Azzar, Dmija u Memorji

Dak li qiegħda tgħid Le Pen jeħodna lura lejn l-Ewropa l-antika, il-kontinent li ġabar fih nazzjonijiet rivali bi stejjer ma jaqtgħu xejn ta’ azzar u dmija
Dak li qiegħda tgħid Le Pen jeħodna lura lejn l-Ewropa l-antika, il-kontinent li ġabar fih nazzjonijiet rivali bi stejjer ma jaqtgħu xejn ta’ azzar u dmija

Qed nikteb dan l-artiklu mill-ajurport ta’ Ħal Luqa. Madwari ħafna passiġġieri jistennew l-avviż li jħabbrilhom it-tluq tat-titjira lejn pajjiżi differenti; għal vaganza, għal xogħol. Il-maġġoranza tagħhom b’wiċċhom lejn iċ-ċellulari, it-tablet jew il-laptop. Jien u nagħfas it-tasti tal-laptop tiegħi, ninnaviga fil-beraħ taċ-ċiberspazju, ngħarrex għall-aħħar aħbarijiet, għall-kummentarji dwar l-aħbarijiet u messaġġi oħrajn li, bħall-bqija, saru parti mill-ħajja ta’ kuljum, anzi ta’ kull ħin. Nieħu l-impressjoni li din l-istess sitwazzjoni kienet differenti ħafna daqs, ngħidu aħna, għaxar snin ilu (jew inqas). Jidhirli li l-ħamba kienet tkun ikbar meta l-passiġġieri kellhom inqas fuq xiex jikkonċentraw huma u jistennew.
L-aħbarijiet lokali, tneħħi l-każi sensazzjonali tal-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Erin Tanti u l-istejjer mimlija sess u vjolenza, għadhom iddominati mill-Partit Nazzjonalista u s-sitwazzjoni tiegħu, b’referenza partikolari għar-riżultat fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ ħmistax ilu u d-djun li għandu. Fi mkejjen oħra, ir-referenza għal dawn l-elezzjonijiet aktar turi preokkupazzjoni għall-mod kif il-Lemin Ewropew ħa sopravvent kbir, għalkemm diversi osservaturi politiċi ma ħadux sorpriża kbira minħabba li s-sinjali li dan kellu jiġri ilhom jidhru. Kont qiegħed naqra l-intervista li Mathieu von Rohr, f’isem Der Spiegel, għamel lil Marine Le Pen, il-mexxejja tal-Front National li kiseb ħamsa u għoxrin fil-mija tal-vot fi Franza. It-ton li tuża Le Pen huwa wieħed awdaċi, aggressiv, jekk mhux ukoll ostili fil-konfront tar-rivali politiċi tagħha. Bażikament dak li qiegħda tgħid Le Pen jeħodna lura lejn l-Ewropa l-antika, il-kontinent li tradizzjonalment ġabar fih nazzjonijiet rivali bi stejjer ma jaqtgħu xejn ta’ azzar u dmija. Għalkemm ħafna qegħdin jikkundannaw lilha u lill-partit tagħha bħala ewroxettiċi, il-metafori li tuża u l-messaġġi diretti li tgħaddi aktar juruha bħal anti Unjoni Ewropea. Jidher li fil-mira tagħha hemm Angela Merkel, b’mod partikolari, u l-ġurnalisti Franċiżi u ta’ pajjiżi oħrajn, b’mod ġenerali, li tiġborhom kollha taħt il-kappa tax-Xellugiżmu u, allura, għedewwa tagħha u tal-Ewropa l-qadima li trid terġa’ tirxoxta.
Jekk ħamsa u għoxrin sena ilu l-Ewropa għaddiet minn trasformazzjoni sħiħa bil-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin u dak li ħafna qiesu bħala l-iżmantelliment tal-purtiera tal-ħadid, illum qegħdin nisimgħu mill-ġdid sejħiet biex jitilgħu ħitan ġodda, swar sammi li jifirdu nazzjon minn ieħor. L-għajta ta’ Le Pen hija sejħa Romantika biex Franza tirritorna lejn il-Franċiżi, biex in-nazzjon la jibqa’ tal-Unjoni u wisq anqas tal-immigranti li, biex nuża r-retorika Leminija, invadew l-Ewropa illegalment. Kif nafu anki aħna, iċ-ċittadini tal-iżgħar membru tal-Unjoni Ewropea, id-diskors belliġġerenti ta’ Le Pen u tal-mexxejja politiċi l-oħrajn tal-qatgħa tagħha, għandu diwi anki fuq il-Blata: huwa diskors infettiv li jista’ jittieħed minn kulħadd.
Ħamsa u għoxrin sena ilu l-atmosfera fil-kontinent Ewropew kienet tassew differenti minn dik tal-lum. Fl-4 ta’ Ġunju Solidarnosc, immexxija mit-tarznar ippremjat bin-Nobel għall-paċi Lech Walesa, jirbaħ l-elezzjonijiet liberi fil-Polonja. Imbagħad beda jinħatt il-ħajt bejn iż-żewġ Ewropi ta’ dak iż-żmien, b’rivoluzzjoni waħda wara l-oħra, uħud paċifiċi, oħrajn inqas. Li hu żgur li l-Ewropa ta’ dak iż-żmien qajmet u fl-istess waqt rikbet mewġa ta’ ottimiżmu kbir: il-kontinent kien sar wieħed u din l-għaqda kellha tiġi kkonfermata, imqar metaforikament, ftit tas-snin wara meta numru ta’ pajjiżi minn dak li kien il-Lvant Ewropew issieħbu fl-Unjoni Ewropea.
Fl-istess jum li Solidarnosc tirbaħ l-elezzjoni Pollakka, fiċ-Ċina kien hemm il-falliment imdemmi tal-qawmien tal-poplu kontra t-tmexxija dittatorjali li għadha qawwija sal-lum. Il-Pjazza ta’ Tienanmen tara l-bidu u t-tmiem tat-tentattiv popolari li tiġi riformata ċ-Ċina. Ritratti minn pjazza Tienanmen fuq il-laptop juru preżenza qawwija tal-forzi tal-ordni biex jiġi assigurat li dan l-anniversarju tal-fidda ma jiġix immarkat. Tienanmen qiegħda tiġi kkontrollata li ma tmurx tisponta xi memorja minn xi mkien ta’ dik li l-awtoritajiet Ċiniżi għadhom isejħu bħala attività kontrorivoluzzjonarja. Il-kontroll fuq il-memorja huwa assolut, tant li lanqas ġurnalisti barranin ma tħallew iżuru l-pjazza massiva mgħarrqa fl-amnesija.
Mhux kulħadd lest jinsa iżda. Sentejn ilu d-dar tal-pubblikazzjoni Jonathan Cape ippubblikat L-Eleġiji tal-Erbgħa ta’ Ġunju, ġabra ta’ poeżiji li l-awtur, kritiku letterarju u dissident Liu Xiaobo, kiteb kull anniversarju tal-massakru fi Pjazza Tienanmen. Bħal Walesa Xiaobo ngħata l-Premju Nobel għall-Paċi fl-2003, iżda hu kien maqful il-ħabs u t-tmexxija Ċiniża ma ħarġet permess lil ħadd jiġbor il-premju f’ismu. F’dawn l-eleġiji annwali kull 4 ta’ Ġunju, Xiaobo joħroġ lament għar-rivoluzzjoni falluta, għall-ħafna ħajjiet li nħasdu fil-pjazza, imma wkoll għall-memorja li anki fuqha ġew immirati l-kanen tal-kanuni għal ħamsa u għoxrin sena sħaħ.
Dawk l-individwi li għaddew mit-trawma – u dan mhuwiex fattur ristrett għall-avvenimenti ta’ Pjazza Tienanmen – jaddottaw waħda minn żewġ attitudnijiet kuntrastanti: jew il-bżonn li jidfnu l-memorja biex ma jerġgħux jaffaċjaw it-trawma jew, għall-kuntrarju, jibqgħu jibżgħu li dak li għaddew minnu jintesa, ma jibqax meqjus b’importanti minn dawk li ġew wara. Apparentament il-kittieba, għallinqas fil-maġġoranza assoluta ta’ dawk b’xeħta politika, jappartjenu għat-tieni ġabra: il-poeta jħossu fi dmir li jibqa’ jfakkar, li jiġbed l-attenzjoni għat-trawma u l-effetti tagħha. Hu għalhekk li f’dawn l-eleġiji kollha Xiaobo jagħmel ħafna referenzi għall-memorja u għat-tentattiv tal-amministrazzjoni Ċiniża biex inessi, iħassar l-Istorja. Nislet mill-eleġija miktuba fl-2001 biex timmarka l-ħdax-il anniversarju ta’ Tienanmen:

