Projbizzjoni fuq it-tipjip f’Golden Bay u Ramla l-Ħamra mill-2026

Mill- 1 ta’ Jannar 2026 se jkun projbit it-tipjip f’żewġ bajjiet popolari ta’ Malta u Għawdex bħala parti minn proġett pilota biex jinkoraġġixxi spazji pubbliċi aktar nodfa

Minn sena d-dieħla, it-tipjip f’Golden Bay (il-Bajja tal-Mixquqa) u Ramla l-Ħamra se jkun projbiti wara li nħareġ avviż legali fit-23 ta’ Settembru 2025. Il-projbizzjoni ġiet stipulata fir-regolamenti Smoking Control on Beaches Regulations, 2025.

Il-miżura, parti minn proġett pilota, għandha l-għan li toħloq arja aktar nadifa u ambjent kostali aktar sigur u b’saħħtu. Se jkunu mwaqqfa żoni apposta għat-tipjip, immarkati b’mod ċar fuq il-bajjiet, sabiex jittieħdu in konsiderazzjoni d-drittijiet ta’ kulħadd.

Kevin Mercieca, Kap Eżekuttiv tal-ERA, qal li: “Din il-miżura hija pass ieħor lejn spazji pubbliċi aktar nodfa u aktar siguri.”

L-inizjattiva ssaħħaħ ukoll il-liġi li ilha fis-seħħ 20 sena li tipprojbixxi t-tipjip fuq it-trasport pubbliku, f’postijiet tax-xogħol u spazji interni pubbliċi, kif ukoll fi playgrounds u ġonna pubbliċi biż-żona tat-tfal.

Is-Superintendenta tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li din il-miżura hija kruċjali biex tnaqqas l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk li jista’ jikkawża mard respiratorju, mard kardjovaskulari u kanċer. “Din hija parti essenzjali mill-istrateġija tat-tabakk tagħna, u pass importanti lejn ħajja aktar b’saħħitha għal kulħadd,” żiedet tgħid.

Il-proġett hu frott ta’ kollaborazzjoni bejn l-ERA, il-Ministeru għas-Saħħa u x-Xjuħija Attiva, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, il-LESA u l-Pulizija.

Min jinqabad jikser il-projbizzjoni jkun suġġett għal multa ta’ €150. Barra minn hekk, l-inizjattiva mistennija tnaqqas ukoll it-tniġġis mill-fdalijiet tat-tabakk bħall-imfietaħ u l-buttijiet tas-sigaretti, li fihom plastik klassifikat bħala SUP (single-use plastic) skont ir-regolamenti tal-UE u li jheddu l-ekosistemi marittimi.

B’dan il-pass, Malta issa tingħaqad ma’ pajjiżi bħall-Franza, ir-Renju Unit, l-Iżvezja u l-Finlandja li diġà daħħlu restrizzjonijiet fuq it-tipjip f’bajjiet u f’parks.

More in Socjali