Il-konferenzi stampa!

Xemx u xita, ta’ kuljum il-ġurnalisti jridu jiġru minn post għall-ieħor biex ilaħħqu mal-appuntamenti tal-ġurnata. Illum m’għadhiex possibbli li ġurnalisti jieħdu noti u jmorru lura jiktbu r-rappurtaġġ bil-kwiet fil-kmamar tal-aħbarijiet rispettivi tagħhom. Id-dinja diġitali li qed ngħixu fiha tirrikjedi li l-informazzjoni titwassal lill-qarrej immedjatament. Illum, min joħroġ l-aħbar l-ewwel, jieħu punt u ċapċipa!
Biex il-poplu jkun jaf x’qed jagħmel il-gvern, l-uffiċċju tal-Prim Ministru kif ukoll il-Ministeri kollha, għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom sezzjonijiet fi ħdanhom li jaħdmu speċifikament sabiex iwasslu l-messaġġ ta’ ħidmet il-gvern u l-ministri lil mezzi tax-xandir. L-għan aħħari jkun li dan il-messaġġ finalment jasal għand il-poplu. L-istess isir anke mill-kamp tal-oppożizzjoni.
Ta’ kuljum isiru diversi konferenzi stampa f’ħinijiet u postijiet diversi fejn tingħata informazzjoni lil ġurnalisti. Matul l-aħħar snin, li twassal il-messaġġ waqt konferenza stampa, żviluppa wkoll b’mod ‘kreattiv’ li mhux neċessarjament dejjem ikun ta’ għajnuna speċjalment għal min irid imur jagħmel ir-rapurtaġġ. Konferenzi stampa f’uffiċini bilqiegħda fuq siġġu dejjem huma aħjar għal min irid isegwi dak li qed jingħad u jikteb dwaru. Mhux l-istess jista’ jingħad għal konferenzi stampa li qed isiru ma’ kullimkien, inkluż f’toroq b’nies u traffiku għaddej madwar il-kelliema u l-ġurnalisti bilwieqfa li b’xi mod iridu jisimgħu, jistaqsu, jiktbu u jirrapportaw.
Mhux kull suġġett ikun interessanti għar-rapurtaġġ u hija tedjanti meta l-ġurnalist irid jirrapporta l-botti u r-risposti bejn iż-żewġ partiti jew inkella jisma’ tgħawwiġ ta’ fatti u figuri biex sempliċiment dak li jkun jidher aħjar jew li qed iżomm ruħu impenjat. Hija wkoll prattika normali li ċerti ħinijiet ma jinżammux u l-konferenzi jibdew tard b’detriment għal ġurnalist li jkollu appuntamenti oħra ppjanati fil-ġurnata u li jispiċċa ma jlaħħaqhomx. Iżda fost l-aktar każijiet riċenti, kien hemm it-tħabbira tat-tibdil fil-kabinett fejn il-ġurnalisti tħallew jistennew barra l-palazz tal-Girgenti qishom xi parassiti. Kienet ukoll umiljanti għal ġurnalisti li wara li ġew mgħajta u tħallew jistennew barra għal ħin twil, intbagħtulhom ftit gallettini u luminata biex jitrejqu filwaqt li l-informazzjoni ħarget ċlikki ċlikki permezz tal-mezzi soċjali. Hija inaċċettabbli li dawn l-affarijiet qed jiġu organizzati minn nies stess li sa ftit ilu kienu ġurnalisti huma stess u li llum qed jokkupaw karigi ta’ uffiċjali tal-komunikazzjoni u relazzjonijiet pubbliċi. Dawn in-nies suppost li jafu ferm aħjar u żgur li bi ftit tal-ħsieb jistgħu jagħmlu l-ħajja ftit aktar faċli għall-ġurnalisti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

More in Blogs