L-Awstrija: passaporti jiswew €2.5 miljun

L-Awstrija qed tgħid li qatt ma biegħet iċ-ċittadinanza. Mhux bħal Malta, qed tgħid l-Awstrija. I

L-Awstrija qed tgħid li qatt ma biegħet iċ-ċittadinanza. Mhux bħal Malta, qed tgħid l-Awstrija. Issa beda ħiereġ dejjem aktar ċar kemm hemm pajjiżi fl-UE li, taħt forma jew oħra biegħu jew qed ibiegħu iċ-ċittadinanza. Imma fil-Parlament Ewropew, fuq instigazzjoni tal-MEPs Maltin stess, Malta kienet identifikata b’isimha.

Dawn il-patrijotti għad iridu jagħmlu l-kontijiet mal-istorja. Viviane Reding taf li l-Awstrija toffri ċ-ċittadinanza u passaport għal minimu ta’ €2.4 miljun. Taf li skont l-iskema Awstrijaka, min jingħata passaport irid ikollu sfond finanzjarju eċċellenti, ma jkollux sfond kriminali, sfond “solidu” fin-negozju u referenzi tajbin.

Dan Reding tafu kollu u taf li l-unika differenza bejn l-Awstrija u Malta hi kemm jiswa’ l-passaport.

Anki l-Istati Uniti tbigħ il-passaporti billi taċċetta residenti li jistgħu jħallsu nofs miljun dollaru. Anzi, għandha skema ta’ lotterija dwar lil min toffri residenza u mbagħad, wara ammont ta’ snin, il-passaport Amerikan.

Malta trid tkompli l-battalja li hi mhux agħar mill-Awstrija, minn Ċipru, mill-Ungerija u membri stati ohra. Hu tal-mistħija li għall-kapital partiġġjan, MEPs Maltin qed jattakkaw lil Malta stess b’isteriżmu u b’manija.

PUBBLIĊITÀ GRATIS: IN-NAIVITÀ TAR-RIVER OF LOVE

Ħafna nies bħali nnutaw kemm naqas il-kontenut politiku mill-programm Xarabank. Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għal dan, fosthom kawtela ġdida għall-konvenjenza.  Minflok, Xarabank jaħtaf l-opportunità għal dak li hu sensazzjonali. Din wara kollox dejjem kienet il-formula għas-suċċess populist tiegħu.

F’mument meta Malta għaddejja mis-saga dwar iċ-ċittadinanza, il-programm qabad play (daqstant ieħor sensazzjonalista) dwar il-gays u l-lesbjani u ħoloq speċi ta “dibattitu” bejn ir-reġista tagħha u membru tal-grupp River of Life, li għamlu l-akbar pjaċir li setgħu jagħmlu lill-producers meta wissew lin-nies biex ma jmorrux jarawha. 

Dawn il-gruppi Kristo-Bibbliċi għadhom naive biżżejjed li ma jindunawx li qed jagħtu pubbliċità enormi kull meta joħorgu jikkundannaw xogħol teatrali. Ikunu qed jaċċertaw li l-pubbliku jmur bi ħġaru biex jara l-“oxxen” fuq il-palk.  F’dal-każ, il-pubbliċità b’ritratti ta’ rġiel u nisa nofshom għarwenin fuq sodda, diġa’ kienet biżżejjed biex timpressjona lill-udjenzi li issa, bis-saħħa ta’ Malti-Kanadiż li deher jippontontifika fuq NET-TV Malta jeħtieġ timmatura.

Billi t-teatru joħroġ posters b’atturi għarwenin, mhu se jsir ebda evolviment matur. Fl-Awstralja, pereżempju, ilu li kien introdott ħamsin sena. L-interlokutur minn River of Love kellu punt ewlieni. Mhux bibbliku, imma psiko-soċjali: x’qed tagħmel tarbija f’nofs salt irġiel u nisa jippużaw semi-nudi fuq sodda, kollha jmissu lil xulxin biex jidhru anti-konvenzjonali?

IL-VATIKAN U L-BŻONN TA’ AZZJONI

Il-play kienet reklamata fil-media soċjali u dan iwassalni għall-messaġġ li għadda f’dawn il-ġranet il-Papa Franġisku dwar il-kelma u r-riflessjoni li hemm bżonn biex naraw x’qed jiġri bil-media diġitali, kif qed taffettwa lin-nies u kif qed tibdlilhom ħajjithom. Franġisku appella għal “injezzjoni ta’ kalma u tenerezza, mhux permezz tal-wajers, imma tan-nies.”  Mill-ġdid, f’Jum il-Komunikazzjoni, reġa’ kkundanna “l-qasma skandaluża li hemm bejn l-għonja u l-fqar.”  

Iżda dan hu messaġġ li mhux qed jasal lid-dinja politika. Hu ċar li messaġġ ta’ kull tant żmien, elf kelma mgħoddija bir-rettorika tas-soltu, mhu jagħmel xejn biex ibiddel dan l-istat ta’ fatt.  Li hemm bżonn hu l-kuraġġ li l-Vatikan jaffronta direttament u jimmobilizza kontra l-istituzzjonijiet politiċi.

Inkella l-kliem se jibqa’ biss kliem.

IL-MEDICINI “OUT OF STOCK”

Kif qatt jista’ jkun li Malta tibqa’ taċċetta li mediċini vitali (anki kontra l-kanċer) imorru out of stock? Kif qatt dan il-pajjiż ta’ ħniena jista’ jaċċetta li min jissupplixxi dawn il-mediċini kontra t-tbatija u l-miżerja tal-kanċer idum ma jġibhom u jieħu l-miżuri kollha ta’ procurements biex il-mediċini ma jonqsux?

Il-frażi out of stock għandha tkun ikkanċellata darba għal dejjem mid-dizzjunarju mediku ta’ Malta. Wara kollox hekk kien wiegħed il-Partit Laburista.

IL-KO-EDUKAZZJONI U L-MUT

Issa x’se terġa’ toħloq l-Union tal-Għalliema dwar il-ko-edukazzjoni? X’inhuma l-mottivi veri għaliex reġgħet bdiet tagħmel il-bsaten fir-roti u trid aktar konsultazzjoni? Liema konsultazzjoni?  Ma sarux paroli biżżejjed u Malta hi, prattikament, l-uniku pajjiż ċivilizzat li ma joffrix edukazzjoni fi klassijiet imħallta? Jew il-“konsultazzjonijiet” għandhom x’jaqsmu ma jekk l-għalliema jeħtieġx li jkunu mċaqilqin jew le?

More in Blogs