
Min jilbes il-maskra u min ineħħiha
L-Editorjal tal-bieraħ 15 ta' Frar

Normalment kulħadd ixidd xi maskra għal żmien il-karnival. Għalkemm hawn min ukoll li jxidd il-maskra matul is-sena kollha u fil-karnival joħroġ dak li verament hu.
Jidher li dawn iż-żminijiet nebbhu lil Simon Busutttil ixidd il-maskra tal-eks kap tiegħu Lawrence Gonzi. U dak il-wiċċ ‘boyish’ li kien qed jipprova jagħti l-impressjoni li qed jibni partit ġdid ibbażat fuq politika onesta nbidel għal wiċċ li jfakkarna mhux ftit għal dak li deher jixhed quddiem il-PAC li jiftakar ftit u li jemmen li l-iskandlu taż-żejt ġie mibni biex ineħħilu l-par idejn sodi minn mas-siġġu tal-poter.
Dak li dan l-aħħar kien jidher li qed jaħsel idejh minn dak kollu ħażin jew żbaljat li kien għamel il-gvern ta’ Gonzi u f’daqqa waħda xidd maskra li ġabitu jixbah ferm lil Gonzi. Tant hu hekk li anke rrepeta bħal pappagall dak li qal Gonzi dwar l-akbar skandlu li qatt rat Malta fix-xiri taż-żejt fejn ipponta subgħajh lejn min kixef l-iskandlu u li għażel id-data apposta milli lejn skandalizza lil Malta kollha u mela bwietu bil-miljuni. Din il-maskra fil-fatt uriet li m’hemm l-ebda differenza fil-partit li mexxa Gonzi u li issa qed imexxi hu.
Li titfa’ t-tajn fuq min kixef dan l-akbar skandlu li heżżeż lil Malta kollha u tipprova tnessi min fil-verità ħammeġ idejh u butu biż-żejt juri li fil-bini tal-partit ġdid, Simon Busuttil għadu lanqas beda jħaffer biex isib l-blat aħseb u ara kif diġà lesta l-pedamenti.
Bħal ta’ qablu l-whistleblowers jidhru li ma tantx jinżlulu għasel. Anzi donnu li dawn joħolqu l-inkwiet. Anzi skont Gonzi/Simon huma l-whistleblowers li wasslu għall-akbar telfa elettorali fl-istorja politika ta’ pajjiżna għal partit Nazzjonalista.
Iżda anke hawn Simon qed juri maskra differenti minn dik li kien liebes ftit tax-xhur ilu, meta ħoloq diversi fora, kumitati, laqgħat ta’ ‘brain storming’ li kienu ħarġu fil-beraħ ir-raġunijiet (u mhux waħda) tat-telfa drastika li sofra l-partit Nazzjonalista. Dakinhar l-iskandlu taż-żejt ma kienx il-fulkrum tat-telfa, anzi jekk jiftakar sew Simon meta kien liebes il-maskra l-oħra kien qal li jrid ikun differenti minn ta’ qablu. Kien qal li l-arroganza trid titneħħa mill-partit ġdid tiegħu u li jrid jisma’ aktar.
Kieku jilbes il-maskra ta’ dak li wera li kien f’dawn l-aħħar xhur jew inkella jneħħi l-maskra ta’ Lawrence Gonzi forsi jinduna verament kif ġraw l-avvenimenti tal-iskandlu taż-żejt u għaliex ħarġu fiż-żmien li ħarġu. Forsi jinduna li l-whistleblower jew min ħareġ l-iskandlu fil-beraħ ma kienx jagħmel dan lejliet l-elezzjoni li kieku min ingħata l-informazzjoni sena qabel mingħand membru tas-sigurtà tiegħu ħa passi fuqha dakinhar ma kienx jispiċċa jiddiskuti fuq skandlu waqt kampanja elettorali. Kieku l-informazzjoni m’għaddietx taħt shredder l-każ ta’ dan l-iskandlu kien ikun magħruf mal-pubbliku sena qabel l-elezzjoni.
Il-poplu għandu bżonn partit vera ġdid biex l-oppożizzjoni tkun waħda kredibbli li permezz tal-indafa tagħha tista’ tiġġieled jew tkun ta’ ‘watch dog’ fuq il-gvern preżenti. Simon Busuttil irid juri bil-fatti li hu għandu ideat ġodda ta’ politika vera nadifa u mhux jipprova jitfa’ t-tajn fuq min kixef skandlu ta’ miljuni ta’ ewro iżda juri kemm jemmen f’politika onesta billi jgħin biex min hu jew huma ħatja ħammġu jdejhom biż-żejt għandhom jieħdu dak li ħaqqhom.
Nisperaw li l-maskra li libes Simon kienet biss għal żmien tal-karnival!