
Id-daħka fuq il-wiċċ
Id-daħka fuq il-wiċċ li ma tkunx daħk fil-wiċċ

F’dinja miżgħuda bit-teknoloġija, teknoloġija ta’ kull tip li tipprova tgħinek biex qatt ma tħossok waħdek, hawn ħafna persuni li jbatu minn solitudni. Persuni li jħossuhom waħedhom. Persuni li jagħlu għax jisbaħ u jieħdu r-ruħ meta d-dinja tiskot fid-dalma u fis-skiet, għax dak is-skiet iserraħhom. Dak is-skiet bħal donnu jgħidilhom li bħalissa kulħadd qed iħossu waħdu u ħadd mhu qed jitkellem ma’ ħadd.
Iżda x’inhu dak li qed jikkawża l-bniedem li jħossu waħdu anke jekk imdawrin, ibbumbardjati, soffokati, b’mezzi li ma jħallunix waħedna? Fuq Facebook, b’mijiet, eluf ta’ ħbieb li forsi nafu sew tletin minnhom. L-internet ilaqqagħna ma’ għexieren ta’ persuni ġodda, li nsiru nafuhom sew, virtwalment, u nħossuna komdi magħhom sakemm ma jgħosfrux ma’ sbiħ il-jum u qisu qatt ma kien xejn. Ċelebritajiet b’miljuni ta’ segwaċi li jaslu biex jikkomettu suwiċidju għax għalihom tkun dik l-unika deċiżjoni, anke jekk fil-pubbliku jidhru li wiċċhom għad-dawl.
Is-solitudni taħkem lil diversi, anke lil dawk li fid-deher ikunu mdawrin bin-nies il-ħin kollu. Is-solitudni ma tiġix għax ma jkollokx ħbieb u qraba ma’ min tqatta’ ħinek, is-solitudni tista’ tiġi għax in-nies ta’ madwarek, li jkunu miegħek il-ħin kollu, jġiegħluk tħossok waħdek.
Is-solitudni ma taħkimx biss l-anzjani, waħedhom f’darhom, iżda taħkem ukoll liż-żgħażagħ, esposti għal dak kollu li qed jagħmlu żgħażagħ oħra fuq l-internet u jħossu li qed jitilfu, li l-gost tagħhom mhux sabiħ daqs gost ħaddieħor, għallinqas kif jidher. Is-solitudni jħossuha ġenituri li taw kollox għal uliedhom iżda wliedhom bilkemm jikkunsidrawhom u jwasslu biex il-ġenituri jħossuhom falluti fil-missjoni ta’ ħajjithom. U l-falliment ikrah, il-falliment diffiċli biex taċċettah, il-falliment ma jħallikx tara dak li jkun għad fadallek f’ħajtek iżda joħnoqlok il-vista t’għajnejk u jiddominalek moħħok.
Id-daħka fuq il-wiċċ tista’ ma tkunx verament daħka, imma tkun appuntu, daħk fil-wiċċ, xi ħaġa li tinganna, qoxra li turi xi ħaġa friska minn barra u tgħatti l-imnawwar ta’ ġewwa. Għax il-bniedem jiddejjaq juri eżatt x’hemm fuq ġewwa u b’hekk jilbes id-daħka biex jiddieħak b’ta’ madwaru u jevita l-ħafna mistoqsijiet ta’ x’ġara u x’ma ġarax.
U s-soċjetà preżenti x’qed tagħmel fuq dan? X’effett qed tħalli l-kuxjenza li nqajmu għall-inklużjoni u l-aċċettazzjoni tad-diversità? Nitkellmu fuq kull tip ta’ kundizzjoni u nxerrdu l-għarfien biex il-bniedem dejjem isib l-appoġġ u l-għajn tal-għajnuna iżda mbagħad nevitaw li nsemmu s-suwiċidju u s-solitudni. Bħal donnu ħadd ma jkun irid jitkellem fuq dawn l-affarijiet għax forsi ngħidu aħjar le. Imbagħad nintebhu li dawn is-suġġetti għandhom jiġu diskussi, dawn huma ħsus u ħsibijiet li jistgħu jolqtu lil ħafna persuni mill-kennies li jiknes quddiem biebek għall-attur, kummidjant favorit tiegħek b’miljuni ta’ segwaċi minn madwar id-dinja.
Wasal iż-żmien li nittrattaw dawn is-suġġetti fil-beraħ. Li nkunu konxji ta’ dak li jintqal madwarna, tal-bidla fl-attitudni fin-nies ta’ madwarna u nkunu aħna stess li nikkontribwixxu biex il-proxxmu jkollu d-daħka fuq il-wiċċ li ma tkunx sempliċiment daħk fil-wiċċ.