L-importanza tal-komunikazzjoni bejn koppja fuq is-sess

Opinjoni minn psikologu li qed jispeċjalizza bħala sessologu li jiltaqa’ mad-dinja tal-BDSM

Ilbieraħ ħareġ il-film Fifty Shades of Grey. L-entużjażmu għalih huwa kbir, tant li l-Ħamis f’Londra eluf kbar kienu qegħdin diġà preparati għall-ħruġ ta’ dan il-film. Bħala psikologu li qiegħed nispeċjalizza bħala sessologu nħoss li hemm xi punti li tajjeb li nagħmel, speċjalment minħabba li xogħli jlaqqagħni mad-dinja tal-BDSM (Bondage Dominance Submissive Masochistic).

Lil hinn mill-kummerċjaliżmu u l-għagħa li hawn dwar dan il-film, importanti li niftakru li kull rapport sesswali għandu jibda, jiżvolġi u jispiċċa b’kunsens miż-żewġ partijiet. Kunsens hija meta persuna tgħid Le jew Iva b’mod volontarju, verbali, onest, mhux kostretta u b’mod kontinwu.

Importanti wkoll li niftakru li ħafna mill-kunflitti li jkollna fir-relazzjonijiet tagħna huma sforz il-kontroll li nkunu rridu fuq il-partner tagħna, u anke fuq ħafna mill-aspetti tal-ħajja tagħna. Irridu naħdmu biex fir-relazzjonijiet tagħna jkun hemm kemm jista’ jkun bilanċ tal-poter. Shared power, huwa component essenzjali ta’ relazzjoni b’saħħitha. Dan ifisser li l-individwi involuti fir-relazzjoni għandhom iħossu li għandhom vuċi ndaqs fl-aspetti kollha tar-relazzjoni tagħhom, u ż-żewġ partners għandhom iħossuhom sikuri u rispettati fir-relazzjoni.

Aspett ieħor ta’ shared power hija li ż-żewġ partners ikollhom sehem indaqs meta jittieħdu (jiġu nnegozjati) id-deċiżjonijiet. Aspett importanti tal-enerġija komuni huwa l-innegozjar. Negozjar ifisser li ż-żewġ partners jiddikjaraw il-bżonnijiet tagħhom dwar xi ċirkostanza partikolari, u jipprova jintlaħaq kompromess sabiex il-ħtiġijiet ta’ kull persuna jiġu sodisfatti. B’dan il-mod iż-żewġ individwi jħossuhom kemm rispettati, kif ukoll validati.

L-aħħar aspett li xtaqt nitkellem fuqu huma l-konfini. Boundaries b’saħħithom huma wkoll importanti ħafna f’relazzjoni b’saħħitha. Spiss meta nitkellmu dwar konfini, l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħna hi boundaries fiżiċi. Dawn it-tip ta’ boundaries huma importanti biex inkunu nafu liema tip ta’ mġieba, attitudni u kliem kif ukoll liema tip ta’ attivitajiet sesswali, aħna komdu nagħmlu. Sussegwentament huwa importanti li nikkomunikazzjonaw dawk il-konfini mal-partner tagħna.

F’jum San Valentinu kemm hu sabiħ li nibdew ngħidu "inħobbok", "jiena qiegħed hemm għalik", nitkellmu iżjed fil-fond dwar is-sesswalità tagħna, il-fantasiji sesswali tagħna, il-problemi sesswali, il-bżonnijiet tagħna, l-aspettattivi tagħna, il-boundaries fir-relazzjoni tagħna, x’inhu rispett u x’mhux, u ħafna iżjed. M’hemm xejn ħażin f’dan kollu. Bis-sesswalità u l-komunikazzjoni tagħna nistgħu nagħtu dinjità ikbar lill-persuna tagħna u lill-partner tagħna. Tajjeb li niftakru li r-relazzjonijiet, iż-żwieġ, is-sess u l-familja mhumiex xi ħaġa maġika jew awtomatika. Ma jikbrux waħedhom. Ir-relazzjonijiet, iż-żwieġ u l-familja, speċjalment, mhumiex kwistjoni ta’ good luck jew bad luck. Ir-relazzjonijiet u l-familja huma frott ta’ impenn dejjiemi, ġurnata wara l-oħra, bis-sehem indaqs tal-persuni involuti. Huwa bis-saħħa ta’ hekk li relazzjoni/żwieġ tikber, tisbieħ, timmatura u tiffjorixxi.

More in Blogs