Innovazzjoni li tikkumbatti l-prezzijiet tal-kera

Raffaele Pace, il-moħħ wara din il-pjattaforma, jitkellem fuq l-idea wara Rent for Less 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mas-sid tal-pjattaforma Rent for Less Raffaele Pace, pjattaforma li tqabbad is-sidien tal-propjetà direttament ma’ min irid jikri.

 Pace kien jaħdem bħala aġent ibigħ il-propjetajiet meta hu nnota li s-suq tal-propjetà sar mimli aġenti, fejn is-suq kien sar tant mgħaġġel li l-attenzjoni li l-aġent jagħti lill-klijent wieħed bdiet tiddeterjora.

“L-ispejjeż għall-ammont ta’ xogħol li kien qed isir ma kienx ġustifikat. Għalhekk jien ħriġt bl-idea ta’ Rent For Less, bl-idea li nqabbdu s-sidien direttament ma’ dawk li jridu jikru mingħajr il-problemi kollha li ħoloq is-suq tal-kiri,” spjega Pace. Hu qal li minn dejjem xtaq jibda xi ħaġa għal rasu li tkun ta’ għajnuna għan-nies, u allura peress li kien aġent l-idea ġiet b’mod naturali.

 L-għan tal-pjattaforma huwa li jitnaqqsu l-ispejjeż għaż-żewġ naħat sabiex il-proċess tal-kiri jsir eħfef. Hu qal li s-sit iħalli lil dawk li jikru fil-libertà li jfittxu l-propjetajiet li jridu b’kuntatt dirett mas-sid, u kif il-proċess tal-kiri jkollu inqas spejjeż, il-prezzijiet tal-propjetà tonqos.

 Hu spjega li s-sit jaħdem fuq qafas ta’ abbonament bi spiża għas-sidien li tiswa ferm inqas minn kemm wieħed iħallas aġent tradizzjonali kif ukoll iżjed flessibbiltà. “Hekk kif il-pjattaforma għadha tibda, bħalissa qed inħallu l-ewwel 100 propjetà li jittellgħu fuq is-sit b’xejn, xi ħaġa li forsi nestendu jekk ikun hemm esiġenza għaliha.”

Is-sit ilu jeżisti biss tliet ġimgħat u jappella għal kulħadd li qiegħed ifittex post u jixtieq inaqqas l-ispejjeż. Il-loġika tal-pjattaforma hija waħda faċli immens sabiex tkun aċċessibbli anke għal min mhuwiex daqshekk intiż fid-dinja diġitali. Hu spjega li t-tir fl-immedjat huwa li l-messaġġ joħroġ għand is-sidien sabiex tikber il-pjattaforma u l-għażla għal min jixtieq jikri. Pace qal li fil-futur hemm l-idea li dan is-sit jestendi anke f’setturi oħra, jekk ikun hemm esigenza u aktar sapport.

L-interprenditur avviċina din il-gazzeta wara l-istudju tal-għaqda Solidarjetà fejn ir-riżultati sabu li s-suq tal-kiri privat qed iħalli numru ta’ familji f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja.

More in Socjali