
Dak il-mowbajl
Toni Abela

Ma tgħaddix ġurnata waħda li ma ġġibx xi kontroversja. Kemm dwar ħwejjeg kbar u kif ukoll dawk li mhux daqshekk kbar. Ma kienx mument li qalulu li jħalli l-mowbajl barra qabel laqgħa li kellu jkollu mal-Ministru Carmelo Abela.Qiegħed ngħid għal Josef Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM.
Iżda f’dan l-artiklu rrid niddikjara kunflitt ta’ interess f’dak li ser nikteb. Qiegħed ngħid hekk, għaliex Josef Vella dejjem għoġobni, kemm dwar dak li jgħid u kif ukoll l-istil tal-mod kif jgħid l-affarijiet. Dejjem ħarist lejh bħala nifs ġdid fit-trejdjunjożmu. Sobriju, kalm u taħt it-tmexxija tiegħu l-UĦM anke ħarġet b’ideat innovattivi, tant li Jobs Plus bħala programm ġie anke adottat mill-Gvern tal-ġurnata.
Għalhekk, kont sorpriż dwar il-mod kif ħadha din tal-mowbajl. Mingħajr ma noqgħod nidħol fil-mertu ta’ din il-kontroversja, laqatni l-mod allarmista li bih ried jiddiskuti din il-kwistjoni fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku. Ried li din il-kwistjoni titla’ quddiem dan il-Kunsill biex tkun diskussa mill-imsieħba soċjali kollha. Meta resqet quddiem dan il-Kunsill mhux l-imsieħba kollha riedu diskussjoni, għalkemm jidher li xorta ta’ pożizzjoni ttieħdet.
Josef Vella xela lill-Gvern, li dan ma kienx sewwa u li kienet għal kollox anti-demokratika li kwistjoni daqshekk “gravi” mhux se tkun diskussa fil-profond f’dan il-Kunsill. Għalhekk nifhem li ħassu offiż b’dak li ġara, għalkemm hemm ukoll l-verżjoni tal-Ministru ta’ kif ġraw l-affarijiet. Iżda wara kollox il-liġi hi li hi. Apparti li naħseb li dan il-kunsill għandu aktar affarijiet importanti x’jiddiskuti, il-liġi hi li hi. Il-liġi hija ċara, li jekk ma jkunx hemm consensus x’għandu jkun diskuss f’dan il-Kunsill, il-kwistjoni ma tistax tkun diskussa. Ma nistax nifhem għaliex qiegħed jallega dan kollu jekk din hi liġi.
“Iżda ma nafux biċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, ma nafux jekk kienx hemm persuna oħra taħt l-ilma miegħu biex jagħti l-allarm jew l-għajnuna f’ċirkostanzi ta’ din ix-xorta. La nafu jekk kienx hemm sistema ta’ sigurtà f’posta. S’issa ma nafu xejn”
Waqt li kienet għaddejja din il-kontroversja, ħarġet l-aħbar li fit-Tarzna miet fuq il-lant tax-xogħol, bugħaddas - missier ta’ triplets. Nafu li għereq. Iżda ma nafux biċ-ċirkostanzi kollha tal-każ. Ma nafux jekk kellux ikun hemm persuna oħra taħt l-ilma miegħu biex jagħti l-allarm jew l-għajnuna f’ċirkostanzi ta’ din ix-xorta. La nafu jekk kienx hemm sistema ta’ sigurtà f’postha. S’issa ma nafu xejn.
M’għandi ebda dubju li xi xorta ta’ inkjesta żgur se jkun hemm. Iżda li jinkwetani mhux wisq l-inċident fih innifsu, iżda kemm dan l-inċident ma ngħatax l-importanza li jixraqlu. Kienet aħbar fuq il-bullettini tal-aħbarijiet, dehret fil-gazzetti, iżda reazzjoni tal-opinjoni pubblika ma jidhirx li kien hemm. La rajt ittri, la spikka xi opinjonista partikolari dwar il-każ u agħar minn hekk, ebda unjin tal-ħaddiema ma spikkat b’xi appell biex inkunu nafu x’ġara lil dan il-missier ta’ tlett itfal. Li żgur joħroġ minn din l-istorja huwa, kemm tassew qed ikun hemm spezzjonijiet effettivi mill-ispettorat dwar is-saħħa tal-ħaddiem fuq ix-xogħol fejn l-aktar hemm xogħol perikoluż. Liġijiet għandna kemm irridu, iżda r-riżors uman biex naraw li dawn il-liġijiet ikunu qegħdin ikunu mħarsa jidher li huma skarsi. M’għandi ebda dubju li hawn ħafna aktar gwardjani u pulizija fl-istaġun tal-kaċċa jduru mal-kampanja, milli hemm spetturi tas-saħħa biex jaraw li inċidenti fatali bħal dawn ma jerġgħux jew aħjar ma jkomplux jiġru.
Meta nara dan kollu, nirrealizza kemm huma rashom ta’ taħt fuq il-prijoritajiet ta’ dan il-pajjiż. Jiena ma nafx jekk jaqgħux fil-kompetenza tal-Kunsilli Malti għall-Iżvillupp Ekonomiku u Soċjali kwsitjonijiet tas-saħħa tal-ħaddiem fuq ix-xogħol, iżda jekk huma, dan l-aħħar inċident għadu jkun diskuss mill-aktar fis possibbli. Għandha tkun diskussjoni dwar x’għandu jsir aktar minn dak li digà saru li ebda missier ieħor ma jħalli lil uliedu ltiema minħabba inċidenti fatali fuq ix-xogħol.
Jekk hemm xi ħadd li għandu jagħmel dan, huma l-unjins tal-ħaddiema. Naħseb naqblu, li l-mewt ta’ ħaddiem fuq ix-xogħol hija bil-wisq aktar gravi u serja mill-kwistjoni tal-mowbajl.