proċess ta’ diversi rivoluzzjonijiet li seħħew matul l-istorja; ta’ rivoluzzjonijiet anki riċenti li rajna jseħħu madwarna propju ftit tas-snin ilu. U l-ironija hi li ħafna drabi mhumiex l-elementi kontrorivoluzzjonarji li joqtlu l-ispirtu rivoluzzjonarju daqs kemm uħud mill-mexxejja l-aktar kariżmatiċi tagħha. 

Qed nistenna l-vann jgħaddi għalija biex joħodni lejn il-kapitali biex nibda vjaġġ lura ta’ tlieta u għoxrin siegħa. Mal-parapett tal-lukanda jitfaċċa Sergio, ġuvnott ta’ sittax-il sena, wieħed mill-ftit li jafu jitkellmu bl-Ingliż. Jistaqsini mnejn jien, u, ovvjament, jgħidli li qatt ma sema’ b’pajjiżi u b’hekk inpinġilu mappa tal-Mediterran b’tikka żgħira fin-nofs biex nurih fejn se nkun qed nasal l-għada wara nofsinhar. Sergio jistudja f’istituzzjoni edukattiva post-sekondarja. Semmieli xi tmien suġġetti, fosthom l-Ingliż u l-IT. Jixtieq isib impjieg fil-qasam turistiku. “Forsi nsib naħdem bħala waiter,” jgħidli. Jgħix waħdu u ma jistax ikampa u nifhem li l-offerta tiegħu biex jagħtini informazzjoni fuq Granada kienet ewfemiżmu biex jitlobni l-perkaċċi ħalli jkollu biex jixtri x’jiekol. Iġegħelni niftakar kif fil-lejla ta’ qabel, waqt ikla fuq mejda ta’ ristorant għall-apert, kien hemm ġuvnott ta’ mparu u ħuh iżgħar jistennewna bil-ħniena li nixbgħu mill-hamburguensa ħalli jaħtfu l-fdalijiet mill-platti tagħna u jmorru jmaxtruhom fil-kantuniera. Imma Sergio ftit differenti għax għalkemm jaf li qatt mhu se jkollu l-opportunità li jidħol l-università għax m’għandux biex, jixtieq li meta jsir waiter iġemma’ ħalli jżur l-Ewropa. Iħares lejn il-mappa li pinġejtlu bl-addoċċ u jistaqsini fejn hi Pariġi. “Hemmhekk nixtieq immur,” jgħidli. “U fejn hi Ruma? Il-Vatikan?” U nagħmillu marka fuq iż-żarbuna kbira , ftit ʼil fuq mit-tikka li kont urejtu qabel. “Anki hemm nixtieq immur. Ara, mhux ʼil bogħod mit-tikka tiegħek,” jgħidli b’daħqa. “Filkas niġi pajjiżek ukoll kif inkun hemm.”

Imbagħad, minn imkien, jitfaċċa l-vann, diġà mgħobbi sa ruħ ommu. Forsi xi darba jiġi Sergio wkoll, u, min jaf, forsi anki hu jħawwel żebbuġa.

PS: Il-mawra tiegħi fin-Nikaragwa kienet ġentilment megħjuna mill-Malta Arts Fund.

More in Blogs