“Mhux permess titnikket
Mhux permess tiftakar
Mhux permess li l-omm li tilfet  ’il binha
żżur lill-mara li tilfet ’il żewġha
Mhux permess li dak il-paralitiku żagħżugħ
bilqiegħda fuq siġġu tar-roti
isib driegħ li jgħinu jimxi
Mhux permess li l-armla tirċievi bukkett fjuri
Mhux permess li l-orfni jingħata basket ġdid
Mhux permess li par idejn sħan jgħinu lir-ruħ li żvijat li m’għandhiex saqaf fuq rasha
billi jagħtuha ftit ħamrija ħa tħawwel pjanta”

Talli jipprova jġedded il-memorja, Xiaobo għadu l-ħabs, bl-aħħar ġuri jikkundannah biex jibqa’ maqful sal-2020. Mhux talli hekk, talli anki martu tgħix taħt arrest f’darha u tista’ tara ‘l żewġha darba fix-xahar; tarah fil-preżenza tal-uffiċjali tal-pulizija li jinterrompu d-djalogu jekk imqar jirreferu għall-passat.
Fl-istudju tagħha dwar l-eleġija Dying Modern: A Meditation on Elegy, Diana Fuss tosserva li l-eleġija turi r-rifjut tal-mejjet li jiskot, li jintesa. Mhux ta’ b’xejn li Xiaobo jsejjaħ dawn il-kitbiet bħala eleġiji: l-ewwel nett huma ħsibijiet dwar qawmien ta’ poplu li falla; it-tieni hemm in-numru kbir ta’ nies li spiċċaw vittmi fil-pjazza li kuljum preċett tiġbed lejha eluf ta’ viżitaturi; it-tielet it-tentattiv tal-mexxejja u l-klassi politika li joqtlu l-Istorja; biex ma nsemmux ukoll id-difna ta’ Xiaobo fiċ-ċella tal-ħabs u ta’ martu bejnl-erba’ ħitan ta’ darhom.
Imma Xiaobo jirrifjuta li jispiċċa, u mid-difna tiegħu jkompli jitkellem.

 

More in Blogs