Georgie

Hemm imwiet u mwiet. Hemm imwiet li tisma’ bihom u jsewdulek qalbek. Hemm oħrajn li minbarra li jnikktuk jieħdu magħhom parti minnek.

Hemm imwiet u mwiet. Hemm imwiet li tisma’ bihom u jsewdulek qalbek. Hemm oħrajn li minbarra li jnikktuk jieħdu magħhom parti minnek. Waħda minn dawn l-imwiet kienet dik tal-Avukat George Cutajar. Meta smajt biha ħassejt li mietet parti oħra minn ħajti. Il-parti tal-istudent tal-liġi u dik ta’ avukat.
L-aktar li ħasditni mhux il-mewt tiegħu iżda l-ewwel darba li sirt naf li ma kinx jiflaħ. Kont qiegħed Sqallija ma’ xi ħbieb. Ċempel il-mobile u kien ħuh Anthony. Tani l-aħbar li kienu se joperaw lil George b’urġenza. Meta qalli għaliex bqajt mibluh. Wieħed minn nies li tant mimli ħajja u tista’ tgħid bqajna qrib xulxin għal dawn l-aħħar 25 sena ntlaqat minn xi ħaġa li kont naf mhux ser taħfirhielu.
Jien u George konna koppja stramba iżda fl-istess ħin b’rispett kbir lejn xulxin. Minn meta konna ltqajna l-ewwel darba fuq il-bank tal-Università għal xi raġuni dejjem spiċċajna ħdejn xulxin. Konna ċari ma’ xulxin dwar dak li naqblu u ma naqblux fuqu. It-tnejn li aħna konna politikament ikkargati. Jiena Laburist u George Nazzjonalist. Konna ma naqblux fuq politika iżda dejjem fdajna b’għajnejna magħluqa lil xulxin.
Meta rajtu l-ewwel darba, l-impressjoni li ħadt kienet li kien xi wieħed ta’ arani u tkellimnix. Ma ninsa qatt meta fl-ewwel sena tagħna fil-kors tal-liġi ġie ħdejja u qalli “Nista’ noqgħod ħdejk xbin?” Postu żammu ħdejja għal bqija tas-snin li konna flimkien fil-kors. George kien ġej minn familja relattivament tat-tajjeb. Missieru kien magħruf għall-għasel. Għalkemm ma kienx xi wieħed magħruf għall-karizzi, kultant żmien kien jagħtini flixkun għasel u kien jgħidli “Ħa, agħtih ’l ommok… tajjeb għall-irjiħat.” Kien iħoss li għandu jipproteġini għaliex kien jaf li ma tantx kont tat-tajjeb. Mhux l-ewwel darba li konna nkunu fil-canteen tal-Università u minn taħt l-ilsien kien jgħidli: “Il-ħobża u l-Coca tiegħek lesti.”
Taħt il-karattru “goff” li kellu, kien hemm persuna oħra li ftit li xejn kienu jafu biha nies. Kien hemm bniedem ieħor li jaf jagħder u jħenn. Meta darba kont qiegħed l-isptar b’attakk qawwi ta’ pnemonja ġie jarani darbtejn. Kull darba biex jinkini kien jgħidli “Ibża’ għan-nifs. Ser ikollok bżonnu għax fl-elezzjoni li ġejja ser naqtgħuhulkom!” Il-battuti politiċi tiegħu, bħal ma jiena kelli tiegħi għalih, kienu maħsuba mhux biex iweġġgħu iżda biex jinki u jiċċajta.
Okkażjoni oħra li qatt ma nista’ ninsa kienet meta ħriġt għal deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Infetħu l-kanuni kollha fuqi. Bħalma kien hemm min faħħarni kien hemm min ħareġ kontra tiegħi qatta’ bla ħabel. Bdew jgħidu minn kollox fuqi. Mingħajr ma qalli George ħareġ jiddefendini f’gazzetta lokali bl-Ingliż. Bħal ma jien ser ninsa qatt lil dawk li waqqgħuni għar-ridikolu, b’uħud minnhom illum jinsabu fil-Partit Laburista, qatt ma ninsa lil George joħroġ rasu għalija. Qisu ried jgħidli: “Forsi miegħek jiena m’iniex, iżda ħdejk kont fil-kors u ħdejk se nibqa’!”
