
Opportunità biex inwasslu messaġġ

Nhar is-Sibt 24 ta’ Mejju l-poplu Malti, u dak Ewropew, qed jiġi msejjaħ biex joħroġ jivvota sabiex jeleġġi l-Membri Parlamentari Ewropej. Dan qed isir wara kampanja elettorali ta’ ħames ġimgħat li matulha rajna lill-mexxejja taż-żewġ partiti f’konfront dirett ma’ xulxin.
Rajna kampanja li kienet ibbażata fuq il-prestazzjoni tal-gvern Laburista li tela’ fil-gvern f’Marzu 2013 bil-Prim Ministru Joseph Muscat jagħti rendikont wieħed wara l-ieħor dwar l-operat tiegħu filwaqt li min-naħa l-oħra l-oppożizzjoni Nazzjonalista tikkritika l-istess ħidma.
Assistejna għal diversi laqgħat ta’ djalogu miż-żewġ naħat u konferenzi stampa bla waqfien. Ħafna minn dak li ntqal fil-konferenzi stampa ftit li xejn kellu sugu għall-elettorat, li nhar is-Sibt se joħroġ jivvota biex jagħżel is-sitt kandidati li ser jirrappreżentaw lill-pajjiżna fl-ogħla istituzzjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew.
Sezzjoni mill-poplu fehem li jiġri x’jiġri nhar is-Sibt li ġej, xejn mhu se jinbidel mill-kamp politiku lokali u forsi hu għalhekk li hemm ħafna nies li mhux qed juru ebda interess f’dak li qed jingħad matul din il-kampanja elettorali. Jiġri x’jiġri nhar is-Sibt, l-istess partit Laburista se jibqa’ fil-gvern imexxina għal ftit anqas minn erba snin oħra. Imma hemm oħrajn li jridu juru l-appoġġ tagħhom lil Joseph Muscat.
Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem bla heda biex itella’ t-tielet siġġu u għalhekk, jekk jirnexxilu jikseb dan ir-riżultat, ikun qed jidher bħala l-partit li taħt it-tmexxija ġdida ta’ Simon Busuttil beda jirkupra bil-mod mid-disfatta massiċċa li sofra fl-elezzjoni lokali ta’ Marzu 2013 b’Lawrence Gonzi bħala Kap.
Jekk il-partit Nazzjonalista, li qala’ tkaxkira ta’ 36,000 vot, jirnexxilu jtella’ t-tielet siġġu, aktarx ikun interpretat bħala vot ta’ fiduċja assoluta fit-tmexxija ta’ Simon Busuttil. Imma dan mhux il-każ. Jekk id-distakk jibqa’ fl-isfera ta’ 20,000 Busuttil ma jistax jgħajjat vittorja.
Minn naħa tal-Partit Laburista, l-Prim Ministru u mexxej tal-partit Joseph Muscat qed jidher pubblikament irrassenjat li għalkemm se jikseb il-maġġoranza tal-voti, mhux se jżomm ir-raba’ siġġu li kellu matul din l-aħħar leġislatura tal-Parlament Ewropew.
Is-sondaġġi li saru matul l-aħħar ġimgħat baqgħu juru li l-maġġoranza tal-elettorat hi favur il-partit Laburista kif ukoll li Joseph Muscat, fuq livell personali, għadu jgawdi l-maġġoranza tal-appoġġ meta kkumparat mal-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Jinħass però l-fatt li hemm numru mhux żgħir ta’ partitarji Laburisti li huma diżillużi. Partitarji li taw is-sostenn tagħhom lil Muscat biex jirbaħ l-elezzjoni tal-2013 u li għal xi raġuni ntesew jew ma ħadux dak li xtaqu. Dawn jistaqsu speċjalment fejn hi l-meritokrazija li tant saħaq fuqha l-istess Muscat.
Hemm ukoll oħrajn li għadhom ma jistgħux iniżżlu l-fatt li nies magħrufa għat-twemmin Nazzjonalista tagħhom, u li tant għamlu ħsara l-partit Laburista meta kien fl-oppożizzjoni, ingħataw karigi jew inżammu f’posthom bil-barka tal-Prim Ministru.
Iżda għal dan it-telf ta’ voti msemmi, Muscat rebaħ il-vot ta’ persuni ‘gay’ bl-introduzzjoni tal-unjoni ċivili, inkluż id-dritt għall-adozzjoni, għal persuni tal-istess sess. Dan wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li l-partit Nazzjonalista jastjeni meta ttieħed il-vot fil-Parlament.
Fi ftit kliem, il-poplu se joħroġ jivvota biex jeleġġi sitt membri Parlamentari Ewropej li ftit li xejn jaf fuqhom u l-kompetenzi tagħhom. Il-poplu jaf biss li dawk eletti se jkollhom salarju komdu ħafna u għalhekk hemm din l-apatija fost l-elettorat biex joħroġ jivvota.
Għal ħafna, din l-elezzjoni mhi xejn ħlief opportunità tajba sabiex iwasslu messaġġ ċar lil min qiegħed fis-siġġu tal-poter.