Għal xi raġuni jiena u George kellna rispett lejn xulxin mingħajr ma ddikjarajnih. Għal ħabta tal-1992 sabni u qalli “Jiena u ħuti sibna uffiċċju Ħ’Attard trid tidħol magħna!” Biex niċċajta għidtlu li jekk inkunu flimkien tgħidx kemm nagħtu. Qalli qatt ma tajna fil-kors ħdejn xulxin ser nagħtu issa kamra ma’ kamra, b’ħajt jifridna? Staqsejtu fejn kien dan l-uffiċċju. Weġibni b’nofs tbissima: “Bieb ma’ bieb mal-każin tal-Partit Nazzjonalista!” Għall-ewwel ħsibt li qed jiġbidli saqajja iżda kien minnu.
Ili f’dan l-uffiċċju ħdejh, kamra ma’ kamra miegħu għal dawn l-aħħar 22 sena. Li riedni ħdejh kien sinjal ta’ fiduċja fija. Li jiena aċċettajt kien sinjal ta’ fiduċja fih. Għal 22 sena sħaħ qatt ma kellna xi ngħidu, imqar fuq xi ħaġa żgħira. Dejjem konna rġiel ma’ xulxin. Ftaħna għajnejn xulxin meta lmaħna l-periklu riesaq lejn xi wieħed minna. Għenna lil xulxin fil-mument diffiċli u ta’ bżonn. Bħal ma dejjem ħassejt fil-konfront ta’ ħafna oħrajn li kienu fis-sitwazzjoni tiegħu, xtaqt li għamlit aktar għal George biex imqar intawwallu ftit aktar ħajtu.
Kien għamel żmien li bired mill-Partit Nazzjonalista għaliex George kien ammiratur kbir ta’ Eddie Fenech Adami. Iżda l-bruda tiegħu kienet waħda temporanja. Kienet dik it-tip ta’ bruda li jħossu l-għarajjes għal xulxin iżda li jibqgħu jħobbu lil xulxin. Fil-fatt fl-aħħar elezzjoni ma ddejjaqx joħroġ fil-beraħ qatta’ bla ħabel favur il-Partit Nazzjonalista. Il-bloggs tiegħu kienu mill-aktar inċisivi. Dawk li kienu ħadu ħafna aktar minnu waqgħu fis-silenzju u hu, li kien tilef dak li kellu, ħareġ jiddefendi lill-Partit tiegħu fil-beraħ u mingħajr kantunieri.
Meta staqsejtu x’fettillu li reġa’ ħareġ fil-beraħ kellu spjegazzjoni waħda: “Il-prinċipji tiegħi mhumiex marbutin ma’ xi ħadd iżda mal-lealtà politika lejn il-Partit Nazzjonalista!” Kien jaf li kien hemm telfa ġejja u għażel li jiddefendi fil-mument li l-aktar kellu bżonn il-Partit tiegħu.
Ma ilux wisq li kien l-uffiċċju. Kull meta kien jidħol dejjem kien isellimli billi jistaqsini “Int orrajt?” Baqa’ jagħmel l-istess sa ftit ġimgħat ilu. Meta jiena staqsejtu hu kif kien qalli “Issa naraw!” It-tnejn li aħna konna nafu li xejn ma kien tajjeb iżda dejjem ittamajna f’xi miraklu. Meta darba għidtlu li jidher tajjeb biċ-ċajt qalli “Dejjem għidt li inti giddieb!”
Illum jiena u George m’għadniex ħdejn xulxin, iżda għandi s-sensazzjoni li kull meta mil-lum ’il quddiem niftakar fih, xorta se nkunu qrib xulxin. George sellili!

 

More in Blogs